L-Epistoli ta' Ġwanni

Dwar l-awtur

Għalkemm hemm qbil ġenerali li l-istess bniedem li kiteb l-Evanġelju skont Ġwanni kiteb ukoll dawn l-ittri, xi wħud jidhrilhom li ma kinux miktuba (kif miżmum tradizzjonalment) minn Ġwanni l-appostlu, bin Żebedew, iżda minn Ġwanni ieħor (l-Anzjan jew il-Presbiteru) (2 Ġwanni 1; 3 Ġwanni 1). Huwa argumentat li raġel bla edukazzjoni (Atti 4:13) ma setax jikteb kitba daqshekk profonda bħall-evanġelju, u li l-appostlu Ġwanni ma kienx se jasal biex isejjaħ lilu nnifsu presbiteru. Iżda bla edukazzjoni ma jfissirx illitterat, imma biss bla taħriġ formali fl-iskejjel rabbiniċi. Xi sajjieda kienu tat-tajjeb (cf., Marku 1:20); u Pietru, għalkemm appostlu, sejjaħ lilu nnifsu presbiteru (1 Pietru 5:1). Barra minn hekk, jekk Ġwanni l-Anzjan hu “d-dixxiplu l-maħbub” u l-awtur tal-evanġelju, għaliex qatt ma jsemmi lil Ġwanni bin Żebedew, figura importanti f’ħajjet Kristu, f’dak l-evanġelju? L-evidenza turi li Ġwanni l-Anzjan u Ġwanni l-appostlu huma l-istess persuna.

Fl-evanġelju u fl-ittri nsibu kliem u tagħlim jixxiebah, jew l-istess. Pereżempju: jimxi fid-dlam (1 Ġwanni 1:6 ma’ Ġwanni 12:35), m’hemmx sewwa fih (1 Ġwanni 2:4 ma’ Ġwanni 8:44), għadda mill-mewt għall-ħajja (1 Ġwanni 3:14 ma’ Ġwanni 5:24), ħadd qatt ma ra lil Alla (1 Ġwanni 4:12 ma’ Ġwanni 1:18), ix-xitan hu giddieb mill-bidu (1 Ġwanni 3:8 ma’ Ġwanni 8:44), min jagħmel id-dnub hu bin ix-xitan (1 Ġwanni 3:10 ma’ Ġwanni 8:44), u l-imħabba lejn il-proxxmu bħala kmandament ġdid (1 Ġwanni 2:7-8 ma’ Ġwanni 13:34). Dan kollu jikkonferma illi huma miktuba lkoll mill-istess persuna. 

Fit-tielet seklu l-ewwel ittra narawha miżmuma minn kulħadd bħala kitba tal-appostlu Ġwanni. Fi ħruġ it-tieni seklu Irenew isemmiha bħala miktuba minn Ġwanni. Xhieda iktar qodma huma Papija u Polikarpu.

Meta nkitbu

Tradizzjoni qawwija tgħid li Ġwanni qatta’ xjuħitu f’Efesu. Nuqqas ta’ referenzi personali fl-ewwel ittra jindika li kienet miktuba fi stil omeletiku lill-Kristjani fl-Asja Minuri kollha, bħall-Epistola lill-Efesin. Disgħa u disgħin fil-mija nkitbet wara l-Evanġelju u qabel il-persekuzzjoni taħt Domizjanu fis-sena 95 w.K., u allura fit-tmininijiet imwaħħra jew disgħinijiet bikrija.     

Iċ-ċirkostanzi u s-suġġetti taż-żewġ ittri l-oħra jindikaw li nkitbu inċirka fl-istess perjodu tal-ewwel waħda (madwar 90 w.K.), u mill-istess lokalità.

Dwar it-tliet ittri ta’ Ġwanni

Fl-ittri tiegħu l-appostlu Ġwanni jeħodha kontra l-ereżija tan-Njostiċiżmu, li kienet bdiet tinsinwa ruħha fil-knejjes. Fost it-tagħlim qarrieq tan-Njostiċi nsibu li:

1. It-tagħrif hu superjuri għall-virtù.

2. Is-sens nonlitteru tal-Iskrittura hu korrett u jistgħu jifhmuh biss il-ftit inizjati.

3. Il-ħażen fid-dinja jipprekludi lil Alla bħala l-uniku Ħallieq.

4. L-inkarnazzjoni hi inkredibbli għaliex id-divinità ma jistax jidħol f’unità ma’ kwalunkwe ħaġa materjali bħalma hu ġisem uman. Aktar tard dan żviluppa fid-Doċetiżmu, ċoè t-tagħlim li Kristu, Alla l-Iben, deher bħala bniedem imma mhux veru kien bniedem.

5. M’hemmx qawmien mill-mewt. 

Qabda mit-tagħlim etiku tan-Njostiċi kien baxx wisq; għaldaqstant Ġwanni jenfasizza r-realtà tal-inkarnazzjoni u l-ħajja etika għolja ta’ Kristu. 

L-Ewwel Epistola ta’ Ġwanni

L-ittra turi l-affezzjoni ovvja ta’ Ġwanni lejn “l-ulied iż-żgħar” tiegħu. Fiha jesprimi kemm hu kkonċernat dwar il-ġid spiritwali tagħhom. Tul l-ittra niltaqgħu ma’ diversi kuntrasti – dawl u dlam (1 Ġwanni 1:6-7; 2:8-11); l-imħabba tad-dinja u l-imħabba t’Alla (1 Ġwanni 2:15-17); ulied Alla u wlied ix-xitan (1 Ġwanni 3:4-10); l-Ispirtu t’Alla u l-ispirtu tal-Antikrist (1 Ġwanni 4:1-3); l-imħabba u l-mibegħda (1 Ġwanni 4:7-12,16-21).

L-ittra tista’ tinqasam hekk: wara l-introduzzjoni (1 Ġwanni 1:1-4), Ġwanni jgħid x’inhuma l-kundizzjonijiet għax-xirka (1 Ġwanni 1:5-2:2), il-kondotta fix-xirka (1 Ġwanni 2:3-27), il-karatteristiċi tax-xirka (1 Ġwanni 2:28-3:24), il-prekawzjonijiet tax-xirka (1 Ġwanni 4:1-21), u l-konsegwenzi tax-xirka (1 Ġwanni 5:1-21).

It-Tieni Epistola ta’ Ġwanni

Din l-ittra tagħti l-essenzjal tal-mixja personali tal-fidil f’jum meta “ħafna qarrieqa ħarġu fid-dinja” (2 Ġwanni 7). Il-ħsieb prinċipali hu l-verità, jiġifieri, il-korp sħiħ ta’ verità rivelata fl-Iskrittura, li sservi bħala l-unika awtorità għad-dottrina u l-imġiba tal-fidil, u r-riżorsa tiegħu fi żmien ta’ apostasija u rigressjoni spiritwali. 

It-Tielet Epistola ta’ Ġwanni

L-appostlu anzjan kien kiteb lil knisja li ppermettiet lil wieħed Dijotrefe jeżerċita awtorità abbużiva, komuni qatigħ fiż-żmien postappostoliku, iżda kompletament ġdida fil-knejjes primittivi. Dijotrefe rrofta l-ittri appostoliċi. Jidher ukoll li ċaħad il-ministeru ta’ aħwa viżitanti (3 Ġwanni 10), u keċċa ’l barra lil dawk li laqgħuhom. Storikament, l-ittra timmarka l-bidu ta’ dik l-arroganza klerikali u saċerdotali fuq il-knejjes li fihom l-ordni primittiva tal-knejjes irrigressat u bosta drabi sparixxiet. 

Din l-epistoli tiżvela wkoll ir-riżorsa tal-fidil fi żminijiet iebsa u sfidanti. Ġwanni m’għadux jikteb bħala appostlu, iżda bħala presbiteru, u ma jindirizzax lil knisja bħala knisja, iżda lil raġel fidil fil-knisja għall-faraġ u l-inkuraġġiment ta’ dawk li kienu weqfin sodi fis-sempliċità primittiva. L-ittra turi r-responsabbiltà personali tal-fidil bħala membru fil-knisja lokali.