L-Evanġelju Skont Ġwanni


  •  Dwar l-awtur

Il-kittieb ta’ dan l-evanġelju hu identifikat biss bħala “d-dixxiplu li kien iħobb Ġesù (Ġwanni 21:20,24). Kien ovvjament Lhudi Palestinjan, xhud tal-avvenimenti ta’ ħajjet Kristu, għax jidher intiż fil-konswetudnijiet u użanzi Lhud (Ġwanni 7:37-39; 18:28), kif ukoll tal-art tal-Palestina (Ġwanni 1:44,46; 5:2). Jinkludi dettalji ta’ xhud preżenti (Ġwanni 2:6; 13:26; 21:8,11). Meta neliminaw id-dixxipli l-oħra li fformaw iċ-ċirku ġewwieni (peress li Ġakbu kien miet martri qabel dan iż-żmien (Ġwanni 2:6; 13:26; 21:8,11) u peress li Pietru hu msemmi f’assoċjazzjoni mad-dixxiplu li Ġesù kien iħobb (Ġwanni 13:23-24; 20:2-10), nikkonkludu li l-awtur kien Ġwanni. 

Ġwanni l-appostlu kien bin Żebedew u Salome, u ħu Ġakbu. Kien Galilew, apparentement imrobbi f’familja ta’ mezzi adegwati (Marku 15:40-41). Minħabba l-karattru tiegħu tlaqqam bħala “bin ir-ragħad (Marku 3:17). Wettaq rwol ta’ mexxej ewlieni f’xogħol il-knisja bikrija f’Ġerusalemm (Atti 3:1; 8:14; Galatin 2:9). Iżjed tard vjaġġa lejn Efesu u konsegwenza ta’ persekuzzjoni safa eżiljat fuq il-gżira msejħa Patmos (Rivelazzjoni 1:9). Fi żmien Nerva (96-98) seta’ jerġa’ lura lejn il-merħla tiegħu f’Efesu fejn miet mimli bil-għomor.

Il-kitbiet ta’ Injazju ta’ Antijokja, Polikarpu, Ġustinu, u Irenew huma mimlija bi kliem u tagħlim meħud mir-Raba’ Evanġelju. Irenew, li kiteb fi ħruġ it-tieni seklu, u ħafna oħrajn warajh, isemmi lil Ġwanni l-appostlu bħala l-awtur tal-evanġelju. 


  • Meta nkiteb

Għalkemm l-Evanġelju skont Ġwanni kien datat minn xi kritiċi estremi bħala miktub f’nofs it-tieni seklu, l-iskoperta tal-framment tal-Papiru Rylands (silta qasira minn Ġwanni 18 datata madwar is-sena 135) sforzat l-għoti ta’ data iżjed bikrija. Bejn il-kitba oriġinali, l-ikkopjar u ċ-ċirkolazzjoni tagħha sal-bordura tal-Eġittu (fejn instab il-framment) bilfors li kienu għaddew bosta snin. Apparentement l-Evanġelju kien iċċirkolat bejn is-sena 89 u 90 w.K., għad li seta’ nkiteb minn Efesu iżjed kmieni. Skoperti f’Qumran attestaw il-ġenwinità tal-isfond Lhudi u l-ħsieb muri fil-ktieb. 


  • Distintivi fil-Vanġelu skont Ġwanni

L-Evanġelju skont Ġwanni hu l-iżjed evanġelju teoloġiku. Jittratta dwar in-natura u l-persuna ta’ Kristu u t-tifsira tal-fidi fih. Il-preżentazzjoni ta’ Kristu bħala l-Iben divin t’Alla, kif mogħtija minn Ġwanni, narawha fit-titli li bih hu deskritt: “il-Kelma kien Alla” (Ġwanni 1:1), “il-Ħaruf t’Alla” (Ġwanni 1:29), “il-Messija” (Ġwanni 1:41), “Bin Alla” u “s-Sultan ta’ Iżrael” (Ġwanni 1:49), “is-Salvatur tad-dinja (Ġwanni 4:42), “Mulej...u Alla” (Ġwanni 20:28). Id-divinità tiegħu hi affermata b’sensiela ta’ stqarrijiet “Jiena hu...” (Ġwanni 6:35; 8:12; 10:7,9,11,14; 11:25; 14:6; 15:1,5). Fi stqarrijiet oħra “Jiena hu,” Kristu jisħaq impliċitament u espliċitament li hu Jaħwe tal-Patt il-Qadim (Ġwanni 4:24,26; 8:24,28,58; 13:19). Dawn huma l-isħaħ stqarrijiet tad-divinità li Kristu seta’ għamel.

L-istruttura u l-istil tal-evanġelju huma differenti minn dawk tas-Sinottiċi. Ma fihx parabboli. Jirrakkonta biss seba’ mirakli (ħamsa minnhom mhux irrekordjati band’oħra), u bosta intervisti personali. L-awtur jenfasizza l-attwalità fiżika tal-ġuħ, l-għatx, l-għejja, l-uġigħ u l-mewt ta’ Kristu bħala difiża kontra ċ-ċaħda Njostika tan-natura umana vera tiegħu. 

It-tema, mela, indikata fil-Prologu (Ġwanni 1:1-14) u fl-aħħar vers tal-evanġelju proprju (Ġwanni 20:31), hi din: l-inkarnazzjoni tal-Kelma eterna, u Bin Alla, hu nnifsu Alla, f’Ġesù l-Kristu:

1. Biex jirrivela ’l Alla f’ħajja umana.

2. Biex dawk li jemmnu fih bħala “l-Kristu, Bin Alla” jkollhom il-ħajja eterna (Ġwanni 20:31).

Il-kelmiet prominenti huma “emmen” u “ħajja.”

Temi importanti oħra jinkludu l-Ispirtu s-Santu (Ġwanni 14:26; 15:26; 16:7-14), Satana u d-dinja (Ġwanni 8:44; 12:31; 17:15), u t-twelid mill-ġdid (Ġwanni 8:44; 12:31; 17:15).

L-għan tal-awtur hu mniżżel ċar u tond. “Għalhekk Ġesù għamel ukoll ħafna sinjali mirakolużi oħrajn fil-preżenza tad-dixxipli tiegħu, li mhumiex miktubin f’dal-ktieb; imma dawn huma miktubin sabiex temmnu illi Ġesù hu l-Kristu, Bin Alla, u billi temmnu jkollkom il-ħajja f’ismu (Ġwanni 20:30-31). 

L-evanġelju hu kultant magħruf bħala l-Ktieb tas-Seba’ Sinjali, peress li l-kittieb għażel seba’ mirakli bħala għeliem biex jirrivela min hu Ġesù u x’inhi l-missjoni tiegħu. Dawn huma:


1. Il-bidla tal-ilma fi nbid waqt tieġ (Ġwanni 2:1-11). 

2. Il-fejqan ta’ bin wieħed nobbli (Ġwanni 4:46-54).

3. Il-fejqan tal-paralitiku fil-Menqgħa ta’ Betżata (Ġwanni 5:1-18). 

4. It-tmigħ tal-ġemgħa bil-ħobż (Ġwanni 6:6-13). 

5. Il-mixi fuq l-ilma (Ġwanni 6:16-21). 

6. L-għoti tad-dawl lill-għami minn twelidu (Ġwanni 9:1-7). 

7. Il-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru (Ġwanni 11:1-45).


Wara r-resurrezzjoni tiegħu, Kristu jagħmel miraklu ieħor quddiem seba’ mid-dixxipli, billi kkawża illi tinqabad kwantità kbira ta’ ħut wara lejl bla ma qabdu xejn (Ġwanni 21:5-6).