L-Epistola ta' Ġuda

Dwar l-awtur

Ġuda, li jidentifika lilu nnifsu bħala ħu Ġakbu (Ġuda 1), mexxej ma’ oħrajn tal-knisja f’Ġerusalemm (Atti 15, eċċ.), u ħu l-Mulej Ġesù. Ġuda hu mniżżel fil-lista tal-aħwa ta’ Kristu (Mattew 13:55; Marku 6:3). Għalkemm, mill-istqarrija tiegħu stess, kellu l-intenzjoni jikteb trattat fuq is-salvazzjoni, iċ-ċirkostanzi rrekjedew illi jittratta l-kwistjoni tal-għalliema foloz u l-apostasija (Ġuda 3). Probabbilment l-ittra nkitbet bejn is-sena 70 u 80 w.K.

Għala nkitbet

L-ittra nkitbet biex tiddefendi l-fidi appostolika kontra t-tagħlim falz li kien rema’ jixxenxel fil-knejjes. Avvanzi allarmanti kienu qed isiru minn għamla bikrija ta’ Njostiċiżmu – mhux axxetiku, bħal dak attakkat minn Pawlu fil-Kolossin, iżda antinomjan (jiġifieri ta’ għalliema foloz li proponew illi wieħed jista’ jgħix laxk moralment u xorta waħda jsalva). In-Njostiċi kienu jistmaw kulma hu materjali bħala ħażin u kwalunkwe ħaġa spiritwali bħala tajba. Għaldaqstant kienu jikkoltivaw il-ħajja “spiritwali” tagħhom u jħallu lil ġisimhom jagħmel li jrid, bir-riżultat li kienu ħatja ta’ kull tip ta’ permissività u inikwità.

Ġuda jikkundanna l-eretiċi bi kliem iebes u jeżorta lill-qarrejja biex jissaraw għall-fidi, ċoè jżommu sħiħ u jiddefendu t-tagħlim appostoliku (Ġuda 3). Jesponi min huma l-għalliema foloz, jippronunzja l-kundanna tagħhom, jiddeskrivihom, u fl-aħħar iħeġġeġ lill-fidili biex jibqgħu fit-talb, fil-purità u jirsistu biex jilħqu lil ħaddieħor bl-evanġelju.