L-Epistola ta' Ġakbu

Dwar l-Epistoli Ġenerali

L-hekk imsejħa “Epistoli Ġenerali” jew “Epistoli Kattoliċi” huma l-Ittra ta’ Ġakbu, l-1 u t-2 Pietru, l-1, it-2, u t-3 Ġwanni, u Ġuda. Minn kmieni dawn l-ittri ssejħu hekk għax (bl-eċċezzjoni tat-2 u t-3 Ġwanni) ma kinux indirizzati lil xi ġemgħa f’lokalità waħda. Ġakbu, pereżempju, jindirizza lit-tnax-il tribù mxerrda f’artijiet oħra (Ġakbu 1:1) – deskrizzjoni tal-fidili kullimkien (possibbilment il-Kristjani Lhud kollha f’dik id-data bikrija). 

Huma pjuttost differenti minn dawk ta’ Pawlu. Id-differenza b’ebda mod mhi waħda ta’ konflitt: kollha jippreżentaw l-istess Kristu, l-istess salvazzjoni, u l-istess etika. Id-differenza tinsab fl-estensjoni u fl-iżvilupp. L-Ittri Ġenerali jittrattaw ħwejjeġ elementari u pedamentali tal-evanġelju, filwaqt li lil Pawlu kienu mogħtija r-rivelazzjonijiet rigward il-knisja, il-post tagħha fil-għan t’Alla, u s-sejħa u t-tama tal-fidili bħala f’unità vitali ma’ Kristu fil-ġisem wieħed. 

L-awturi tal-Ittri Ġenerali jittrattaw il-knisja bħala ġisem professjonanti li fih, matul dan iż-żmien, il-qamħ u s-sikrana jinsabu mħallta flimkien (Mattew 13:24-30). Il-kitbiet tagħhom, għalhekk, joktru bi twissijiet maħsuba biex iqanqlu u jallarmaw lis-sempliċi kredenti professjonanti. 

L-awtur tal-Epistola ta’ Ġakbu

Mill-erba’ rġiel bl-isem ta’ Ġakbu fit-Testment il-Ġdid, tnejn biss huma proposti bħala l-awtur ta’ din l-ittra – Ġakbu, bin Żebedew (u ħu Ġwanni), u Ġakbu, ħu Ġesù Kristu. Ma tantx iddoqq li bin Żebedew kien l-awtur, għax ingħata l-martirju pjuttost kmieni – fis-sena 44 (Atti 12:2).  It-ton awtorevoli tal-ittra mhux biss ma jiffavorixxix iż-żewġ Ġakbijiet inqas magħrufa, (i.e., Ġakbu ż-Żgħir u Ġakbu msemmi f’Luqa 6:16), iżda jindikalna lil ħu Ġesù, li kien sar mexxej rikonoxxut fil-knisja ta’ Ġerusalemm (Atti 12:17; 15:13; 21:18). Dil-konklużjoni hi mwieżna mix-xebh fil-Grieg bejn din l-epistola u d-diskors ta’ Ġakbu fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm (qabbel Ġakbu 1:1 u Atti 15:23, kif ukoll Ġakbu 1:27 u Atti 15:14; u Ġakbu 2:5 u Atti 15:13).

Xi wħud jiċħdu li Ġakbu hu l-awtur tagħha minħabba t-tħaddim ta’ Grieg eċċellenti. Madankollu, il-Galilin kienu jafu l-Grieg sew u kapaċi jħaddmuh b’sengħa, flimkien mal-Arami u l-Ebrajk. 

Meta nkitbet

Data bikrija (bejn 45 u 50) hi indikata min-nuqqas ta’ referenza għall-Konċilju ta’ Ġerusalemm (li tlaqqa’ fis-sena 49), u mill-użu tal-kelma “sinagoga” (assemblea) minflok il-kelma “knisja (Ġakbu 2:2), kif ukoll mill-mistennija qawwija tal-miġja ta’ Kristu (Ġakbu 5:7-9).

Il-kontenut tal-ittra

It-tema prinċipali fl-Epistola ta’ Ġakbu hi “r-reliġjon” (bil-Grieg, thrēskeia, reliġjon, servizz reliġjuż, qima) bħala l-espressjoni u l-prova tal-fidi. Ġakbu ma jeżaltax l-opri kontra l-fidi, iżda jirrikkmanda l-fidi li tipproduċi l-opri. Il-ktieb hu kkonċernat bl-aspetti prattiċi ta’ kondotta Kristjana. Jgħarrafna kif il-fidi taħdem fil-ħajja ta’ kuljum. L-għan ta’ Ġakbu hu illi jipprovdi struzzjoni etika konkreta. Paragunat ma’ Pawlu, Ġakbu ma jesprimix teoloġija formali daqstant, għalkemm l-ittra mhix nieqsa mill-istqarrijiet teoloġiċi (Ġakbu 1:12; 2:1,10-12,19; 3:9; 5:7-9,12,14). L-istil tiegħu hu dak tal-kotba sapjenzali fil-Patt il-Qadim.

Għadd ta’ suġġetti huma diskussi, u għalhekk l-ittra hi speċi ta’ sensiela ta’ għidut qosra rranġati f’għamla t’ittra. Filwaqt li l-ktieb għandu ftit li xejn struttura formali, tagħlimu jispjega kif napplikaw il-Kelma f’ħajjitna, u mhux nisimgħuha biss (Ġakbu 1:22). Fil-mija u tmien versi tal-epistola hemm referenzi jew allużjonijiet għal tnejn u għoxrin ktieb tal-Patt il-Qadim, u tal-inqas ħmistax-il allużjoni għal tagħlim Kristu kif misjub fil-Prietka fuq il-Muntanja. Fost is-suġġetti ewlenin insibu l-fidi u l-opri (Ġakbu 2:14-26), l-użu tal-ilsien (Ġakbu 3:1-12) u t-talb għall-morda (Ġakbu 5:13-16).