Il-Formazzjoni tal-Patt il-Ġdid


Il-qanun magħruf tal-Patt il-Ġdid ifforma b’mod spontanju, avolja bil-mod il-mod, tul is-snin. Hu fatt rimarkevoli li m’għandna ebda intervent bikri t’awtorità ekkleżjastika fl-għamla tal-qanun. Ebda konċilju, la lokali u lanqas ekumeniku, ma ddiskuta das-suġġett. Ebda deċiżjonijiet formali ma ttieħdu. Il-qanun deher qisu fforma lilu nnifsu. Dan in-nuqqas ta’ ndħil hu evidenza siewja favur il-ġenwinità tal-Evanġelji tagħna. Hekk jidher li l-Erba’ Vanġeli ssopravivew mhux minħabba xi awtorità barranija, iżda bit-toqol tagħhom stess, u waħidhom għattnu “l-evanġelji” spurji kollha, mewtuhom u tfewlhom il-miżura ta’ popolarità li darba seta’ kellhom. 

Il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-formazzjoni tal-qanun huma simplifikati qatigħ meta niftakru li l-Bibbja hi attwalità preżenti, bl-evidenza ta’ perfezzjoni divina. Għalhekk il-problema tisfa waħda li tmur lura u tipprova tara x’ġara fl-imgħoddi. Attenzjoni raġunevoli għall-fatti involuti juruna l-verità li l-metodu wżat fil-formazzjoni tal-qanun kien naturali kif ukoll sopranaturali. Hawn nilmħu wirja ta’ koordinazzjoni ta’ determinazzjoni divina u kooperazzjoni umana. 

Madankollu, l-element ta’ determinazzjoni divina hu deċiżiv, bħalma nistgħu ngħidu li l-Ispirtu s-Santu hu l-awtur veru tal-Iskrittura. Ir-raġuni ġġegħilna nikkonkludu li bħalma Alla ispira ċertu kitbiet inkomparabbli, hekk ukoll fedelment u konsistentement miegħu nnifsu, jiġbor dawn il-kitbiet f’volum wieħed u juri li huma tabilħaqq awtorevoli. Fil-perfezzjoni tiegħu, nistennew li Alla jwettaq dil-ħidma bla żball fil-għażla u l-arranġament finali tal-kotba ispirati. B’hekk il-kontinwità unika tal-Bibbja tkun murija, mingħajr ma jinstab fiha xi element barrani jew nieqes.

Min-naħa umana, nagħrfu illi kien hemm xi prinċipji operattivi fil-formazzjoni tal-qanun tal-Patt il-Ġdid. Il-konċilji ekkleżjastiċi rrikonoxxew l-awtorità li diġà kienet teżisti fil-kotba ispirati sa mill-bidu, għax il-Bibbja tawtenika lilha nfisha. Alla ggwida lill-knisja tiegħu biex il-qanun isir magħruf. Dawn il-prinċipji kienu applikabbli u b’hekk, mal-medda taż-żmien, il-kotba ġenwini ntgħażlu minn dawk li ma kinux ispirati:

1. Appostoliċità.

Il-ktieb kien miktub minn appostlu jew soċju qribu (profeta)? It-test tal-awtorità, ċoè, il-ktieb kien miktub minn appostlu jew persuna qribu (cf., Mt.10:40)? Pereżempju, Marku, kiteb bl-awtorità ta’ Pietru, u Luqa bl-awtorità ta’ Pawlu.

2. Kontenut.

Il-ktieb kien ta’ karattru suffiċjentement spiritwali? Fuq il-bażi ta’ dat-test il-maġġoranza ta’ kotba apokrifi u psewdopigrafiċi kienu eliminati u dawk ispirati miżmuma.

3. Universalità.

Il-ktieb kien aċċettat mill-parti l-kbira tal-knejjes? Dat-test għen fl-eliminazzjoni ta’ kotba indenji; iżda wkoll ipperpetwa d-dibattitu dwar il-kanoniċità tal-hekk imsejħa antilegomena għal żmien twil.

4. Ispirazzjoni. 

Il-ktieb kien jagħti evidenza interna t’ispirazzjoni? Dan hu l-prinċipju kruċjali. 

Il-knisja ta’ Kristu wirtet mingħand il-Lhud (Rumani 3:1-2; Salmi 147:19-20; Dewteronomju 4:7-8) id-disgħa u tletin ktieb inkorporati fil-Patt il-Qadim, li l-qanun tiegħu kien ilu sekli sħaħ magħluq (minn żmien Esdra, ċirka 450 q.K.), u l-Patt il-Ġdid jirrikonoxxih (Mattew 23:25: mod ekwivalenti bħallikieku qal, “Mill-Ġenesi sa Malakija.” cf., Mattew 21:42; 22:29, eċċ.). Xogħol il-knisja kien li tgħarbel u tirrikonoxxi liema kotba, miktuba fi żmien l-appostli jew wara, kellhom jifformaw parti mil-Patt il-Ġdid. 

Xi kotba mil-Patt il-Ġdid damu ftit ma ġew rikonoxxuti bħala kanoniċi. Huma l-kotba mhux miktuba direttament mill-appostli, ċoè, Marku, Luqa, Atti, Ebrej u Ġuda. Ġakbu, mid-dehra, kien ikkonsidrat virtwalment bħala appostlu fl-1 Korintin 15:7 u Galatin 1:19. Barra minn hekk jaqdi funzjonijiet xierqa biss għal wieħed appostlu. (Ara Atti 12:17; 15:13; 21:18; Galatin 2:9,12).

Id-dettalji tal-proċess storiku kif ġew eventwalment magħduda bħala parti mill-Iskrittura fil-knisja bikrija huma skarsi. Marku, Luqa u l-Atti kienu rikonoxxuti kmieni, probabbilment minħabba l-assoċjazzjoni qrib ta’ Marku ma’ Pietru, u ta’ Luqa ma’ Pawlu. Apparentement l-Epistola ta’ Ġuda kienet aċċettata minħabba l-konnessjoni tal-awtur ma’ Ġakbu (ara Ġuda 1) u l-fatt li kien ħu Ġesù. Fattur li seta’ dewwem ir-rikonoxximent ta’ Ġuda huwa l-fatt li jikkwota mill-ktieb nonkanoniku msejjaħ l-1 Ħenok.

X’andament ħadet l-Ittra lill-Ebrej fil-proċess ta’ għarfien bħala kitba ispirata? Ħafna saħqu li għandha tkun aċċettata minħabba li assumew illi ħarġet mill-pinna ta’ Pawlu. Imma miż-żminijiet l-aktar bikrija kien hemm oħrajn illi ċaħdu li hi opra Pawlina. Oriġene, li meta għall-ħabta tas-sena 254 w.K., isemmi diversi teoriji min seta’ kitibha, jikkonkludi: “Imma min attwalment kiteb l-epistola, Alla biss jaf” (kwotat minn Ewsebju, Ecclesiastical History, 6.25.14). Għalhekk, l-aċċettazzjoni tal-ittra bħala kanonika ma kinitx għalkollox minħabba t-twemmin li nkitbet minn Pawlu. Aktarx, il-kwalitajiet intrinsiċi tal-ittra bilfors finalment ikkonvinċew lill-qarrejja bikrija, bħalma jibqgħu jikkonvinċu l-fidili llum. Hu min hu l-awtur uman, it-timbru divin jidher tul l-ittra kollha: il-glorja maestuża ta’ Kristu tiddi fil-paġni tagħha. Ebda Kristjan li jaqraha serjament ma jista’ qatt jiddubita postha fil-qanun.

Kif setgħet il-knisja bikrija tirrikonoxxi l-Ittra lill-Ebrej u kitbiet oħra, mhux strettament kitbiet appostoliċi, bħala l-kelma t’Alla? Dan m’għandu jissorprendina xejn, għax Kristu nnifsu afferma li s-segwaċi tiegħu jagħrfu leħnu, u ma jmorrux wara leħen barrani (Ġwanni 10:5,27). Mhix ħaġa impossibbli jew improbabbli, mela, li l-knisja bikrija setgħet użat taħlita ta’ fatturi, inklużi l-approvazzjoni appostolika, il-konsistenza mal-bqija tal-Iskrittura, u l-perċezzjoni ta’ ċerta kitba bħala theopneustos (ispirata) mill-maġġoranza tal-fidili, biex tiddeċiedi li dik il-kitba kienet infatti l-Kelma t’Alla u għaldaqstant denja li tkun inkluża fil-qanun. Dal-proċess ġara matul medda ta’ snin hekk kif il-kitbiet kienu kulma jmur ikunu ċirkolati u kkopjati f’diversi partijiet tal-knisja bikrija.

Fil-qalba tal-kwistjoni dwar il-kanoniċità, biex ktieb isib postu fil-qanun, kien assolutament neċessarju li l-awtur tiegħu jkun l-Ispirtu s-Santu, fl-aħħar mill-aħħar. Jekk kliem il-ktieb huwa kliem Alla (permezz t’awturi umani), u jekk il-knisja bikrija, taħt id-direzzjoni tal-appostli, ippriżervat il-ktieb bħala parti mill-Iskrittura, allura l-ktieb għandu postu fil-qanun. Imma jekk kliem il-ktieb mhuwiex kliem Alla, jibqa’ eskluż mill-qanun. 

It-tagħrif li t-tali ktieb inkiteb minn appostlu huwa importantissmu għax kienu primarjament lill-appostli li Kristu ta l-abbiltà li jiktbu kliem b’awtorità assoluta u divina. Jekk ċerta kitba setgħet tkun provata li ħarġet minn id appostlu, allura l-awtorità divina tagħha hi stabbilita awtomatikament. Hekk, il-knisja bikrija aċċettat bla tlaqliq it-tagħlim miktub tal-appostli bħala parti mill-qanun, dawk il-kitbiet li l-appostli riduhom ikunu priżervati bħala Skrittura, għax kienu Skrittura. 

Mhux kull ħaġa li kitbu l-appostlu kienet Skrittura, ovvjament. Hawnhekk qed nitkellmu dwar kitbiet magħmula huma u jaqdu r-rwol tagħhom bħala appostli u taw struzzjonijiet appostoliċi lill-knejjes u lill-Kristjani individwali, bħalma kienu Timotju u Filemon.

Huwa probabbli wkoll li l-appostli nfushom taw xi gwida lill-knejjes dwar liema mill-kitbiet tagħhom riduhom ikunu priżervati u użati bħala Skrittura fil-knejjes (Kolossin 4:16; 2 Tessalonkin 3:14; 2 Pietru 3:16). Naturalment, it-tagħlim orali tagħhom illum hu mitluf, avolja kellu awtorità divina (2 Tes.2:15), billi ma kinitx l-intenzjoni t’Alla li kulma għallmu jibqa’ rrekordjat għall-ġenerazzjonijiet futuri, iżda biss dawk il-ħwejjeġ li flimkien ikunu suffiċjenti għall-fidi u l-prattika tal-knisja. Pawlu wkoll jirreferi għal ittra li kien bagħat lill-Korintin qabel kitbilhom ittra oħra, illum magħrufa bħala l-1 Korintin (ara 1 Korintin 5:9). Billi ma kinitx ispirata, intilfet, u llum ma nafu virtwalment xejn dwar il-kontenut tagħha. 

Għalhekk, minħabba li tkun miktuba minn appostlu, il-priżervazzjoni mill-knisja taħt id-direzzjoni tal-appostli kien fattur neċessarju biex opra letterarja tkun inkluża fil-qanun.