Il-Bibbja: Ifhimha Sewwa


Huwa d-dmir sagrosant ta’ kull Kristjan illi jkun midħla tal-Bibbja Mqaddsa, u jagħmel ħiltu biex jifhimha b’mod korrett, bla ma jisforzaha tgħid ħwejjeġ li ma tgħidhomx. 

Ladarba kulħadd għandu d-dritt sagru, u hu obbligat jaqra l-Iskrittura kif ukoll jiġġudika għalih innifsu x’tgħallem, ma jistax jonqos li Alla jagħti ċerti regoli biex jiggwidawh fl-eżerċizzju ta’ dal-privileġġ u dmir. Dawn ir-regoli mhumiex arbitrarji, jew ivvintati minn xi ġemgħa ekkleżjastika, lanqas mhuma imposti b’awtorità umana, iżda huma mislutin mill-istess Kelma divina. Dawn huma ftit u sempliċi:

1. Kliem l-Iskrittura għandu jittieħed fis-sens storiku tiegħu, u mfisser skont ir-regoli normali tal-grammatika. Kull pass għandu jittieħed fiss-sens li fih kien mogħti f’dak iż-żmien u mifhum kif kien maħsub li jiftiehem mill-ewwel udjenza tiegħu. Ir-raġuni ovvja hi din: il-kittieba sagri kienu onesti, u riedu jiktbu b’mod li ħaddieħor jifhimhom.

2. Jekk l-Iskrittura hi dik li tgħid li hi, il-Kelma t’Alla, hija messaġġ minn moħħ ta’ wieħed, l-Ispirtu s-Santu. Konsegwentement l-Iskrittura ma tistax tikkontradixxi lilha nfisha. Alla ma jistax jgħallem xi ħaġa li hi inkonsistenti ma’ xi ħaġa oħra band’oħra. Għalhekk l-Iskrittura trid tinterpreta l-Iskrittura. 

Jekk passaġġ partikolari jista’ jkun interpretat diversi modi, l-interpretazzjoni korretta hi dik li taqbel mal-bqija tat-tagħlim bibliku fuq l-istess suġġett. Jekk l-Iskrittura tgħallem li l-Iben hu l-istess fis-sustanza u ugwali fil-qawwa u glorja mal-Missier, mela meta l-Iben jgħid, “Il-Missier hu akbar minni,” is-superjorità trid tkun mifhuma f’manjieri konsistenti ma’ din l-ugwaljanza. Tista’ tkun subordinazzjoni bħala mod t’eżistenza u operazzjoni, jew tista’ tkun uffiċjali. Iben ta’ sultan jista’ jgħid, “Missieri akbar minni,” għalkemm personalment ikun ugwali ma’ missieru. Dir-regola t’interpretazzjoni tissejjaħ “l-analoġija tal-Iskrittura” jew “l-analoġija tal-fidi.”

3. L-Iskrittura trid tkun interpretata taħt il-gwida tal-Ispirtu, l-awtur tagħha. Dil-gwida għandna nfittxuha bl-umiltà u s-sinċerità. Il-pedament ta’ dir-regola hu dan: 

a. L-Ispirtu hu mwiegħed bħala gwida u għalliem. Illum jinsab jgħammar fil-knisja biex imexxiha fit-tagħrif tal-verità.

b. L-Iskrittura tgħallem li “bniedem naturali ma jaċċettax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu t’Alla; għax huma bluha għalih, u mhux kapaċi jifhimhom, għax huma evalwati spiritwalment” (1 Korintin 2:14). Il-moħħ mhux imġedded hu naturalment għami għall-verità spiritwali. Qalb il-bniedem mitluf topponi l-ħwejjeġ t’Alla (Rumani 8:6-8). Għalhekk biex il-bniedem jifhem u jilqa’ l-misterji tas-sema, irid ikollu moħħu intonat mill-Ispirtu għall-ħwejjeġ tal-Ispirtu.

Il-fatt li n-nies veri t’Alla f’kull żmien u f’kull parti tal-knisja, fl-eżerċizzju tal-ġudizzju privat tagħhom, skont ir-regoli sempliċi t’hawn fuq, jaqblu rigward it-tifsira tal-Iskrittura f’dawk il-ħwejjeġ kollha neċessarji għall-fidi u kondotta tagħhom, hu prova deċiżiva li l-Iskrittura tiftiehem, u li mhix ħaġa perikoluża li nħallu n-nies igawdu d-dritt ta’ ġudizzju privat.