X'Inhuma l-Evanġelji?


Il-kelma “evanġelju” tfisser “aħbar tajba.” L-Evanġelji huma msejħa hekk għax jirrekordjaw il-bxara t-tajba li nfetħet triq ta’ salvazzjoni għall-bnedmin permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu (Marku 1:1; 1 Korintin 15:3-4).

Il-bijografija kif nafuha llum ma kinitx magħrufa meta nkitbu l-Evanġelji. Mhumiex bijografiji kif nifhmu l-ġeneru letterarju llum. Inkitbu biex in-nies issir taf min hu Ġesù u temmen fih (Ġwanni 20:31).

Il-firxa rapida tal-Kristjaneżmu ppreċipitat il-bżonn ta’ rakkonti miktuba ta’ ħajjet Kristu. Barra minn hekk, billi figuri ewlenin fil-ġrajjiet u x-xhieda bikrija bdew imutu, inħass bżonn dejjem jikber għal rapporti miktuba ta’ dak li raw u semgħu. Dawn l-Evanġelji miktuba kienu wżati biex jevanġelizzaw, jikkatekizzaw konvertiti ġodda, u probabbilment mill-bidu sabu posthom fil-qima Kristjana bikrija, billi kienu jinqraw fil-funzjonijiet tal-knejjes (Luqa 1:1-4).

Għalkemm inkitbu rakkonti numerużi ta’ evanġelji, erbgħa biss kienu ispirati u allura denji li jkunu inklużi fil-Patt il-Ġdid. L-evanġelji l-oħra inkitbu wara u għandhom kredibbiltà dubjuża. Għad li fihom xi informazzjoni li nsibuha fl-Erba’ Vanġeli kanoniċi, fihom ukoll materjal immaġinattiv u ovvjament leġġendarju (bħall-istorja ta’ Ġesù li kkundanna tifel għall-mewt għax waqqgħu mal-art, kif rapportata f’kitba Njostika apokrifa magħrufa bħala l-1 Infanzja). Sikwit provaw jippropagaw fehmiet eretiċi jew settarji.

Il-knisja bikrija għarfet l-inferjorità distinta ta’ dawn l-evanġelji u sseparathom mill-ġenwini. Stmat l-evanġelji apokrifi wisq inqas; kien hemm distinzjoni ċara fl-importanza. Waħda mir-raġunijiet kienet li l-Erba’ Vanġeli nkitbu minn appostli jew soċji magħhom. Iżjed tard, konċilji tal-knisja kkonfermaw l-awtentiċità ta’ dawn il-kotba u minn kmieni inkludew l-erba’ ispirati fil-qanun.

Mattew, Marku u Luqa nsejħulhom “l-Evanġelji Sinottiċi,” għax jippreżentaw ħafna informazzjoni simili dwar ħajjet Kristu, kif tikkonferma eżaminazzjoni ħafifa ta’ armonija ta’ ħajtu. Għandhom bejn wieħed u ieħor perspettiva komuni tal-attivitajiet u t-tagħlim tiegħu, kif ukoll kronoloġija simili t’avvenimenti. Għaldaqstant laqqamniehom “Sinottiċi” (minn synopsis, dehra flimkien). Pereżempju, Marku kollu, ħlief għal wieħed u tletin vers, għandu paralleli f’Mattew jew inkella f’Luqa. 

Mill-banda l-oħra, ħafna mill-materjal fi Ġwanni hu uniku, u hu organizzat u mibni dwar diskorsi twal. Id-differenzi fl-Erba’ Vanġeli jissupplimentaw lil xulxin mingħajr kontradizzjoni u s-similaritajiet jikkumplimentaw lil xulxin. Ir-riżultat hu rekordju kwadriplu u komprensiv, għall-għanijiet divini, tal-ministru ridentiv ta’ Ġesù Kristu.