Il-Kontenut tal-Epistoli Pawlini


L-epistoli Pawlini jingħarfu ċar mill-oħrajn. L-Iskrittura kollha, sar-rapporti tat-tislib ta’ Kristu, tħares ’il quddiem lejn is-salib u għandha primarjament lil Iżrael fl-attenzjoni tagħha. Iżda “moħbi f’Alla” (Efesin 3:9) kien hemm fatt mhux żvelat – l-intervall ta’ żmien bejn il-kruċifissjoni ta’ Ġesù u r-ritorn glorjuż tiegħu. Kien hemm ukoll għan mhux żvelat – is-sejħa u l-ġbir tal-ecclēsia, il-knisja, li hi l-ġisem ta’ Kristu. Sidna ħabbar dak l-għan (Mattew 16:18), iżda totalment bla spjegazzjoni inkwantu kif, meta, jew minn liema materjal, kellha tinbena dik il-knisja, jew x’kellhom ikunu l-pożizzjoni, ir-relazzjonijiet, il-privileġġi jew id-doveri tagħha. 

Dan kollu jikkostitwixxi preċiżament l-iskop tal-Epistoli Pawlini. Jiżviluppaw id-dottrina tal-knisja. Fihom il-misterju hu żvelat, u bihom il-knisja hi istruwita rigward il-post uniku tagħha fil-fehmiet u l-għanijiet divini.

Mingħand Pawlu biss nafu li l-knisja mhix primarjament organizzazzjoni iżda aktarx organiżmu, il-ġisem ta’ Kristu; mogħnija b’ħajtu, u mogħtija sejħa, wegħdi u destin smewwieti, sar-rinovazzjoni tal-ħolqien. Mingħandu biss nafu x’inhuma n-natura, l-għan u l-forma tal-organizzazzjoni tal-knejjes lokali, u l-kondotta xierqa f’ġemgħat bħal dawn. Hu biss jgħarrafna li mhux ilkoll se norqdu, illi l-mejtin fi Kristu jqumu l-ewwel, u li l-qaddisin ħajjin se jkunu mibdula u maħtufa biex jiltaqgħu mal-Mulej fl-ajru meta jerġa’ jiġi. 

Pawlu wkoll kien fdat biex jiżvolġi d-dottrini tal-grazzja li kienu moħbija fit-tagħlim ta’ Kristu. Ma joriġna xejn, iżda jikxef kollox, rigward in-natura u l-għan tal-liġi; il-bażi u l-mezz tal-ġustifikazzjoni, it-taqdis, u l-glorja tal-fidili; it-tifsira tal-mewt ta’ Kristu, u l-pożizzjoni, il-mixja, il-mistennija u s-servizz tal-kredenti.

Konvertit bil-ministeru personali tal-Mulej fil-glorja, Pawlu hu distintivament ix-xhud ta’ Kristu eżaltat, ir-ras fuq il-ħwejjeġ kollha għall-knisja li hi ġismu, bħalma l-ħdax kienu x-xhieda ta’ Kristu skont il-ġisem, Bin Abraħam u Bin David.