Il-Bibbja hi Kompluta


M’għandniex nippretendu li xi kitbiet oħra jkunu miżjuda mal-qanun tal-Iskrittura. L-Epistola lill-Ebrej, fl-introduzzjoni tagħha, tpoġġi dil-mistoqsija fil-perspettiva storika xierqa tagħha, il-perspettiva tal-istorja tal-fidwa: “B’ħafna modi u b’diversi manjieri Alla kellem żmien ilu lil missirijietna bil-profeti, iżda fl-aħħar ta’ dawn il-jiem kellimna b’Ibnu, li kkostitwieh il-werriet ta’ kollox, li permezz tiegħu wkoll għamel id-dinjiet” (Ebrej 1:1-2).

Il-kuntrast bejn kif kien jitkellem Alla fl-antik bil-profeti u l-komunikazzjoni reċenti tiegħu “fl-aħħar ta’ dawn il-jiem” jissuġġerixxi li d-diskors t’Alla b’Ibnu huwa l-quċċata ta’ x’għandu xi jgħid lill-umanità u huwa l-akbar rivelazzjoni fil-perjodu tal-ġrajja tal-fidwa, u għaldaqstant finali. Il-kobor eċċezzjonali tar-rivelazzjoni li tiġi permezz tal-Iben, li teċċiedi bil-wisq kwalunkwe rivelazzjoni oħra matul l-amministrazzjoni fil-patt il-qadim, huwa enfasizzat ripetutament matul l-ewwel żewġ kapitli tal-Lhud. Dawn il-fatti jindikaw li hemm finalità għar-rivelazzjoni t’Alla fi Kristu. Ġaladarba dir-rivelazzjoni hi kompluta, m’għandna nistennew xejn iżjed jew supplimentarju. 

Il-kitbiet tal-Patt il-Ġdid fihom l-interpretazzjoni finali, awtorevoli u suffiċjenti tal-ħidma salvivika mwettqa minn Bin Alla. L-appostli u s-soċji qribhom jirrapportaw il-kliem u l-għemejjel setgħana tiegħu u jiżvolġulna s-sinifikat tagħhom b’awtorità assoluta mogħtija lilhom mis-sema. Ladarba lestew il-kitbiet tagħhom, ma jista’ loġikament jiżdied xejn iżjed magħhom li jkollu l-istess awtorità assoluta divina. 

Għalhekk, ladarba d-dokumenti tagħhom ingħataw lill-knisja fil-forma finali tagħhom, nistgħu naffermaw li għandna rekordju finali u miktub ta’ kulma Alla jridna nkunu nafu dwar il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, kif ukoll it-tifsira ta’ dawn l-avvenimenti uniċi għas-saħħa spiritwali tal-fidili matul iż-żminijiet. 

Billi din hi indubjament l-akbar u l-isħaħ rivelazzjoni divina, ma nistgħu nippretendu xejn aktar aħjar minn hekk. B’dal-mod, mela, l-introduzzjoni tal-Epistola lill-Ebrej turina għala ebda kitba oħra ma tista’ leċitament tiżdied mal-Bibbja wara ż-żmien appostoliku. Il-qanun issa jinsab komplut, u allura magħluq. 

Nistgħu nosservaw ukoll it-twissija finali fil-Bibbja kollha: “Jien nixhed lil kull min jisma’ kliem il-profezija ta’ dal-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla se jżidlu l-flaġelli li huma miktubin f’dal-ktieb; u jekk xi ħadd ineħħi mill-kliem tal-ktieb ta’ dil-profezija, Alla se jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja u mill-belt il-qaddisa, li huma miktubin f’dal-ktieb” (Rivelazzjoni 22:18-19).

L-awtur hawnhekk jirreferi primarjament għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni nnifsu (cf., 22:7,10; 1:3). Biss mhix ħaġa aċċidentali li din l-istqarrija nsibuha fi tmien l-aħħar kapitlu tar-Rivelazzjoni, l-aħħar ktieb tal-Bibbja. Infatti, il-ktieb tar-Rivealazzjoni għandu jitqiegħed bħala l-aħħar ktieb tal-Bibbja. Ħafna kotba tal-Bibbja ma jimportax f’liema sekwenza ssibhom. Difatti l-Bibbja Ingliża, Maltija u oħrajn issibilhom sekwenza differenti tal-kotba tal-Patt il-Qadim. L-aħħar ktieb fil-Bibbja Ebrajka huwa t-2 Kronaki, mhux Malakija. Imma bħalma l-Ġenesi jeħtieġ jitqiegħed l-ewwel ktieb, għal raġunijiet ovvji, hekk ukoll ir-Rivelazzjoni jeħtieġ jitqiegħed l-aħħar – għax jitkellem dwar il-konsumazzjoni u l-ħolqien ġdid t’Alla. 

Għalhekk huwa xieraq nifhmu dit-twissija speċjalment qawwija fi tmien ir-Rivelazzjoni illi tapplika b’mod sekondarju għall-Iskrittura kollha. Imqiegħda hemm, fejn jeħtieġ tkun imqiegħda, it-twissija tifforma konklużjoni xierqa għall-qanun sħiħ tal-Bibbja. Tgħidilna, “Daqshekk Skrittura iżjed.”

Jekk allura tiġi skoperta xi ittra ġenwina ta’ xi appostlu, għandna nżiduha mal-bqija tal-Iskrittura?

1. Jekk il-maġġor parti tal-fidili jkunu konvinti li din tabilħaqq hi epistola awtentika, miktuba matul il-ministeru appostoliku ta’ Pawlu, ngħidu aħna, allura n-natura tal-awtorità appostolika tiegħu tiggarantixxi li l-kitba tkun il-kelma t’Alla, u li tagħlimha jkun konsistenti mal-bqija tal-Bibbja. Imma l-fatt li ma kinitx priżervata bħala parti mill-qanun jindika li ma kinitx fost dawk il-kitbiet li l-appostli riedu li l-knisja tippriżerva bħala parti mill-Iskrittura.

2. Barra minn hekk, nosservaw li din hi mistoqsija purament ipotetika. Huwa eċċezzjonalment diffiċli timmaġina liema tagħrif storiku jista’ jiġi skopert li jiddimostra b’konvinzjoni lill-knisja inġenerali li ittra mitlufa għal żewġ millenji nkitbet ġenwinament minn xi appostlu. Jerġa’ huwa iżjed skabruż tifhem kif Alla sovran u omnipotenti jasal biex jippriva lil niesu kollha minn xi ħaġa li fil-bidu nett kienet l-intenzjoni tiegħu li jkollhom bħala parti mir-rivelazzjoni finali tiegħu nnifsu f’Ġesù Ibnu. Każijiet ipotetiċi bħal dawn, mela, ma ħaqqhomx ikunu ikkonsidrati bis-serjetà.

Meta neżaminaw l-istorja nsibu konferma sħiħa li l-qanun preżenti tagħna hu korrett. Madankollu rridu niftakru li xogħol il-knisja bikrija ma kienx li tagħti awtorità divina jew imqar awtorità ekkleżjastika fuq xi kitbiet sempliċement umani, imma aktarx li tirrikonoxxi l-karatteristika ta’ kitbiet, sebgħa u għoxrin b’kollox, li diġà kellhom dil-kwalità. Dan għaliex il-kriterju finali tal-kanoniċità huwa l-ispirazzjoni divina, u mhux l-approvazzjoni umana jew ekkleżjastika. Il-kitbiet tal-Patt il-Ġdid, bħal dawk tal-Patt il-Qadim, diġà kellhom in-Nihil Obstat u l-Imprimatur tas-sema qabel ma ntlaqgħu mill-knisja fuq l-art. 

Mindu l-Iskrittura ġiet konkluża, ma nistgħux nippretendu aktar rivelazzjoni mingħand Alla, miktuba jew mhijiex, qabel ir-ritorn ta’ Kristu għall-ġudizzju u t-tiġdid tal-ħwejjeġ kollha.