Min hu l-Ogħla: Il-Bibbja jew il-Knisja?

Il-Knisja Kattolika Rumana, storikament, insistiet u għadha tisħaq illi l-maġisteru tagħha għandu awtorità fuq il-Bibbja, għax il-Bibbja hi prodott tagħha, u kienet hi illi għarfet u ddeterminat liema kotba huma ispirati u allura kanoniċi. Il-pożizzjoni tagħha, sempliċement, hi hekk: il-Bibbja u t-Tradizzjoni huma ż-żewġ għejjun ta’ rivelazzjoni, iżda hu l-Maġisteru illi jfissirhom.

Dan hu żball serju, mirfud minn awtorità taparsi. Ebda denominazzjoni mhi ogħla mill-Bibbja. Il-Knisja Kattolika tassumi pożizzjoni suprema saħansitra fuq il-Bibbja, iżda jibqa’ fatt ovvju u innegabbli illi ħadd ma jista’ jiġġudika dak li qal Alla. Għall-kuntrarju, Ġesù qal, “Min jirroftani u ma jirċevix kliemi għandu min jiġġudikah; il-kelma li tkellimt, dik se tiġġudikah fl-aħħar jum” (Ġwanni 12:48). Dak li hu imperfett, il-knisja, ma jistax ikun imħallef ogħla u aħjar minn dak li hu perfett, ċoè, il-Bibbja (ara Salmi 19:7-9).

Jerġa’, il-Bibbja mhix prodott tal-knisja. Hu Alla li ta l-Bibbja lil niesu (cf., Ġwanni 17:8,14). Il-Knisja Kristjana kellha l-Bibbja tagħha sa mill-bidu nett, għalkemm kienet għadha mhix kompluta. Il-Bibbja tagħha kienet tikkonsisti fil-kotba tal-Patt il-Qadim (tliet kwarti tal-Bibbja!), issupplimentati b’tagħlim l-appostli, li kienu mogħtija awtorità minn Kristu biex jgħallmu (Mattew 10:40). Il-fidili fi żmien l-appostli kellhom virtwalment il-Patt il-Ġdid ukoll, għalkemm mhux f’forma miktuba: kellhom il-ministeru ħaj tal-appostli. Aħna llum għandna l-istess evanġelju appostoliku, ippriżervat providenzjalment bla mittiefes fil-kotba tal-Patt il-Ġdid (l-aħħar kwart tal-Bibbja).

Għalhekk il-Knisja Kattolika wkoll, bħal kull denominazzjoni oħra, għandha tissottometti ruħha għall-Kelma t’Alla, u teżamina lilha nfisha fid-dawl tal-Iskrittura.

Frattant il-maġisteru tagħha jinsisti illi hu biss jista’ jgħidilna li l-Bibbja hi ispirata. Ix-xhieda apparti u indipendenti mill-Iskrittura mhix essenzjali biex tgħinna naslu għat-twemmin li l-Bibbja hi ispirata, jgħidilna. Minkejja dal-klejm, nafu illi l-Bibbja tagħti xhieda tagħha nfisha, u hi suffiċjenti fiha nfisha. Tassew, Alla fada l-Kelma tiegħu f’idejn niesu biex ixandruha u jgħallmu l-kontenut tagħha. Għaldaqstant il-knisja ta’ Kristu tissejjaħ “il-kolonna u s-sostenn tal-verità” (1 Timotju 3:15), mhux għax hi infallibbli, iżda għax tippossiedi u hi obbligata tħares ir-rivelazzjoni ispirata u allura infallibbli, li hi l-Iskrittura.

Lil ħadd m’għandna bżonn biex jgħidilna liema kotba huma ispirati u liema mhumiex. Bħala paragun nistgħu naraw x’ġara fil-formazzjoni tal-qanun tal-Patt il-Qadim. Il-Lhud kif għarfu jew ifformulaw il-qanun tal-Patt il-Qadim erba’ sekli qabel it-twelid ta’ Kristu? Liema proċess uman kien involut? Ma nisimgħu dwar ebda ġemgħa ta’ skulari prominenti Lhud li ddeċidiet liema kotba kienu ispirati u għalhekk għandhom jintlaqgħu. 

B’mod kważi misterjuż, il-poplu Lhudi, minkejja l-ostinazzjoni u d-diżubbidjenza frekwenti tiegħu lejn Alla, sempliċement irċieva fi ħdanu d-disgħa u tletin ktieb – u dawk biss – tal-Patt il-Qadim, bħala ispirati (Rumani 3:1-2). Alla, fil-providenza omnipotenti tiegħu, qatt ma kien se jippermetti illi Kelmtu titħallat ma’ kitbiet purament umani jew tkun stmata fuq l-istess livell magħhom. Fi mħabbtu qatt ma kien se jippermetti li niesu jiġu mqarrqa fuq punt kruċjali bħal dan, illi ma jkunux jafu eżattament liema hi l-gwida tagħhom. Alla kien providenzjalment attiv biex Kelmtu tinqala’ u titpoġġa fuq livell unikament għaliha. Dal-proċess seħħ qabel ma twieldet u żviluppat il-Knisja Kattolika; mela l-Knisja Kattolika mhix indispensabbli biex tgħidilna liema kotba jikkomprendu l-Patt il-Qadim.

L-istess ħaġa ġara fil-formazzjoni tal-qanun tal-Patt il-Ġdid. Bil-mod il-mod, il-knejjes ġeneralment laqgħu l-kotba ispirati u żammewhom mal-kotba tal-Patt il-Qadim. Meta l-Konċilju ta’ Kartaġni, konvokat fis-sena 397 w.K., ta għall-ewwel darba l-lista sħiħa ta’ sebgħa u għoxrin ktieb bħala l-Patt il-Ġdid, ma kienx qed jagħti awtorità lil dawn il-kotba, iżda sempliċement irrikonoxxa li huma ispirati. Hekk jew hekk, kienu ilhom rikonoxxuti mill-knejjes diversi, jinqraw minnhom u emmnuti. 

Il-fidili veri jagħrfu illi l-Bibbja hi ispirata, għax tindirizzahom bl-awtorità t’Alla nnifsu, bla ħtieġa ta’ awtorità umana, u qatt ma ssograw iżidu jew inaqqsu magħha (Rivelazzjoni 22:18-19). Il-Bibbja toffri evidenza konkreta illi hi ispirata. Ix-xhieda tan-nies t’Alla tista’ tipperswadina u tgħallimna niksbu stima għolja u riverenti lejn l-Iskrittura Mqaddsa. Anke jekk ikollna nħarsu kemm jista’ jkun oġġettivament lejn l-Iskrittura u neżaminaw il-kontenut tagħha, nistgħu noħorġu impressjonati. Il-kontentut hu sublimi u profond, id-dottrina hi effettiva, l-istil hu maestuż, l-armonija tal-kotba differenti hi perfetta u bla kontradizzjoni. Fuq kollox, il-profezija li diġà seħħet ma tistax taħrab minnha; tikkonvinċik li hi ktieb sopranaturali, għax ebda bniedem mhu kapaċi jbassar avvenimenti sekli qabel u mbagħad iseħħu kif imbassar. B’din l-evidenza abbondanti, l-Iskrittura tfornina bi prova inkonfutabbli li hi tabilħaqq ispirata.

Minkejja dan kollu, il-persważjoni u l-assigurazzjoni sħiħa li l-Iskrittura hi l-verità divina u infallibbli u hi t’awtorità għalina għax ispirata, tiġi fl-aħħar mill-aħħar mill-ħidma ġewwiena u misterjuża tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti xhieda bl-Iskrittura u mal-Iskrittura fi qlubna. Mingħajr dal-ministeru tal-Ispirtu s-Santu, l-awtur tal-Bibbja, il-Bibbja tibqa’ “mejta” għall-individwu u ma tkunx magħrufa bħala “ħajja u attiva, u misnuna iżjed minn kwalunkwe sejf b’żewġt ixfar” (Ebrej 4:12; ara wkoll Ġwanni 16:13-14; 1 Korintin 2:10-12; 1 Ġwanni 2:20,27).

Mela r-realtà hi din: mhux il-knisja tatna l-Bibbja, iżda Alla ta l-Bibbja lill-knisja, biex tkun gvernata u gwidata minnha.