Għala kitbiet oħra baqgħu barra mill-Bibbja


Mistoqsija f’lokha hi din: “Kif nafu li għandna l-kotba t-tajbin fil-qanun tal-Iskrittura li nippossiedu llum?” Naturalment il-knisja trid tkun konfidenti li għandha l-mappa korretta, bla mhi mbagħbsa. Fuq min jew fuq xiex issejjes il-konfidenza tagħha? Fl-aħħar mill-aħħar hi mibnija fuq il-fedeltà u l-veraċità t’Alla. Nafu li Alla ma jonqosx lil niesu, iħobbhom u jiggwidahom; nafu kemm hu importanti li niesu jkollhom kliemu, għax hu ħajjithom (Dewteronomju 32:47; Mattew 4:4). Għall-knisja, il-Bibbja hi prezzjuża u iżjed importanti minn kull ħaġa oħra fid-dinja. 

Nafu wkoll li Alla Missierna jinsab fil-kontroll assolut fuq il-ġrajja umana. Mhuwiex it-tip ta’ Missier li sejjer jittrikkjana jew jonqos milli jkun emien magħna, jew inkella jċaħħadna minn xi ħaġa assolutament neċessarja għal niesu. 

Il-qilla tal-kastigi li jżuru lil dawk li jżidu jew ineħħu mill-kelma t’Alla tikkonfermalna wkoll l-importanza li n-nies t’Alla jkollhom qanun korrett (Rivelazzjoni 22:18-19). Ma jistax ikun hemm kastigi akbar minn dawn, għax huma kastigi ta’ ġudizzju etern. Dan juri kemm Alla nnifsu jpoġġi valur suprem fuq il-kollezzjoni korretta tal-kitbiet ispirati, xejn inqas u xejn aktar. Fid-dawl ta’ dal-fatt, kif nistgħu nemmnu li Alla Missierna, is-Sultan sovran fuq l-univers u l-istorja, iħalli lill-knisja tiegħu għal kważi elfejn sena priva minn xi ħaġa li hu nnifsu jivvaluta tant fl-għoli u hi neċessarja għall-ħajja spiritwali tagħna?

Fiż-żmien wara li mietu l-appostli kienu ċirkolati xi kotba illi saru pjuttost popolari fost l-Insara. Iżda dawn ma jifilħux ikunu eżaminati fid-dawl tal-Bibbja nfisha. Id-difetti tagħhom jiġu nnotati mill-ewwel, u allura qatt ma sabu posthom fil-qanun bibliku. Fihom ċerta dottrina kontradittorja għall-Iskrittura. Pereżempju:

1. Ir-Ragħaj ta’ Ħermas jgħallem “in-neċessità tal-penitenza” u “l-possibbiltà tal-maħfra tad-dnubiet tal-inqas darba wara l-magħmudija.” L-awtur donnu jidentifika lill-Ispirtu s-Santu ma’ Bin Alla qabel l-inkarnazzjoni, u jgħallem li t-Trinità bdiet teżisti biss wara li l-umanità ta’ Kristu kienet meħuda fis-smewwiet (Oxford Dictionary of the Christian Church, p.641).

2. L-Evanġelju ta’ Tumas, li għal xi żmien kien magħdud minn xi wħud li għandu postu fil-qanun, jispiċċa b’din l-assurdità: “Xmun Pietru qalilhom: ‘Ħa titlaq Marija minn fostna, għax in-nisa mhumiex denji tal-ħajja.’ Ġesù qal: ‘Ara, se mmexxiha, biex hekk nagħmilha maskili, biex hi wkoll issir spirtu ħaj u tkun tixbah lilkom il-maskili. Għax kull mara li tagħmel lilha nfisha maskili tidħol f’saltnet is-smewwiet’” (para. 114). Dad-dokument ma’ nkitibx minn Tumas l-appostlu. L-opinjoni kurrenti llum tattribwixxi din l-opra lil awtur mhux magħruf fit-tieni seklu w.K., li nqeda bl-isem ta’ Tumas.

3. Għalkemm id-Didachē qatt ma kien meqjus bħala kandidat għall-inklużjoni fil-qanun matul l-istorja bikrija tal-knisja, xi skulari llum jikkwotawh bħallikieku xi awtorità fuq tagħlim il-knisja bikrija fuq l-istess livell tal-kitbiet kanoniċi. Madankollu jikkontradixxi jew iżid mal-kmandamenti tal-Patt il-Ġdid diversi drabi (ara 1.6; 6.3; 7.1-4; 8.1; 8.3; 9.1-5; 11.5; 11.7; 16.2).

Id-dokumenti l-oħra kollha eżistenti, li fil-knisja bikrija kellhom possibbiltà jiddaħħlu fil-qanun huma simili għal dawn: jagħtuna x’nifhmu, kultant espliċitament, li mhumiex denji ta’ status kanoniku, jew inkella jinkludu aberazzjonijiet dottrinali li jiskwalifikawhom minn konsiderazzjoni serja bħala kitbiet ispirati u allura infallibbli.   

Mill-banda l-oħra qatt ma kien hemm oġġezzjonijiet qawwija jew validi kontra xi ktieb preżentement fil-qanun. Fil-każ ta’ xi kotba tal-Patt il-Ġdid li kienu pjuttost tardivi jew kajmana biex jiksbu l-approvazzjoni tal-knisja inġenerali (bħalma huma t-2 Pietru, jew it-2 u t-3 Ġwanni), l-eżitazzjoni bikrija tista’ tkun attribwita għall-fatt li inizjalment ma kinux ċirkolati wisq, u li t-tagħrif sħiħ tal-kontenut tal-kitbiet kollha tal-Patt il-Ġdid infirex matul il-knisja aktarx bil-mod.

L-eżitazzjoni ta’ Luteru fis-seklu sittax rigward l-Ittra ta’ Ġakbu nifhmuha meta niftakru fil-kontroversja dottrinali li fiha kien ingaġġat. Id-dubji tiegħu, però, ma kellhomx għalfejn jitqanqlu. Il-konflitt dottrinali bejn it-tagħlim ta’ Pawlu u dak ta’ Ġakbu (Ġakbu 2:14-26) rigward il-ġustifikazzjoni hu biss apparenti, u b’ebda mod ma jikkontradixxu lil xulxin.

Nistgħu nibqgħu żguri illi Alla, l-awtur finali tal-Bibbja, ħa ħsieb illi issa, ladarba hi kompluta, jgħaddiha lil niesu bla mittiefsa, xejn inqas u xejn iżjed.