L-Atti tal-Appostli


  • Dwar l-awtur

L-awtur tal-Atti kien sieħeb Pawlu, kif jidher minn diversi passaġġi fil-ktieb stess (Atti 16:10-17; 20:5-21:18; 27:1-28:16). Dawn is-sezzjonijiet infushom jeliminaw sħab magħrufa ta’ Pawlu minbarra Luqa. Għandna xhieda affermattiva favur Luqa, li kien tabib (Kolossin 4:14; Filemon 24). L-użu frekwenti ta’ termini mediċinali jissostanzjaw ukoll dil-konklużjoni (Atti 1:3; 3:7-9; 9:18,33; 13:11; 28:1-10). Luqa wieġeb għas-sejħa Maċedonjana ma’ Pawlu, kien inkarigat mix-xogħol ġo Filippi għal madwar sitt snin, u iżjed tard kien ma’ Pawlu matul l-arrest tiegħu f’dar mikrija f’Ruma. Probabbilment f’dan l-aħħar perjodu nkiteb l-Atti. 

Mal-ħabta tas-sena 175 w.K., l-istudjużi tal-knisja dejjem żammew l-Atti bħala xogħol Luqa. Il-lista tal-Kotba Mqaddsa, magħrufa bħala l-Muratori, miktuba madwar is-sena 175 w.K., kif ukoll Irenew, li kiteb tikka wara, huma l-eqdem xhieda li jsemmu lil Luqa bħala l-awtur tal-Atti. 

Jekk inqabblu l-Atti mat-Tielet Evanġelju inkwantu lingwa u stil, nintebħu b’xebh hekk impressjonanti illi t-tnejn jidhru ġejjin minn id waħda. 


  • Meta nkiteb

Luqa jagħlaq l-istorja tal-Atti sentejn wara li Pawlu wasal Ruma, jiġifieri fis-sena 63 w.K.. Ma jsemmi xejn x’ġara wara; ma jgħidx kif spiċċat il-kawża ta’ Pawlu. Dan juri li Luqa kien għadu ma jaf xejn dwar l-eżitu meta temm il-ktieb. Barra minn hekk, sena wara bdiet il-persekuzzjoni qalila ta’ Neruni, iżda Luqa ma jagħti ebda ħjiel ta’ dan.


  • Il-firxa bikrija tal-vanġelu

L-Atti jagħti rekordju tat-tnedija u l-progress tal-Kristjaneżmu minn miġjet l-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste sal-wasla ta’ Pawlu f’Ruma biex jipprietka l-evanġelju fil-kapitali tal-imperu. F’dan ir-rigward, mela, hu d-dokumentazzjoni tat-tkomplija ta’ dawk il-ħwejjeġ li Ġesù beda fuq l-art u li ssokta jagħmel bħala Ras il-Knisja, imqajjem mill-mewt, u bħala s-Sid eżaltat li bagħat l-Ispirtu s-Santu (Atti 1:2; 2:33). Kultant il-ktieb hu msejjaħ l-Atti tal-Ispirtu s-Santu.

It-tnejn u tletin sena koperti mill-ktieb kienu snin importanti ta’ transizzjoni. L-evanġelju xxandar għall-ewwel lil-Lhud biss, u l-knisja bikrija kienet komposta virtwalment minn fidili Lhud. Iżjed ma żdiedu Ġentili mal-knisja, iżjed saret distinta mill-Ġudaiżmu.

Dottrini li iżjed tard huma żviluppati fl-epistoli jidhru bħala żerriegħa fl-Atti: pereżempju, l-Ispirtu s-Santu (Atti 1:8), is-saltna (Atti 3:21; 15:16), il-presbiteri (Atti 11:30), u s-salvazzjoni tal-Ġentili (Atti 15:14). Madankollu, il-ktieb jenfasizza l-prattika tad-dottrina aktarx milli l-istqarrija tad-dottrina.

L-Atti jfornina bi prinċipji għal xogħol missjonarju, u jiżvela mudelli għall-ħajja fil-knisja. 

Skoperti arkeoloġiċi jikkonfermaw b’mod rimarkevoli r-reqqa storika ta’ dad-dokument.

Il-ktieb jirrekordja t-tlugħ fis-sema u r-ritorn imwiegħed tal-Mulej Ġesù, l-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin, l-użu tal-imfietaħ minn Pietru, li fetaħ is-saltna, meqjusa bħala l-isfera ta’ professjoni (bħal f’Mattew 13), lil-Lhud f’Għid il-Ħamsin, u lill-Ġentili fid-dar ta’ Kornelju. Jagħtina l-bidu tal-knisja Kristjana, l-infanzja tagħha, kif ukoll il-konverżjoni u l-ministeru ta’ Pawlu. 

L-Ispirtu s-Santu jimla x-xena. Bħalma l-preżenza tal-Iben, li eżalta u ddimostra lill-Missier, hu l-fatt grandjuż fl-Evanġelji, hekk il-preżenza tal-Ispirtu, li jeżalta u juri lill-Iben, hu l-fatt grandjuż tul l-Atti. 


  • Rakkont b’żewġ partijiet

1. Fl-ewwel sezzjoni (Atti 1 sa 9), Pietru hu l-persunaġġ prominenti, iċ-ċentru hu Ġerusalemm, u l-ministeru hu dirett lejn il-Lhud, li kienu diġà f’relazzjoni ta’ patt ma’ Jaħwe, iżda dinbu gravament billi ċaħdu lil Ġesù bħala l-Messija tagħhom. Għaldaqstant l-ippritkar hu dirett għal dak il-punt, u l-indiema, ċoè l-bidla fil-moħħ jew fil-ħsieb, hi ddomandata. Dak li deher bħala falliment tal-wegħdi tal-Patt il-Qadim rigward is-saltna Davidika hu spjegat fid-dawl tal-fatt li s-saltna issa hi stabbilita minn Kristu; id-dixxipli tiegħu jagħtu xhieda dwaru u dwar saltnatu (Atti 2:25-31; 15:14-16). Fil-persekuzzjonijiet tal-appostli u finalment fil-martirju ta’ Stiefnu, il-Lhud bagħtu dal-messaġġ lis-Sultan, “Ma rridux dal-bniedem isaltan fuqna (Luqa 19:12-14).

2. Fit-tieni sezzjoni (Atti 10 sa 28) Pawlu hu prominenti. Ċentru ġdid hu stabbilit f’Antjokja, u l-ministeru hu prinċipalment dirett lejn il-Ġentili. Bħala stranġieri għall-pattijiet tal-wegħda (Efesin 2:12), huma mistiedna jemmnu fil-Mulej Ġesù Kristu u jkunu salvati. Kapitlu 11, 12 u 15 huma transizzjoni, u jistabilixxu finalment id-distinzjoni, dottrinalment, bejn il-liġi u l-grazzja. L-Epistola lill-Galatin għandha tinqara f’din il-konnessjoni.