Attakki fuq il-Bibbja


Ħafna u diversi huma l-assalti li l-infidili jipprova jagħmlu fuq il-Bibbja. Ħafna mrietel ittertqu huma u jħabbtu fuq l-inkwina tal-Bibbja. Anjostiċi, atej, kulti u setet, kritiċi liberali – bosta għamlu u jibqgħu jagħmlu l-attentat tagħhom fuqha. Ironikament, imqar minn dawk li suppost huma “ħbieb” tagħha ħabtu għaliha. Matul l-istorja kienet attakkata:

1. Il-bniedem għamel minn kollox biex jeqred l-Iskrittura u l-influwenza tagħha. Kopji innumerabbli tagħha ġew distrutti fi żmien il-persekuzzjonijiet imperjali.

2. Iżjed tard il-Knisja Kattolika kkaċċjat b’entużjażmu makabru lil dawk kollha li żammew l-Iskrittura bħala l-gwida spiritwali tagħhom. 

a. Il-Knisja Rumana “eżiljat” il-Bibbja billi poġġietha fil-Lista ta’ Kotba Projbiti: “Aħna ma nippermettux wkoll li l-lajċi jkollhom il-kotba tal-Patt il-Qadim u l-Ġdid” (Il-Konċilju ta’ Valencia, 1229).

b. Dil-qagħda patetika u irraġunevoli ppersistiet għal sekli sħaħ. Imqar wara r-Riforma, l-istess tendenza antagonistika baqgħet tintwera lejn l-Iskrittura. Id-digriet ġie espress hekk: “Billi jidher ċar mill-esperjenza, li jekk il-Bibbja Mqaddsa, tradotta fil-lingwa komuni, titħalla bla diskriminazzjoni f’idejn kulħadd, it-temerità tan-nies tikkawża li joħroġ minnha iżjed deni milli ġid” (Il-Konċilju ta’ Trento, 1545).

Il-Knisja Kattolika Rumana għandha għalfejn twarrab il-Bibbja, għax għandha l-faħam miblul. Il-Bibbja tikxef il-ħafna invenzjonijiet tagħha, u turihom illi huma bla awtorità divina, sempliċi innovazzjonijiet li ġew introdotti mal-medda tas-sekli. 

Billi ma rnexxiliex teqridha, issa l-Knisja Kattolika adottat tattika oħra. Teoretikament tilqagħha, u anke b’kawtela tippromwovi l-istudju tagħha. Iżda mill-banda l-oħra, fiż-żelu tagħha biex tippromwovi d-dottrini pekuljari tagħha, li m’għandhomx bażi biblika, sikwit tinqabad titkellem kontriha, u ma turix riverenza lejha, flimkien ma’ Protestanti liberali u infidili oħra. F’pubblikazzjoni Kattolika importanti nsibu kummenti bħal dawn: 

1. “Il-Bibbja bħala opra letterarja għandha tradizzjonijiet li jinkludu l-mitoloġija.”

2. “Xi wħud mill-mirakli mniżżla fl-Iskrittura jistgħu jkunu fittizji u jinkludu esaġerazzjonijiet letterarji immaġinattivi. L-episodju ta’ Noè u l-arka hu ħolqien letterarju immaġinattiv.”

3. “(L-Evanġelji) mhumiex bijografiji ta’ Ġesù u wisq inqas storja xjentifika” (New Catholic Encyclopedia, vol.10, p.184. vol.9, p.887.Vol.12, p.403).

Minkejja l-attakki sfrenati kollha kontra l-Iskrittura, nistgħu xorta waħda nassiguraw ruħna illi l-Iskrittura hi indistruttibbli, u tibqa’ tikber fl-influwenza tagħha (2 Timotju 2:9; cf., 4:17). Il-priżervazzjoni tal-Iskrittura, bħall-ħsieb divin fil-kitba tagħha, u l-formazzjoni tal-kotba f’qanun wieħed, mhix xi ħaġa aċċidentali jew kumbinazzjoni. Hi t-twettiq ta’ wegħda divina (Mattew 5:17-18). Il-bniedem ftit jista’ jagħmel biex ifixkel l-effikaċja tal-Kelma t’Alla. Il-Bibbja hi realtà li tibqa’ għal dejjem – hi eterna bid-dritt. Tibqa’, għax ebda dikjarazzjoni tal-Mulej ma tista’ titwarrab jew tiċċaqlaq. L-Iskrittura hi l-istrument legali tiegħu li biha jobbliga lilu nnifsu biex jesegwixi f’kull dettall il-pattijiet eterni tiegħu u jwettaq kull profezija. L-Iskrittura ma tispiċċax, għax Alla hu fidil: dak li hu miktub irid iseħħ.