L-Apokrifa fl-Antik


Hemm diversi kotba u biċċa ta’ kitbiet imsejħa ġeneralment “l-Apokrifa.” Għall-għanijiet tagħna, bit-titlu “Apokrifa” se nkunu qed nirreferu għal dawn li ġejjin: Tobija, Ġuditta, l-Ewwel u t-Tieni Ktieb tal-Makkabin, l-Għerf, Bin Sirak (jew Ekkleżjażtiku), u Baruk, flimkien ma’ xi żidiet f’Danjel u Ester. Ninnotaw li kollha nkitbu żmien sew qabel it-twelid ta’ Kristu.

Definittivament dawn il-kotba, u oħrajn magħhom, qatt ma kienu aċċettati mil-Lhud bħala Skrittura. Sal-lum il-Lhud iħaddnu virtwalment l-istess qanun tal-Patt il-Qadim kif adottat fil-knejjes Evanġeliċi. 

Minkejja dal-fatt matul l-istorja bikrija tal-knisja kien hemm opinjoni maqsuma għandhomx ikunu kkonsidrati bħala parti mill-Iskrittura. Infatti, l-evidenza Kristjani l-aktar bikrija hi deċiżivament kontra l-fehma li l-Apokrifa huma parti mill-qanun bibliku, imma l-użu tal-Apokrifa gradatament kiber f’xi partijiet tal-knisja sa żmien ir-Riforma. 

Ġirolmu inkluda dawn il-kotba, f’sezzjoni apparti għalihom, fit-traduzzjoni Latina tal-Bibbja, magħrufa bħala l-Vulgata, kompluta fis-sena 404 w.K. Dal-pass wieżen l-inklużjoni tagħhom, għalkemm Ġirolmu nnifsu qal li ma kinux “kotba tal-qanun” imma sempliċement “kotba tal-knisja” li kienu ta’ għajnuna u utli għall-fidili. L-użu wiesa’ tal-Vulgata fis-sekli sussegwenti ggarantixxa l-aċċessibilità kontinwa tagħhom, imma l-fatt li ma kellhom ebda original Ebrajk warajhom, kif ukoll il-fatt li kienu minn dejjem esklużi mill-qanun Lhudi, kif ukoll in-nuqqas tal-iċċitar tagħhom fil-Patt il-Ġdid, wasslu lil ħafna biex iħarsu lejhom b’suspett jew jirroftaw l-awtorità tagħhom. 

Insibu listi tal-kotba tal-Patt il-Qadim, ikkompilati fl-antik. L-iktar waħda bikrija hi dik ta’ Melito, isqof ta’ Sardis, li madwar is-sena 170 w.K. kiteb hekk: “Meta ġejt fil-Lvant u wasalt fil-post fejn dawn il-ħwejjeġ kienu pritkati u magħmula, u tgħallimt bir-reqqa l-kotba tal-Patt il-Qadim, niżżilt il-fatti u bgħatthomlok. Dawn huma ismijiethom: ħames kotba ta’ Mosè, Ġenesi, Esodu, Numri, Levitiku u Dewteronomju; Ġożwè bin Nun, Imħallfin, Rut, erba’ kotba tas-Saltniet (ċoè, l-1 u t-2 Samwel, l-1 u t-2 Slaten), żewġ kotba tal-Kronaki, is-Salmi ta’ David, il-Proverbji ta’ Salamun u l-Għerf tiegħu. (Dan ma jirreferix għall-ktieb apokrifu msejjaħ l-Għerf ta’ Salamun iżda hu sempliċement deskrizzjoni iżjed sħiħa tal-Proverbji. Ewsebju jinnota f’4.22.9 li l-Proverbji kien ġeneralment imsejjaħ Għerf mill-kittieba antiki), l-Ekkleżjażti, l-Għanja tal-Għanjiet, u Ġobb; il-profeti Isaija, Ġeremija, it-Tnax fi ktieb wieħed, Danjel, Eżekjel u Esdra” (minn Ewsebju, (Ecclesiastical History, 4.26.14, li kien l-ewwel storiku kbir tal-knisja; kiteb fis-sena 325 w.K). Esdra jinkludi kemm Esdra kif ukoll Neħemija, skont mod Ebrajk komuni li jirreferu għall-kotba kombinati flimkien.

Ta’ min jinnota hawnhekk li Melito ma jsemmi ebda wieħed mill-kotba Apokrifi, imma jinkludi l-kotba kollha tal-Patt il-Qadim preżenti tagħna ħlief Ester. Għal xi raġuni kien hemm dubju dwar il-kanoniċità t’Ester f’xi partijiet tal-knisja bikrija –fil-Lvant mhux fil-Punent – imma eventwalment id-dubji kienu riżolvuti, u l-użanza Kristjana qajl qajl saret uniformi mal-fehma Lhudija, li dejjem ikkonsidrat lil Ester bħala parti mill-qanun, għalkemm kien oppost minn ċerti rabbin għal raġunijiet tagħhom.

Testimonjanza oħra hi dik ta’ Ewsebju, fejn jikkwota lil Oriġene, li miet ċirka 254 w.K. Hu duttur li jafferma l-maġġor parti tal-qanun preżenti tagħna tal-Patt il-Qadim (inkluż Ester), imma ebda ktieb mill-Apokrifa mhu milqugħ bħala kanoniku, u l-Kotba tal-Makkabin huma espliċitament magħduda “barra minn dawn” (il-kotba kanoniċi).

Isemmi l-kotba kollha tal-qanun tal-Patt il-Qadim preżenti tagħna ħlief it-tnax il-profeta minuri (li kienu jingħaddu bħala ktieb wieħed), imma dan iħalli l-lista tiegħu “ta’ tnejn u għoxrin ktieb” bħala lista mhix kompluta ta’ wieħed u għoxrin. Għaldaqstant iċ-ċitazzjoni t’Ewsebju hi apparentement inkompluta, għallinqas fil-forma li tinsab illum. 

Ewsebju nnifsu band’ oħra jtenni l-istqarrija tal-istoriku Lhudi Josephus li l-Iskritturi huma komposti minn tnejn u għoxrin ktieb, imma xejn aktar minn żmien Artaxerxes ’l hawn, u dan allura jeskludi l-Apokrifa kollha (3.10.1-5).

B’mod simili, fis-sena 367, meta l-mexxej kbir tal-knisja Atanasju, isqof ta’ Lixandra, kiteb l-Ittra tal-Għid tiegħu, elenka l-kotba kollha tal-qanun tal-Patt il-Ġdid preżenti tagħna kif ukoll il-kotba kollha tal-qanun tal-Patt il-Qadim preżenti tagħna ħlief Ester. Semma wkoll xi kotba tal-Apokrifa bħalma huma l-Għerf ta’ Salamun, l-Għerf ta’ Sirak, Ġuditta u Tobija. Qal li dawn “tabilħaqq mhumiex inklużi fil-Qanun, imma maħtura mill-Padri biex jinqraw minn dawk li jingħaqdu magħna reċentement, u li jixtiequ struzzjoni fil-kelma tat-tjieba” (Ittra 39, fin-Nicene and Post Nicene Fathers, 2nd ser., Ed., Philip Schaff u Henry Wace. Grand Rapids: Eerdmans, 1978, Vol.4: Athanasius, p.551-52).

Madankollu mexxejja oħrajn tal-knisja bikrija kwotaw xi wħud minn dawn il-kotba bħala Skrittura. Biss Metzger jinnota li ebda wieħed mis-Santi Padri bikrija, Latini u Griegi, li kkwotaw mill-Apokrifa bħala Skrittura ma kienu jafu l-Ebrajk (Apocrypha, p.xii-xiii). Beckwith jargumenta li l-evidenza ta’ kittieba Kristjani li jikkwotaw l-Apokrifa bħala Skrittura hi konsiderevolment inqas estensiva u inqas sinifikanti milli l-iskolari sikwit jisħqu li hi.