Il-Bibbja hi vera


Il-Bibbja Mqaddsa tafferma ripetutament illi hi kollha kemm hi verità, bla żball, u mogħtija biex tagħmlilna l-ġid spiritwali. “Il-liġi tas-Sid hi perfetta, tirrestawra r-ruħ; it-testimonjanza tas-Sid hi żgura, tagħmel għaref lis-sempliċi. Il-preċetti tas-Sid huma sewwa, iferrħu l-qalb; il-kmandament tas-Sid hu pur, idawwal l-għajnejn. Il-biża’ tas-Sid hu nadif, u jibqa’ għal dejjem; il-ġudizzji tas-Sid huma veri; huma ġusti lkoll” (Salmi 19:7-9). Meta Sidna Ġesù talab lill-Missier, qallu, “Qaddishom fil-verità tiegħek; kelmtek hi l-verità” (Ġwanni 17:17). Alla ma jistax jigdeb jew jitkellem falz. Allura l-essenza tal-awtorità tal-Iskrittura hi l-abbiltà tagħha li ġġegħilna nemmnuha u nobduha u li tagħmel dat-twemmin u l-ubbidjenza ekwivalenti għat-twemmin u ubbidjenza lejn Alla nnifsu. Billi dan hu minnu, jeħtieġ nikkonsidraw il-veraċità tal-Iskrittura, ladarba meta temmen il-kliem kollu tal-Iskrittura timplika konfidenza fil-veraċità sħiħa tal-Iskrittura li nemmnu.

L-awturi bibliċi jaffermaw ripetutament li l-messaġġ tal-Bibbja, għalkemm f’lingwa umana, hu l-messaġġ t’Alla nnifsu. Jixraq għalhekk li nħarsu lejn it-testi bibliċi li jitkellmu dwar il-karattru ta’ kliem Alla u napplikawhom għall-karattru ta’ kliem l-Iskrittura. Speċifikament, hemm għadd ta’ passi bibliċi li jirreferuna għall-veraċità f’kull diskors t’Alla. 

  • “Alla ma jistax jigdeb” (Titu 1:2), allura kliemu nistgħu dejjem nafdawh. Ladarba l-Iskrittura kollha hi mitkellma minn Alla, l-Iskrittura kollha bilfors “ma tistax tigdeb,” bħalma hu Alla nnifsu: ma jista’ jkun hemm ebda falsità fl-Iskrittura.
  • Hemm almenu żewġ ħwejjeġ li ma jinbidlux: il-ħalfa u l-wegħda t’Alla, “li fihom huwa impossibbli li Alla jigdeb” (Ara Ebrej 6:18).
  • Mhux biss Alla ma jigdibx, iżda impossibbli għalih li jigdeb. “Int Alla, u kliemek hu veru” (2 Sam.7:28).

Nistgħu, mela, naslu għall-konklużjoni li l-kliem kollu tal-Iskrittura hu veru għalkollox u mingħajr errur fi kwalunkwe parti. Il-Bibbja tafferma proprjament dan diversi drabi: 

  • “Il-kliem tas-Sid hu kliem pur; bħal fidda provata f’forn fuq l-art, irfinuta seba’ darbiet” (Salmi 12:6). Fiha m’hemm ebda imperfezzjoni. 
  • “Kull kelma t’Alla msoffija: hu tarka għal kull min jittama fih. La żżid xejn ma’ kliemu, li ma jlumikx, u toħroġ ta’ giddieb” (Proverbji 30:5-6). Mhux xi dottrini jew xi passi biss, imma kull kelma. 

Infatti, il-Kelma t’Alla hi stabbilita fis-smewwiet għall-eternità kollha:

  • “Għal dejjem, o Sid, kelmtek hi fissa fis-sema.” (Salmi 119:89).

Sidna Ġesù jitkellem fuq linji simili meta jgħid li “s-sema u l-art jgħaddu, iżda kliemi ma jgħaddix” (Mattew 24:35). Id-diskors t’Alla hu mqiegħed f’kuntrast qawwi ma’ kull diskors uman, għax:

  • “Mhux raġel Alla, biex jigdeb; jew bin il-bniedem, biex jindem. Jaqaw jgħid u ma jagħmilx? Jew iwiegħed u ma jżommx kelmtu?” (Numri 23:19).

Il-Bibbja mhux biss hi vera, iżda l-verità nfisha. Mhux sempliċement hi vera fis-sens li tikkonforma ma’ xi standard ogħla ta’ verità, iżda l-Bibbja nfisha hi l-istandard finali tal-verità. Il-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, u l-Kelma t’Alla hi d-definizzjoni finali ta’ x’inhu veru u x’mhux veru. 

It-tali stqarrijiet jaffermaw espliċitament dak li hu impliċitu fir-rikjesta biex nemmnu l-kliem kollu tal-Bibbja, jiġifieri, li ma fihiex ħwejjeġ inqas minn veri jew li hemm xi falsità mgħoddija bħala fatt fil-Bibbja. 

Għad forsi ssir xi skoperta xjentifika, storika jew kwalunkwe li tikkontradixxi l-Bibbja? Nistgħu ngħidu bil-konfidenza: le, dan impossibbli. Jekk it-tali “fatt” hu skopert, u jingħad li jikkontradixxi lill-Iskrittura, allura (jekk qed nifhmu l-Iskrittura sewwa) “il-fatt” bilfors hu falz, u mhux fatt xejn, għax Alla, l-awtur tal-Iskrittura, jaf il-fatti kollha passati, preżenti u futuri. Ebda fatt qatt mhu se jiżvolġi li Alla ma kienx jaf bih fl-antik, u saħansitra mill-eternità, li jeħodha kontra diskorsu fl-Iskrittura. 

Biss irridu niftakru li l-istudju xjentifiku, storiku u kull tip ta’ studju ieħor, jista’ jħajjarna nerġgħu neżaminaw l-Iskrittura biex naraw jekk verament tgħallimx dak li aħna ħsibna li tgħallem. 

Il-Bibbja ma tgħallimx li x-xemx ddur mad-dinja; tuża biss deskrizzjonijiet ta’ fenomeni kif narawhom aħna mill-perspettiva tagħna. Madankollu, sakemm l-istudju tal-astronomija ma kienx avvanzat biżżejjed biex jiddimostra d-dawrien tad-dinja fuq il-fus tagħha, in-nies kienet tassumi li l-Bibbja tgħallem li x-xemx ddur mad-dinja. Imbagħad l-istudju xjentifiku qanqal lill-knisja biex terġa’ teżamina t-testi bibliċi. 

M’għandniex nibżgħu minn fatti ġodda f’kull qasam ta’ riċerka jew studju leċitu. Anzi, imissna nilqgħuhom, għax nafu minn quddiem li, interpretati sewwa, il-Bibbja u x-xjenza jagħtuna stampa konsistenti u koerenti, u qatt kontradittorja, għax nafu li t-tnejn għandhom Awtur wieħed.