Il-Bibbja tiftiehem


Kuntrarju għall-opinjoni pubblika, il-Bibbja tiftiehem – għal dawk li għandhom qalbhom miftuħa għal Alla. “Jien għandi aktar dixxerniment mill-għalliema kollha tiegħi, għax it-testimonjanzi tiegħek huma l-meditazzjoni tiegħi... Kelmtek hi lampa għal saqajja u dawl għall-mogħdija tiegħi” (Salmi 119:99,105).

Waħda mill-karatteristiċi tal-Bibbja hi l-perspikaċità tagħha, ċoè, il-Bibbja tiftiehem. Hi ċara biżżejjed u l-messaġġ tagħha jasal, jekk wieħed, illuminat mill-Ispirtu, juża l-mezzi kollha biex jikseb fehma tajba tagħha. Il-Bibbja hi miktuba b’tali mod li d-dottrini tagħha jistgħu jkunu mifhuma minn dawk kollha li jfittxuha, ċoè, jaqrawha, jisimgħuha jew jistudjawha (Rivelazzjoni 1:3), bl-assistenza sopranaturali tal-Ispirtu. Jifhmuha u jiggwadanjaw minnha jekk għandhom dispożizzjoni tajba fil-qalb biex isegwuha billi jemmnu u jipprattikaw tagħlimha (Ġwanni 7:17).

B’daqshekk m’aħniex ngħidu li l-Iskrittura hi ċara ugwalment u f’kull parti tagħha. Fiha misterji fondi wisq biex nifhmuhom b’moħħna (Rumani 11:33-34; Ġobb 5:9; 11:7), iżda dak it-tagħrif meħtieġ għas-salvazzjoni, għalkemm mhux ugwalment ċar f’kull paġna tal-Iskrittura, hu mgħoddi b’manjiera tant sempliċi (Salmi 119:105,130; 19:7; 2 Timotju 2:7) li kull min sinċerament ifittex is-salvazzjoni jista’ jasal biex jiksibha (Ġeremija 29:13; Dewteronomju 4:29; Salmi 32:6), u m’għandux bżonn jiddependi fuq l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe knisja (1 Ġwanni 5:9; 1 Tessalonkin 2:13) jew fuq tradizzjonijiet umani (Mattew 15:1-9; Marku 7:1-13; Kolossin 2:8,18; 1 Timotju 6:20-21; 1 Ġwanni 2:27). Għalhekk aħna inkuraġġiti nfittxuha kuljum (Atti 17:11; Ġwanni 5:39-40; Luqa 16:27-31; 1 Korintin 10:11; Kolossin 3:16; 4:16; 1 Tessalonkin 5:27; 2 Pietru 1:19; Rivelazzjoni 1:3; Isaija 34:16), sew privatament kif ukoll mal-familji tagħna (Dewteronomju 6:6-9; Ġenesi 18:17,19; Salmi 78:5-7).

Billi l-prova ta’ dil-pożizzjoni hija inkonfutabbli, nistqarru kif ġej: “Il-ħwejjeġ kollha fl-Iskrittura mhumiex ugwalment sempliċi fihom infushom, u lanqas ugwalment ċari għal kulħadd, madankollu dawk il-ħwejjeġ li huma neċessarji li jkunu magħrufa, emmnuti u osservati għas-salvazzjoni, huma tant ipproponuti u rivelati fiċ-ċar f’xi post jew ieħor fl-Iskrittura, li mhux biss l-edukati iżda wkoll dawk bla taħriġ jistgħu jottienu fehma suffiċjenti tagħhom bl-użu xieraq ta’ mezzi ordinarji (2 Pietru 3:16; Salmi 19:7; 119:130)” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:7).

Tabilħaqq, l-appostlu Pietru minn kmieni jfakkarna li xi partijiet mill-epistoli ta’ sieħbu Pawlu kienu diffiċli biex wieħed jifhimhom. Jgħid:

  • “qisu l-paċenzja ta’ Sidna bħala salvazzjoni, bħalma wkoll il- maħbub ħuna Pawlu, skont l-għerf mogħti lilu, kitbilkom, bħalma wkoll fl-epistoli kollha tiegħu jitkellem fihom dwar dawn il-ħwejjeġ, li fihom hemm xi affarijiet diffiċli biex tifhimhom, li dawk injoranti u instabbli jgħawġuhom, bħalma jittrattaw ukoll il-bqija tal-Iskritturi, għall-qirda tagħhom stess. Intom mela, maħbubin, billi tafu dan minn qabel, għassu sabiex ma tinġarrux mill-errur tan-nies bla prinċipju u taqgħu mis-sodizza tagħkom stess.” (2 Pietru 3:15-17). 

Mela mhux il-partijiet kollha tal-Bibbja tifhimhom faċilment. Ma jaqbilx immorru fl-estrem, però, u nassumu li l-maġġor parti tal-Bibbja hi lil hinn minna. Hi ġeneralment miktuba b’tali mod li tagħlimha jista’ jkun assimilat minn fidili ordinarji. Imqar fil-kwotazzjoni minn Pietru, il-kuntest huwa appell għall-ittri Pawlini, li l-qarrejja ta’ Pietru kienu qraw u fehmu (2 Pietru 3:15). 

Infatti, Pietru jixħet ħtija morali fuq dawk li, neqsin mill-istabbiltà, jittorturaw dawn il-passi għall-qirda tagħhom infushom. Hawnhekk aħna mwissija biex b’ebda mod ma nbagħbsu mal-Iskrittura, iżda navviċinawha b’umiltà, mistennija u talb, imma qatt b’konfidenza karnali. Pietru jgħid li d-dottrini Pawlini mhumiex impossibbli tifhimhom, imma biss diffiċli; jekk wieħed jadotta l-mezzi maħtura għad-dispożizzjoni tagħna, jasal.

Insibu l-każ ta’ Filippu, li staqsa lill-Etjopjan, “‘Tifhem dak li qiegħed taqra?’ U qal: ‘Kif nista’, jekk xi ħadd ma jmexxinix?” (Atti 8:30-31). Hemm min idawwar dil-ġrajja biex jgħid illi mingħajr struzzjoni esperta ma tistax tifhem il-Bibbja. Inwieġbu illi r-rwol tat-tagħlim hu dejjem f’loku u neċessarju. Dawk mhux konvertiti ċertament jeħtiġilhom it-tagħlim. Persuna għamja ma tistax taqra u allura ma tistax issir midħla ta’ ktieb billi taqrah. Għal dawk li bdew jirċievu vista spiritwali u wkoll għal dawk li diġà rreġistraw progress – kull wieħed fil-livell tiegħu aħna u mexjin lejn il-maturità – l-istruzzjoni hi l-mezz li bih id-dixxiplu jista’ javvanza progressivament. 

Il-ħtieġa tat-tagħlim u l-katekeżi, madankollu, ma timplikax oskurità fl-Iskrittura, imma aktarx taċċentwa s-sublimità tad-dottrini tagħha u l-inkompetenza tal-persuna li jkun qed jaqraha.

Ngħidu wkoll illi l-għan tat-tagħlim mhuwiex biex l-Iskrittura ssir iżjed ċara imma biex l-istudent isir aktar kapaċi jiddixxerni l-misterji kontenuti fiha.

Iċ-ċarezza tal-Liġi u r-responsabbiltà tal-fidili inġenerali li jaqrawha u jifhmuha huma sikwit enfasizzati (Dewteronomju 6:6-7). Il-poplu kollu Iżraelita kien mistenni jkun kapaċi jifhem kliem l-Iskrittura biżżejjed hekk li jgħallem b’diliġenza lit-tfal. Dat-tagħlim ma kienx jikkonsisti biss f’tagħlim bl-amment; anzi, kellhom jiddiskutu l-kontenut tal-Iskrittura matul l-attivitajiet tagħhom, fid-dar, huma u mexjin, qabel jorqdu u xħin iqumu. Alla pretenda li niesu kollha jkunu jafu u kapaċi jitkellmu dwar Kelmtu, b’applikazzjoni xierqa għas-sitwazzjonijiet ordinarji f’ħajjithom. 

L-ewwel Salm jinkuraġġina nemulaw lir-raġel “imbierek” li lejl u nhar jimmedita fuq il-liġi. Dil-meditazzjoni kontinwa tassumi l-abbiltà li wieħed jaħfen f’moħħu l-kontenut, jixtarru u jgħixu. Jingħad li hi miktuba b’tali mod li mqar “is-sempliċi” jista’ jasal biex jifhimha u jsir għaref biha (ara Salmi 19:7; 119:130). Hawnhekk il-persuna “sempliċi” mhux sempliċement wieħed nieqes mill-abbiltà intellettwali, imma wieħed li m’għandux ġudizzju sod, imdorri jagħmel l-iżbalji, u faċilment joħroġ ’il barra mit-triq u jiġġerra. X’inkuraġġiment għal kull fidil!

Sidna Ġesù jaqbel ma’ din l-evalwazzjoni tal-Iskrittura inkwantu ċ-ċarezza tagħha. Fit-tagħlim, it-taħdit u d-disputi tiegħu, Ġesù Sidna qatt ma jirreaġixxi għal xi mistoqsijiet billi jwaħħal fl-Iskritturi għax mhumiex ċari. Dejjem jassumi li l-kontemporanji tiegħu huma kapaċi jaqraw, jew jisimgħu, u jifhmu sew il-Liġu, il-Profeti u s-Salmi. 

Illum, meta huwa moda jisħqulna kemm hi għadma iebsa għalina ninterpretaw l-Iskrittura sew, jaqblilna niftakru li lanqas darba waħda fl-Evanġelji ma nisimgħu lil Sidna jgħid xi ħaġa hekk: “Nikkompatikom; naf mnejn inqalgħet il-problema tagħkom: l-Iskrittura vaga wisq fuq das-suġġett.” Minflok, sew jekk ikun jiddiskorri ma’ dutturi, jew ma’ nies komuni bla taħriġ speċjalizzat, it-tweġiba tiegħu dejjem tassumi li l-ħtija mhix fl-Iskrittura, iżda f’dak li naqas milli jifhem, jaċċetta jew jemmen dak li kien miktub. Kemm-il darba nisimgħuh jgħid, “Ma qrajtux?” (Mattew 12:3,5; 19:14; 22:31). “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura?” (Mattew 21:42); jew saħansitra, “Intom tiżbaljaw għax la tafu l-Iskrittura u lanqas qawwet Alla” (Mattew 22:29; cf., Mattew 9:13; 12:7; 15:3; 21:13; Ġwanni 3:10; et al).

Fil-bqija tal-Patt il-Ġdid hemm l-istess tagħlim: il-Bibbja tiftiehem. Il-maġġor parti tal-epistoli mhumiex indirizzati lill-mexxejja tal-knisja iżda lill-kongregazzjonijiet sħaħ (Ara l-1 Korintin 1:2; Galatin 1:2; Filippin 1:1, eċċ.). Pawlu jassumi li s-semmiegħa tiegħu jifhmu dak li jiktbilhom, u jamar li l-ittri tiegħu jkunu ċirkolati fi knejjes oħra (Kolossin 4:16; cf., Ġwanni 20:30-31; Efesin 3:4; 1 Timotju 4:13; Ġakbu 1:1, 22-25; 1 Pietru 1:1; 2:2; 2 Pietru 1:19; 1 Ġwanni 5:13). Jgħid: 

  • “Għax ma niktbulkomx ħwejjeġ oħra barra minn dak li taqraw u wkoll tifhmu, u nittama illi se tifhmu kompletament, bħalma wkoll fhimtuna parzjalment, illi intom tistgħu tiftaħru bina bħalma aħna wkoll niftaħru bikom, fil-jum tas-Sid tagħna Ġesù” (2 Korintin 1:13-14). 

L-aħħar frażi tiegħu ma tinnegax l-affermazzjoni tiegħu dwar iċ-ċarezza ta’ x’kitbilhom, iżda tagħmlilhom il-qalb biex ikunu bieżla filli jagħtu kas bir-reqqa għal kliemu, biex il-fehma parzjali tagħhom titfannad u tistagħna. Tabilħaqq, l-espressjoni tat-tali tama turi kif Pawlu jassumi li l-kitbiet tiegħu jistgħu eventwalment ikunu mifhuma tajjeb.

In-nies li oriġinarjament irċevew l-epistoli tal-appostli kienu l-biċċa l-kbira Kristjani ġodda bla sfond ta’ soċjetà Kristjana, u li qajla kienu midħla tal-istorja u l-kultura ta’ Iżrael. Madankollu, l-awturi tal-Patt il-Ġdid ma juru ebda eżitazzjoni milli jistennew li mqar dawn il-Kristjani Ġentili jkunu kapaċi jaqraw traduzzjoni tal-Patt il-Qadim fil-lingwa tagħhom stess u jifhmuha sewwa (cf., Rumani 4:1-25; 15:4; 1 Korintin 10:1-11; 2 Timotju 3:16-17; et al).

L-Iskrittura tiftiehem fl-ordni u l-manjiera ta’ espressjoni; hi wkoll intelliġibbli għad-dixxiplu konvertit, billi għajnejn fehmtu jkunu mdawla (Efesin 1:18). Ngħidu hekk bil-kunfidenza:

1. Mid-dikjarazzjonijiet espliċiti t’Alla nnifsu (Salmi 19:8; 119:1-5; 2 Pietru 1:19).

2. Alla ta l-Kelma biex idawwal, jiggverna u jikkonforta lil niesu (Rumani 15:4; 2 Timotju 3:15-16; Salmi 119:9). Imma dan l-objettiv ma jistax jintlaħaq jekk l-Iskrittura hi persistentement diffiċli biex tkun assimilata.

3. Kwalunkwe awtur hu difettuż jekk ma jiktibx bi stil intelliġibbli. Iżjed mhu kapaċi jippreżenta s-suġġett tiegħu ċar u tond, hekk li l-qarrej jiddixxerni l-qalba tal-kwistjoni kollha, aktar hu rikkmandat.  Il-kritiku jkun jista’ jikkonkludi li l-awtur igawdi fehma tremenda fuq is-suġġett. Aktar ma wieħed jikteb ċar, aktar tirriżulta komunikazzjoni adegwata. Issa Alla hu Missier id-dwal, hu dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh, u tana l-Iskritturi biex jgħarrfilna l-misterji tiegħu. 

4. Dawk posseduti biss bl-għerf mondan, avolja huma għomja rigward is-suġġett, huma mġiegħla jistqarru li qabda siltiet mill-Iskrittura, inkwantu stil u preżentazzjoni, jistgħu jkunu mifhuma mingħajr struzzjoni speċjalizzata. Però, billi m’għandhomx għajnejn spiritwali, il-mitlufa mhumiex kapaċi jifhmu dil-materja b’mod spiritwali, b’kuntrast mal-fidili, li rċevew l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jgħallimhom kollox (1 Ġwanni 2:27). Huma mgħallmin minn Alla (Isaija 54:13).

Il-Kristjani Evanġeliċi jaffermaw illi l-Bibbja hi ktieb li bażikament jiftiehem; il-Kattoliċi Rumani jesprimu riżerva qawwija dwar dan. L-Evanġeliċi ma jisħqux illi d-dottrini murija fl-Iskrittura jistgħu jiġu mifhuma mill-bniedem bil-qawwiet naturali tiegħu. Ħafna minnhom huma tqal, anke għall-Kristjani ġenwini. Lanqas ma jisħqu li kull parti tal-Iskrittura tista’ tiġi spjegata fiċ-ċert u fiċ-ċar; bosta mill-profeziji, pereżempju, huma enimmatiċi, u huma mfissra fiċ-ċar proprju meta jseħħu. 

Frattant il-Kristjani Evanġeliċi jaffermaw li kull artiklu essenzjali għall-fidi u l-imġiba li jitlob minna Alla huma rivelati ċar fl-Iskrittura, repetuti f’diversi forom u f’diversi kotba. Dak it-tagħlim bżonjuż għas-salvazzjoni u l-qdusija, kull Kristjan jista’ jitgħallmu. Mill-banda l-oħra, huwa minnu li bit-tagħrif storiku u permezz ta’ kontroversji, il-knejjes Kristjani qegħdin kontinwament javvanzaw fl-interpretazzjoni korretta tal-Iskrittura. 

Il-Kristjan jgħid li hu d-dritt u d-dover tiegħu li, bil-mezzi xierqa provduti, jistudja u japplika l-Iskrittura għalih innifsu. Il-Kattoliku Ruman jiċħad dan; jgħid li għandu bżonn il-Maġisteru u t-Tradizzjoni wkoll. 

Irridu, mela, nuru li l-Iskrittura tiftiehem, u l-qarrej sinċier tagħha ma jistax jitqarraq rigward il-messaġġ fondamentali tagħha. Dan nagħmluh b’dawn l-argumenti:

1. Rajna li l-Iskrittura hi kompluta u suffiċjenti, inkella tisfa falza, għax tassumi kif ukoll tafferma li xejn m’għandu jiżdied magħha. Fuq dan l-istess prinċipju nagħtu prova li tiftiehem meta nersqu lejha kif suppost, b’attitudni tajba (cf., 1 Pietru 2:1-3; 1 Korintin 2:6-7; 3:1-3; Ebrej 5:12-14, eċċ.). L-Iskrittura tagħtina liġijiet x’nobdu u turina verità li għandna nemmnu. Id-destin etern tagħna jiddependi fuq ir-reazzjoni tagħna lejn dawn il-ħwejjeġ. Issa jekk l-Iskrittura ma tiftihemx, kif nistgħu mela nobduha u nemmnuha? Jekk ngħidu li ma tiftihemx, inkunu qed nakkużaw lil Alla li qed jittratta magħna b’mod krudil. Iżda l-Iskrittura nfisha tisħaq li tiftiehem u mhix vaga (Ara Salmi 19:7-8; 119:105,130; 2 Korintin 3:14; 2 Pietru 1:18-19; Ħabaqquq 2:2; 2 Timotju 3:15-17).

2. L-Iskrittura tiftiehem. Dan jintwera mill-fatt li hi indirizzata immedjatament lill-bnedmin kollha bla għażla, jew inkella lill-fidili kollha, intelliġenti jew mhumiex (Ara Dewteronomju 6:4-9; Luqa 1:3; Rumani 1:7; 1 Korintin 1:2; 2 Korintin 1:1; 4:2; Galatin 1:2; Efesin 1:1; Filippin 1:1; Kolossin 1:2; Ġakbu 1:1; 1 Pietru 1:1; 2 Pietru 1:1; 1 Ġwanni 2:12,14; Ġuda 1). L-uniċi eċċezzjonijiet huma l-Epistoli lill-Timotju u Titu; iżda nnota li l-kontenut ta’ dawn l-epistoli kellu jkun mgħallem lill-miġemgħa tal-fidili (Ara 1 Timotju 4:11; 6:2,17-18; 2 Timotju 2:2,14; Titu 2:1,9,15; 3:1,8).

3. Il-Kristjani kollha, bla diskriminazzjoni, huma kmandati biex isiru familjari mal-Iskrittura (2 Timotju 3:15,17; Atti 17:11; Ġwanni 5:39). Dawk li huma illitterati jew m’għandhomx edukazzjoni biżżejjed huma mħeġġa jisimgħu tagħlim bibliku, speċjalment fil-laqgħat u l-funzjonijiet tal-knisja (1 Timotju 4:6,13; cf., Luqa 4:16-18; Rumani 12:6-8; 1 Korintin 14:3,26; Efesin 4:11-15; Kolossin 4:16; 1 Tessalonkin 5:20,27; Rivelazzjoni 1:3-4; 2:7).

4. Mill-esperjenza ta’ miljuni ta’ nies, nafu li l-Iskrittura tagħti dawl spiritwali bħalma x-xemx iddawwal wiċċ l-art (cf., Salmi 119:97-100,105,130). Jekk wieħed jipprova jiċħad dan, ikun qed jinsulta l-fehma ta’ qarrejja innumerabbli tal-Bibbja mal-erbat irjieħ tad-dinja.

5. Il-Bibbja tiftiehem: dan nagħrfuh mill-unità essenzjali fil-fidi u prattika, minkejja d-differenzi ċirkostanzjali kollha tal-komunitajiet Kristjani kollha f’kull żmien u nazzjon, li jibnu r-reliġjon tagħhom direttament mill-Iskrittura miftuħa. 

B’daqshekk ma rridux niċħdu li n-nies, kolti u mhumiex, biex jiksbu fehma xierqa tal-Iskrittura, mhux biss għandhom iqabblu l-Iskrittura mal-Iskrittura, u jagħmlu użu xieraq mill-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jgħinuhom ifittxu l-verità, iżda għandhom ukoll b’riverenza jagħtu kas x’inhi l-fidi tal-knisja. Jekk l-Iskrittura hi ktieb ċar, u l-Ispirtu s-Santu jiffunzjona bħala għalliem ta’ wlied Alla kollha, ir-riżultat inevitabbli għandu jkun li nsibu qbil fil-ħwejjeġ essenzjali fl-interpretazzjoni tal-Bibbja. U għalhekk nistgħu nikkonkludu li meta Kristjan individwali jitbiegħed mill-fidi tal-knisja universali (jiġifieri, il-miġemgħa ta’ fidili veri), hemm ċans kbir li jkun qed jitbiegħed mill-Iskrittura nfisha.

Mhux kull min hu midħla tal-Iskrittura awtomatikament jifhimha sewwa. Le, mhux neċessarjament. Matul il-ministeru ta’ Ġesù Kristu, id-dixxipli tiegħu stess kultant naqsu milli jaħfnu l-messaġġ tal-Patt il-Qadim u t-tagħlim ta’ Sidhom (Mattew 15:16; Marku 4:10-13; 6:52; 8:14-21; 9:32; Luqa 18:34; Ġwanni 8:27; 10:6). Għalkemm kultant dan ġara minħabba li sempliċement kellhom bżonn jistennew avvenimenti futuri fl-istorja tal-fidwa, u speċjalment f’ħajjet Ġesù nnifsu (Ġwanni 12:16; 13:7; cf., Ġwanni 2:22), nisimgħu b’każijiet oħra meta għerq il-problema tagħhom kien jinsab fl-inkredulità jew l-ebusija tal-qalb (Luqa 24:25).

Barra minn hekk, fil-knisja appostolika kien hemm nuqqas ta’ ftehim dwar il-Patt il-Qadim u dwar l-ittri miktuba mill-appostli: l-inklużjoni sħiħa tal-Ġentili fil-knisja seħħet wara proċess ta’ fehma aħjar dwar l-implikazzjonijiet kollha. Saħansitra bejn id-dixxipli kien hemm dibattitu sħun fuq hekk (Atti 15). Matul l-istorja, id-diverġenza fid-dottrina hi ovvja, u bosta drabi l-progess fir-riżolviment ta’ differenzi dottrinali kien kawt jew mhux ukoll kajman.

Din l-eżistenza t’opinjonijiet varji dwar it-tifsira tal-Iskrittura matul is-sekli tfakkarna li ċ-ċarezza tagħha ma timplikax u lanqas tissuġġerixxi li l-fidili kollha se jaqblu faċilment fuq tagħlimha. Madankollu, tgħidilna xi ħaġa importanti qatigħ – li l-problema ma tinsabx fl-Iskrittura, iżda fina nfusna. Is-sitwazzjoni hi infatti simili għal dik tal-awtorità biblika. Filwaqt li naffermaw illi l-Iskrittura għandha l-awtorità kollha t’Alla, nirrealizzaw ukoll li ħafna nies ma jammettux din l-awtorità suprema u lanqas jissottomettu ruħhom għaliha. Hekk ukoll bid-difetti u n-nuqqasijiet morali tagħna (minħabba l-qerq tad-dnub, li jaffettwalna l-intellett u l-fehma) mhux dejjem jirnexxilna nifhmu sew l-Iskrittura, avolja hi perspikaċi. 

Minn dan li rajna nistgħu nisiltu inkuraġġiment mid-dottrina tal-perspikaċità tal-Bibbja. Finalment għandha implikazzjoni prattika u inkuraġġanti qatigħ għall-membri tal-knisja kollha. F’oqsma ta’ fehma dottrinali jew etika differenti, hemm biss żewġ kawżi possibbli għal did-diverġenza:

1. Għandu mnejn inkunu nfittxu nagħmlu affermazzjonijiet fejn l-Iskrittura nfisha hi siekta. Meta l-Bibbja ma tindirizzax il-kwistjoni, ma nistgħux inkunu dommatiċi. 

2. Jista’ jkun li qed ninterpretawha ħażin. L-ermenewtika u l-eseġesi biblika huma oqsma kruċjali u bosta drabi traskurati bħala dixxiplini. Interpretazzjoni żbaljata naturalment twassal għal nuqqas ta’ ftehim fil-knisja. Barra minn hekk, jekk il-Kristjan hi mxekkel mill-kburija, regħba, infedeltà, egoiżmu, jew saħansitra mhux jiddedika ħin biżżejjed għall-istudju tal-Bibbja, fehmtu se tkun mgħawġa (ara l-1 Pietru 2:1-3). Ir-riċeviment tal-verità biblika hi kwistjoni morali iżjed milli intellettwali. 

F’ebda każ, però, m’aħna liberi nikkonkludu li l-Bibbja hi vaga jew imħawda inkwantu t-tali suġġett. Lanqas ma nistgħu naqtgħu qalbna u ngħidu li differenzi storiċi (il-Kalviniżmu versu l-Arminjaniżmu, eċċ.) m’għandna ebda ċans li narawhom solvuti b’mod aċċettabbli. Jekk aħna ġenwinament ikkonċernati dwar xi dottrina, imissna nitolbu għall-għerf minn fuq (Ġakbu 1:5-8), infittxu bla ngħejjew fl-Iskrittura, filwaqt illi nemmnu li Alla kapaċi jagħtina fehma tajba (2 Timotju 2:7; Esdra 7:10,25).

Nirringrazzjaw lil Alla wkoll għar-rwol tal-iskulari tal-Bibbja, jew ta’ dawk speċjalizzati fl-Ebrajk u l-Grieg:

1. Dawn ħandhom dmir jgħallmu l-Iskrittura ċar, billi jikkomunikaw il-kontenut tagħha lil ħaddieħor u hekk iwettqu l-kariga ta’ għalliema (1 Korintin 12:28; Efesin 4:11).

2. L-iskulari jesploraw oqsma ġodda fl-Iskrittura. Tiftix bħal dan rari jew qatt ma jinvolvi ċaħda tad-dottrini prinċipali miżmuma mill-knisja matul is-sekli. Sikwit juruna l-applikazzjoni tal-Iskrittura għal oqsma ġodda fil-ħajja, iwieġbu mistoqsijiet diffiċli mqanqla minn fidili u infidili, kif ukoll jirraffinaw u jagħmlu aktar preċiża fehmet il-knisja f’punti dettaljati ta’ interpretazzjoni.

3. L-istudjużi jiddefendu l-kontenut tal-Bibbja kontra l-attakki ta’ skulari liberali u modernisti, kif ukoll tas-setet. L-għalliem speċjalizzat ikun kompetenti, aktar minn ħaddieħor, biex jikkonfuti lil dawk li jikkontradixxu dottrina b’saħħitha (Titu 1:9; cf., 2 Timotju 2:25; Titu 2:7-8). L-infidili sikwit jivvintaw attakki sofistikati: jużaw l-istorja, il-lingwistika u l-filosofija biex jeqirdu l-istabbiltà tal-knisja. Dutturi mħarrġa jkunu kapaċi jwieġbu l-ereżiji, u l-knisja dejjem tista’ tiggwadanja mir-riċerka u r-riżultat tal-istudju tagħhom.