Il-Bibbja tagħti prova tal-awtorità divina tagħha stess

 

Mingħajr falliment, il-Bibbja tivvindika u tissodisfa kulma tisħaq dawrha nfisha. Tisħaq li hi l-leħen t’Alla, bl-ogħla awtorità, u tagħti evidenza ta’ dan. Hemm bosta ħjut ta’ evidenza, però hawn se nikkonċentraw fuq xi wħud minnhom. 

1. L-Iskrittura għandha qawwa permanenti.

Taċċertana li se tibqa’, billi hi l-Kelma soda t’Alla għall-bniedem. Din iċ-ċertifikazzjoni seħħet fil-priżervazzjoni sopranaturali ta’ dawn l-orakli matul is-sekli. Ruxxmata opri letterarji ntilfu u għebu, iżda “Għal dejjem, o Mulej, il-kelma tiegħek hi mwaqqfa fis-smewwiet” (Salmi 119:89).

2. L-Iskrittura fiha qawwa imperjali. 

Il-Bibbja tinkorpora l-evanġelju, “qawwet Alla għas-salvazzjoni” (Rumani 1:16). Ma ninsewx li l-evanġelju hu indirizzat lill-bniedem bħala editt imperjali. Għandu jkun obdut (Atti 5:32; Rumani 2:8; 10:16; 2 Timotju 1:8; Ebrej 5:9; 1 Pietru 4:17). Joffri s-salvazzjoni lill-midneb ħati, u jippenetra wkoll fil-qalb b’qawwa li tillumina u tittrasforma. “Il-fidi mela tiġi bis-smigħ, u s-smigħ bil-kelma ta’ Kristu” (Rumani 10:17). “Għax ħajja hi l-kelma t’Alla, u qawwija, u taqta’ aktar minn sejf b’żewġt ixfar, u tinfed ukoll sa fejn tinfired ir-ruħ mill-ispirtu, u l-ġogi mill-mudullun, u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Ebrej 4:12). Meta l-Kelma t’Alla hi mxandra fedelment, tagħti prova li għandha ħila twassal għat-tagħrif tas-salvazzjoni “li hi bil-fidi fi Kristu Ġesù” (2 Timotju 3:15).

3. L-Iskrittura hi mogħnija b’qawwa santifikanti.

“Qaddishom fil-verità tiegħek: kelmtek hi l-verità,” talab Sidna Ġesù lil Missieru (Ġwanni 17:17). Il-poplu t’Alla jkun imqaddes bil-Kelma, u b’hekk tintwera l-awtorità tagħha (Ġeremija 31:33). Hemm barkiet provduti għal dawk li fihom tgħammar il-Kelma t’Alla b’kull għerf (Kolossin 3:16). Il-Kristjan hu mgħammar bl-armatura t’Alla biex ikun jista’ jiġġieled u jirbaħ. Parti minn din l-armatura hu s-sejf tal-Ispirtu, li hu l-Kelma t’Alla (Efesin 6:17). Qaddisin bla għadd taw prova b’ħajjithom li l-Bibbja fiha qawwa li tnaddaf u ssaffi l-qalb. “Kif jista’ żagħżugħ iżomm triqtu safja? Billi jħares il-kelma tiegħek...F’qalbi ħbejt kelmtek, biex ma nidnibx kontra tiegħek” (Salmi 119:9,11. Ara wkoll 19:7-11).

4. L-Iskrittura għandha qawwa li tirrivela.

Il-Bibbja tivvindika l-awtorità tagħha billi tisħaq li hi rivelazzjoni divina għall-bnedmin. Kull informazzjoni awtorevoli dwar ħwejjeġ fis-sema u fl-art, fiż-żmien jew fl-eternità, ta’ tajjeb jew ħażin, neħduha biss mill-orakli t’Alla. Hi tassew l-għerf t’Alla muri lilna. “Frattant nitkellmu l-għerf fost il-maturi, imma għerf, mhux ta’ daż-żmien u lanqas tal-ħakkiema ta’ daż-żmien, ta’ dawk li qed jgħaddu ’l hemm; iżda nitkellmu l-għerf t’Alla f’misterju, l-għerf li kien moħbi” (1 Korintin 2:6-7). 

5. L-Iskrittura tibbrilla b’reqqa meraviljuża.

Fl-istorja, profezija u kull qasam ieħor, il-Bibbja ma tfallix. Tagħrif storiku, kif imniżżel fl-awtografi oriġinali, hu bla żball, u l-profezija mhux biss tgħidilna x’għad iseħħ, iżda tipprovdilna assigurazzjoni assoluta li kollox għad jiġi esegwit skont il-kompetenza sovrana u irreżistibbli t’Alla. L-awtorità divina tal-Iskrittura hi diġà murija fil-profeziji li diġà seħħew, u aħna ċerti li kollox għad iseħħ. “Għax tassew ngħidilkom, sakemm jgħaddu s-sema u l-art, jota waħda jew qrajjen wieħed b’ebda mod mhu se jgħaddi mil-Liġi sakemm kollox isir” (Mattew 5:18). “Il-ħeġġa tal-Mulej tal-eżerċti tagħmel dan.”

6. L-Iskrittura turi qawwa konkwistatorja.

Il-Bibbja tixhed għall-awtorità tagħha bil-mod kif tegħleb l-attivitajiet umani. Id-dominju tagħha beda bi grupp ta’ nies mistmerra f’lokalità ristretta. Għalkemm mibgħuda u kkritikata, rebħet imperi u l-influwenza tagħha dejjem titkattar. Meta l-Bibbja toħroġ għad-dawl, ir-rivoluzzjoni li tista’ tqajjem, u l-ġid spiritwali li tista’ toħloq, narawh dejjem jiżdied, bħalma ġara mir-Riforma Protestanta lil hawn. Tul l-istorja dawk li xandruha kienu mmassakrati, iżda ma rritaljawx. Il-Bibbja tkompli tavvanza. B’daqshekk ma rridux nimplikaw li l-Bibbja trasformat id-dinja, iżda Kelmet il-Mulej titwettaq, kif wiegħed hu stess, “Hekk tkun kelmti li toħroġ minn fommi: ma tarġax lejja vojta, iżda tagħmel dak li jogħġobni, u jkollha r-risq f’dak li jien bgħattha” (Isaija 55:11). Kull min qara l-Iskrittura jkollu jammetti kif dal-ktieb awtorevoli jgħid li l-kwalitajiet u l-effikaċja tiegħu ġejja mingħand Alla waħdu.

7. L-Iskrittura hi distinta bi profezija impressjonanti.

B’awtorità profonda, il-Bibbja topproponi programm divin li Alla biss jista’ jġibu fis-seħħ. Dal-programm diġà beda jiġi esegwit. Alla daħal f’patt ma’ Abraħam, Iżrael, David u l-knisja, fejn jassumi kontroll determinanti fuq il-ġenerazzjonijiet kollha. Kif nistgħu ninterpretaw dan kollu jekk ma naċċettawx il-fatt li l-Bibbja titkellem b’awtorità divina? Alla waħdu kapaċi “jagħmel dawn il-ħwejjeġ magħrufin mill-antik” (Atti 15:17-18).