Paragun bejn żewġ traduzzjonijiet


Bil-pubblikazzjoni ta’ Il-Patt il-Ġdid (Pubblikazzjoni QUM, Awwissu, 2021), wieħed faċilment jistaqsi, “Għala traduzzjoni ġdida, meta diġà għandna tlieta?” 

It-tweġiba tiegħi, bħala traduttur, hi din: “Hemm bżonnha! It-traduzzjonijiet tal-Professur Saydon u tal-Għaqda Biblika (Malta) ma jagħmlux l-almu tagħhom biex jittraduċu b’akkuratezza u jżommu s-sens tal-oriġinal; sikwit huma ħielsa u saħansitra jinqdew bil-parafrażi meta setgħu evitawha. Spiss jinterpretaw it-test Grieg flok ma jittraduċuh. Dan kollu jirrendi t-traduzzjoni fi grad inferjuri. It-traduzzjoni l-oħra, ta’ Karm Zammit (ippubblikata mit-TBS, Londra), hi traduzzjoni tal-Authorised Version. Mhix maħduma mill-Grieg, iżda mill-Ingliż, u allura ssofri minn nuqqas ta’ preċiżjoni wkoll.”

Bħala għalliem tal-Iskrittura Mqaddsa, dejjem xtaqt illi l-poplu Malti jkollu traduzzjoni affidabbli, li biha jista’ jserraħ rasu illi meta jaqra jkun qed jirċievi, sakemm tippermetti traduzzjoni, sewwa sew x’kitbu l-awturi tal-Patt il-Ġdid, xejn inqas u xejn iżjed. Finalment, wara snin twal ta’ ħidma u reviżjoni, Alla bierek il-proġett u issa t-traduzzjoni ġdida hi għad-dispożizzjoni tal-poplu Malti.

Permezz ta’ dan l-eżerċizzju se nagħti difiża għala t-traduzzjoni l-ġdida hemm postha, u saħansitra għandha tkun preferuta. Se nressaq ħafna evidenza kif it-traduzzjoni l-ġdida hi superjuri. Trid iżżomm f’moħħok illi kwalunkwe traduzzjoni trid tevalwaha primarjament għall-preċiżjoni u l-korrettezza tagħha, ċoè kemm jirnexxilha tirrifletti t-test Grieg. Din hi l-isfida fondamentali. 

Sfida sekondarja hi din: it-traduzzjoni jeħtieġ tkun b’Malti tajjeb u bażikament jiftiehem. Però wieħed irid iżomm f’moħħu illi t-test Grieg fih vokabularju rikk, ogħla mil-livell ta’ student lokali tas-sekondarja. Jiġifieri ma jkunx fer jekk it-traduzzjoni QUM tiġi kritikata għax kultant tuża vokabularju rari jew mhux familjari għan-nies ta’ edukazzjoni baxxa, avolja l-Malti hu l-ewwel lingwa tagħhom. Il-Bibbja, wara kollox, tirrekjiedi studju; mhijiex bħall-gazzetta ta’ kuljum. 

Għal dan il-għan, għażilt l-Epistola lir-Rumani, u qabbilt flimkien it-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika (minn issa ’l quddiem nirreferi għaliha bħala “B”) u t-traduzzjoni tiegħi (“A”). Imxejt vers vers u wrejt id-defiċjenzi ta’ B. Hemm żbalji bla konsegwenza, fosthom żbalji ta’ ortografija (eż., punti 71 u 447). Sikwit huma żbalji żgħar (eż., punti 4 u 450), u ħafna huma aktar sostanzjali (eż., punti 6, 338, 383, u 487). Sibt ħafna parafrażi bla bżonn (eż., punti 33, 62, u 67). Xi wħud huma serjissmi, għax iġorru magħhom riperkussjonijiet sinifikanti fit-teoloġija (eż., ara punti 66, 115, 158, 214, 286, 455, 464, 493). 

Huma oġġezzjonijiet jew protesti illi esprimejthom b’kuxjenza tajba u b’umiltà. B’daqshekk ma rridx narmi jew inwaqqa’ l-ħidma ta’ ħaddieħor: intenni illi l-għan tiegħi hu biss illi nagħti prova kemm kien neċessarju illi jkun hemm traduzzjoni aktar preċiża u fidila, li tirrispetta l-ispirazzjoni verbali u plenarja tal-Iskrittura Mqaddsa, bla ma tkun apparentement kapriċċjuża jew ħielsa bla bżonn evidenti. Meta ngħid hekk ma jfissirx illi t-tradutturi ta’ B kienu konxjament u apposta kapriċċjużi jew irresponsabbli. Bogħod minni dal-ħsieb! Qed ninsisti biss illi traduzzjoni bl-Ekwivalenza Formali (bħal A) tirrendi riżultati superjuri.

Dawn id-differenzi bejn iż-żewġ traduzzjonijiet ma jirriżultawx għax jien, bħala traduttur, aktar kapaċi mit-tradutturi tal-Għaqda Biblika. Lanqas xejn! Nirrispettahom u napprezza ħidmiethom. Il-kwalità differenti taż-żewġ traduzzjonijiet toħroġ mill-fatt illi jien ħdimt bil-prinċipju ta’ Ekwivalenza Formali, mentri tal-Għaqda Biblika waqgħu għat-teorija moderna (fil-fehma tiegħi żbaljata) ta’ Ekwivalenza Dinamika, li ma tgħoddx u hi inġurjuża inkwantu traduzzjoni tal-Bibbja, peress li fil-Bibbja kull kelma tgħodd u m’għandhiex titwarrab, peress li l-Bibbja sħiħa hi mogħtija b’ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. 

Sibt aktar minn sitt mitt każ (fl-Epistola lir-Rumani biss) fejn B setgħet timmiljora jew tgħolli l-livell tat-traduzzjoni. Stajt faċilment żidt magħhom, iżda ma xtaqtx nirrepeti ruħi bla bżonn u neżawrixxi lill-qarrej. Inħossni onorat jekk ikun hemm kontro-kritika għal dan l-eżerċizzju, sabiex daparti tiegħi nibda nsir konxju fejn u kif nista’ ntejjeb it-traduzzjoni QUM, peress li ebda traduzzjoni (minħabba l-fatt li hi traduzzjoni) mhi perfetta. Inħalli għall-ġudizzju ta’ dawk kollha li jemmnu l-evanġelju u jħobbu lil Sidna Ġesù sabiex jaraw b’għajnejhom stess illi mhux it-traduzzjonijiet kollha huma tal-istess kwalità. Allura wieħed irid jinvestiga sabiex jagħżel l-aħjar għal ruħu. 

Matul dan l-eżerċizzju se ssib referenzi għal The New Jerusalem Bible (Standard Edition, 1985), traduzzjoni Kattolika bl-Ingliż li tgawdi popolarità kbira, u approvata biex tinqara fil-knejjes f’diversi pajjiżi. Irreferejt għaliha kultant bħala xhieda addizzjonali kemm għandi raġun, avolja hi traduzzjoni maħduma fuq prinċipji simili għat-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika. Minn issa ’l quddiem nirreferi għaliha bħala “N.”

Sikwit irreferejt għat-test Grieg. Ittraskrivejt il-kliem Grieg bl-alfabett familjari għalina, sabiex dawk li mhumiex midħla tal-lingwa jkunu jistgħu jsegwu aħjar. Il-kliem hu traskritt kif jidher fit-test proprju, mhux kif insibuh fid-dizzjonarju. 

Persważ illi dan l-istudju komparattiv kapaċi jservi ta’ għajnuna għar-riċerka tiegħek, sabiex għall-ħajja tiegħek ta’ kuljum tinqeda bl-aħjar traduzzjoni tal-Patt il-Ġdid bi lsienna.


1 A: “Pawlu, ilsir ta’ Kristu Ġesù” (1:1).

B: “qaddej ta’ Kristu Ġesù”.

In-nom “ilsir” jew “skjav” hu traduzzjoni definittiva tal-kelma doulos; hemm kelmiet oħra bil-Grieg – diakonos, hupēretēs, pais, eċċ. – li għandhom ikunu tradotti “qaddej” jew “serv.”


2 A: “isseparat għall-evanġelju t’Alla” (1:1).

B: “maħtur għall-evanġelju ta’ Alla”.

Il-verb aphōrismenos ifisser “mifrud” jew “isseparat”; N għandha “set apart.” Hemm kelmiet oħra bil-Grieg li jfissru “ħatar,” (eż., kathistēmi), iżda mhux f’dan il-vers. 


3 A: “li wiegħed minn qabel” (1:2). 

B: “Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed” (1:1).

Qajla hemm bżonn tiżdied il-frażi, “Dan hu l-Evanġelju li Alla,” peress li l-kelmiet “l-evanġelju” għadhom kif issemmew fl-aħħar ta’ vers 1; ma tirrappreżenta ebda frażi fil-Grieg. 

Punt ieħor: proepēngeilato, “wiegħed minn qabel,” (pro tindika qabel), hi aktar akkurata minn sempliċi “wiegħed.” Veru li l-ewwel twiegħed imbagħad twettaq, iżda hu aħjar inżommu l-enfasi tal-appostlu. 


4 A: “fl-Iskritturi Mqaddsa” (1:2). 

B: “fil-Kotba Mqaddsa”. 

Hemm żewġ kelmiet distinti għal skritturi (graphais) u kotba (bibloi) fil-Grieg. N insibulha “holy scriptures.”

 

5 A: “skont l-ispirtu tal-qdusija” (1:4).

B: “skont l-Ispirtu s-Santu”. 

Mhijiex ċara dil-frażi hix referenza għall-Ispirtu s-Santu jew inkella għan-natura divina ta’ Ġesù, frattant l-Ispirtu s-Santu qatt mhu mhu msejjaħ bil-mod pekuljari Grieg kif jidher hawnhekk, pneuma hagiōsunēs. N tittraduċi b’mod liberali ħafna, “in terms of the Spirit and of holiness.”

 

6 A: “dikjarat bħala Bin Alla” (1:4).

B: “ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla”. 

Il-verb horisthentos, “dikjarat,” hu aktar preċiż, skont il-lessiku Grieg. N taqra “designated.”

 

7 A: “bis-setgħa” (1:4). 

B: “b’kull qawwa”. 

Skont it-test Grieg “kull” hi żejda; ma jintilef xejn jekk titħalla barra. 


8 A: “grazzja u appostolat” (1:5).

B: “l-grazzja tal-appostolat”. 

B hi traduzzjoni inadegwata tal-konġuzjoni kai, li tfisser ġeneralment “u”; m’hemm ebda neċessità tkun tradotta “tal-.”


9 A: “għall-ubbidjenza tal-fidi” (1:5).

B: “biex inwasslu għall-ubbidjenza tal-fidi”.

F’B “biex inwasslu” hi frażi żejda; kieku tħalliet barra s-sens ma jintilifx. 


10 A: “għal ismu” (1:6). 

B: “għall-ġieħ ta’ ismu”. 

L-idea ta’ “ġieħ” hi interpretazzjoni; meta jaqra hekk il-qarrej hu marbut ma’ dik l-idea. 


11 A: “permezz ta’ Ġesù Kristu għalikom ilkoll” (1:8). 

B: “permezz ta’ Ġesù Kristu”.

F’B “għalikom ilkoll” hi frażi mħollija barra, bla raġuni valida. 


12 A: “qiegħda tkun imnedija” (1:8).

B: “isemmuha”. 

B qalbet is-sens lessiku tal-verb katangelletai meta “imnedija” jew “imxandra” jagħmlu sens perfett bil-Malti.


13 A: “li naqdih fl-ispirtu tiegħi” (1:9). 

B: “li jien naqdi b’qalbi kollha”. 

Ma niskopru ebda raġuni għala pneumati hi tradotta “qalbi” u mhux “spirtu.” Bnadi oħra fl-istess traduzzjoni B il-kelma Griega “spirtu” titħalla “spirtu.” 

Jerġa’, “kollha” hi żejda. 


14 A: “xi don spiritwali” (1:11).

B: “id-doni spiritwali”.

A hi littera. B messha traduċiet hekk ladarba l-Malti jippermetti perfettament.


15 A: “voldiri, ħalli nkunu inkuraġġiti reċiprokament” (1:12). 

B: “jiġifieri nqawwu lil xulxin”.

F’A sumparaklēthēnai, “inkuraġġiti reċiprokament” hi aktar preċiża (sum tindika “flimkien”; huwa ambigwu għala t-tradutturi ta’ B m’għażlux din il-kelma li tant toqgħod fil-kuntest. Forsi hawnhekk B segwiet N, li tagħmilha “strenghtened.”


16 A: “hekk, sakemm jiġi minni, ninsab ħerqan” (1:15). 

B: “għalhekk ninsab ħerqan”.

F’B “sakemm jiġi minni” hi maqbuża bla ma nsibu ebda ħjiel tagħha fit-traduzzjoni. 


17 A: “li qegħdin f’Ruma” (1:15). 

B: “li tgħammru f’Ruma”. 

Il-verbi “qegħdin” u “tgħammru” ma jirriflettu ebda kelma Griega. Il-vantaġġ ta’ A hu illi l-kelma “qegħdin” hi fil-korsiv (jiġifieri mhix strettament fit-test Grieg), mentri t-traduzzjoni B tħalli lill-qarrej fil-għama liema kelma jew kelmiet huma miżjuda f’ġieħ is-sens. Dan il-punt jgħodd għat-traduzzjoni tal-Patt il-Ġdid kollu kemm hu.


18 A: “Għax jien ma nistħix” (1:16).

B: “Jiena ma nistħix”. 

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” tħalliet barra. Frattant hi importanti għan-nisġa’ tal-argument. 


19 A: “għax hu s-setgħa t’Alla” (1:16). 

B: “għax l-Evanġelju hu l-qawwa ta’ Alla”. 

B ittenni l-istess nom “l-Evanġelju,” meta m’hemmx għalfejn.


20 A: “Lhudi...Grieg” (1:16). 

B: “Lhud...Griegi”. 

Fil-Grieg jintuża s-singular; bil-Malti s-singular jiftiehem perfettament. Il-bidla mis-singular għall-plural setgħet ġiet evitata, bla ħsara xejn. Inkonsistentement, f’10:12, B tħallihom fis-singular.


21 A: “Għax fih il-ġustizzja t’Alla hi rivelata” (1:17).

B: “u fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla”. 

B biddlet il-konġuzjoni “Għax” għall-partiċella “u.” Is-sens inbidel!

 

22 A: “fih il-ġustizzja t’Alla hi rivelata minn fidi għal fidi” (1:17). 

B: “tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi”. 

L-għażla tal-verb “rivelata,” għal apokaluptetai hi aktar korretta. Forsi ntużat “tidher” biex tkun aktar faċli. L-istess jista’ jingħad għar-Rumani 1:18. Però fit-traduzzjoni A ssib nota għal vers 17 li tibda hekk: “rivelata: j, murija...”


23 A: “Imma l-ġust se jgħix bil-fidi.” (v1:17). 

B: “Il-ġust jgħix bil-fidi.”

Ma naraw ebda neċessità biex f’B jinbidel it-temp tal-verb mill-futur għall-imperfett.

 

24 A: “Għax ir-rabja t’Alla qed tkun rivelata mis-sema kontra kull empjetà

u inġustizzja” (1:18).

B: “Il-korla ta’ Alla tidher nieżla mis-sema fuq il-ħażen u l-inġustizzja”. 

“Għax” (gar) hi eliminata f’B.

Il-verb “nieżla” f’B hu miżjud; difatti “nieżla” aktar tħawwad milli tgħin lill-qarrej! 

Aktar minn hekk, “empjetà” għal asebeian f’A hi aktar preċiża mill-kelma ġenerali “ħażen.”


25 A: “li jissopprimu l-verità” (1:18). 

B: “li jżommu l-verità mjassra”. 

A hi aktar preċiża; il-verb hu mfisser fin-notamenti.

 

26 A: “hu evidenti fihom” (1:19).

B: “kien, iva, irrivelat lilhom”. 

Il-kelma “iva” hi żejda; it-traduzzjoni tagħmel sens perfett mingħajrha. Aħjar minn “irrivelat” hi l-kelma “evidenti”; l-aġġettiv phaneron ifisser “evidenti; viżibbli; ċar; jidher sewwa; magħruf.”


27 A: “għax Alla lilhom immanifestah.” (1:19). 

B: “Alla stess urihulhom.” 

Il-frażi f’A hi preferibbli għax hi aktar littera u tgħaddi tajjeb bil-Malti. 


28 A: “Għax l-attributi inviżibbli tiegħu” (1:20). 

B: “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx”. 

“Għax” hi maqbuża f’B.


29 A: “Għax l-attributi inviżibbli tiegħu” (1:20). 

B: “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx”. 

L-artiklu ta u l-aġġettiv aorata huma fil-plural, allura ma tistax tissuplixxi kelma bħal “kobor,” li hi fis-singular. F’A “attributi” hi plural u allura taqbel mal-grammatika Griega. 

Hi wkoll fil-korsiv, għaldaqstant il-qarrej jaf illi hi kelma miżjuda biex is-sens ikun komplut, mentri l-kelma “kobor” f’B ma fiha ebda indikazzjoni li hi miżjuda mit-tradutturi. 


30 A: “mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula” (1:20). 

B: “permezz tal-ħlejjaq” (1:20). 

B ħadet libertà żejda, jidhirli, billi ħalliet il-verb nooumena, “mifhuma,” barra. 

Il-verb poiēmasin, “magħmula,” lanqas mhu rifless f’B. N taqlibha bħala “created things.”


31 A: “Għaliex avolja” (1:21).

B: “Imma għad li”. 

Il-konġuzjoni Griega, dioti, tfisser bażikament “għaliex,” jew, “għax,” jew “għalhekk.” Qatt ma tfisser “Imma” kif tidher f’B. 


32 A: “iżda” (1:21). 

B: “għall-kuntrarju”. 

Hemm frażijiet fil-Grieg li jfissru “għall-kuntrarju,” madankollu hawnhekk insibu l-partiċella avversattiva komuni, all’, “iżda.” 


33 A: “friegħu fi ħsibijiethom” (1:21).

B: “moħħhom intilef fil-bluha”. 

A hi littera. B hi parafrażi aktarx milli traduzzjoni, mingħajr m’hemm raġuni qawwija għaliha. 


34 A: “t’Alla inkorruttibbli” (1:23). 

B: “ta’ dak Alla li ma jintemmx”. 

A għandha nota biex tfisser il-kelma aphthartou, “inkorruttibbli.” F’B “li ma jintemmx” mhijiex traduzzjoni adegwata għall-kelma Griega. 

Żejjed ukoll hu l-pronom dismostrattiv “dak.” Bih u mingħajru s-sens jasal perfettament.


35 A: “korruttibbli” (1:23).

B: “li jintemm”. 

B ma tolqotx it-tifsira korretta tal-aġġettiv Grieg, phthartou. 


36 A: “rettili” (1:23). 

B: “sriep”. 

Is-sriep huma rettili, iżda mhumiex l-uniċi rettili fid-dinja. Il-kelma herpetōn primarjament tfisser “rettili.”


37 A: “għall-impurità, ħalli jkunu ddegradati” (1:24). 

B: “biex niġġsu u waqqgħu fl-għajb”. 

It-traduzzjoni B hi pjuttost ħielsa. 


38 A: “vveneraw u servew lill-ħliqa aktarx milli” (1:25). 

B: “taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok”.

In-nom fis-singular, ktisei, “ħliqa,” hawnhekk jiftiehem sewwa bil-Malti fis-singular, bħalma hu fil-Grieg. N taqra “the creature.” 

Punt ieħor: ma nsibu ebda raġuni soda għala ż-żewġ verbi nqalbu f’nomi f’B.


39 A: “għax saħansitra n-nisa tagħhom” (1:26). 

B: “In-nisa tagħhom”. 

Il-konġuzjoni gar, “għax,” hi nieqsa f’B bla ebda raġuni. 


40 A: “indeċenti” (1:27).

B: “bla ġieħ”. 

F’A, aschēmosunēn, “indeċenti,” hi wisq aktar preċiża, jekk wieħed jikkonsulta d-dizzjonarju Grieg.


41 A: “u jirċievu lura fihom infushom il-piena” (1:27). 

B: “u bi ħlas ta’ dan jirċievu fihom infushom il-ħlas”.

Il-kelmiet apolambanontes, “jirċievu lura,” u antimisthian, “piena,” huma verb u nom totalment differenti fil-Grieg; ma sar ebda sforz f’B (“ħlas...ħlas”) biex din id-differenza tintwera. 


42 A: “għall-errur tagħhom.” (1:27). 

B: “li ħaqqhom ħtijiethom.”

Hemm bidla bla bżonn mis-singular għall-plural.

Ukoll, il-kelma Griega planēs tfisser “errur,” jew żball, delużjoni, ingann. Qatt ma tfisser “ħtija.”


43 A: “U ladarba” (1:28). 

B: “Billi l-bnedmin”. 

In-nom “bnedmin” mhuwiex fil-Grieg, u mhuwiex neċessarju fit-traduzzjoni. 


44 A: “għal moħħ depravat” (1:28). 

B: “fil-fehmiet ħżiena tagħhom”. 

A għandha notament u żammet is-sens xieraq; b’kuntrast, B hi simplistika wisq. 


45 A: “jobogħdu ’l Alla” (1:30). 

B: “għedewwa ta’ Alla”. 

Iż-żewġ frażijiet f’A u B jirrifettu kelma Griega waħda, theostugeis, li definittivament tfisser “jobogħdu ’l Alla.” Diffiċli nifhmu għala kien hemm bżonn tiġi tradotta xort’ oħra!

 

46 A: “inventuri ta’ ħwejjeġ ħżiena” (1:30). 

B: “joħolqu l-ħażen”. 

Il-kelma epheuretas tfisser ċertament “inventuri,” mhux “joħolqu.”


47 A: “bla fedeltà” (1:31). 

B: “bla kelma”. 

It-traduzzjoni B hi inkorretta għall-aġġettiv asunthetos, li tfisser “faithless, untrustworthy.” Agħar minn hekk, faċilment tiftiehem ħażin.


48 A: “bla affezzjoni naturali” (1:31) 

B: “bla mħabba”. 

Il-kelma waħda Griega, astorgous, tfisser “bla affezzjoni,” jew, “bla mħabba.” A preferiet “bla affezzjoni” għax il-kelma hi totalment differenti minn agapē, in-nom normalment tradott “imħabba” fil-Patt il-Ġdid. 


49 A: “li jafu sew” (1:32).

B: “Għalkemm kienu jafu”. 

Il-partiċella “li” (hoitines) hi korretta mentri “Għalkemm” mhijiex. 


50 A: “jipprattikaw” (1:32).

B: “jagħmel”. 

Il-bidla mill-plural għas-singular f’B hi arbitrarja. 

Jerġa’, “jipprattikaw” tolqot wisq aktar is-sens tal-verb Grieg, użat darbtejn f’dan il-vers (prassontes...prassousin). 


51 A: “Konsegwentement int m’għandek l-ebda skuża, o bniedem, kull min jiġġudika” (2:1). 

B: “Int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor ma għandek ebda skuża”. 

Il-konġuzjoni Dio, “Konsegwentement,” hi eliminata bla raġuni f’B; dan itellef ir-rabta tal-argument. 


52 A: “tiddisprezza l-għana tat-tjubija tiegħu” (2:4). 

B: “trid tabbuża mill-kobor tat-tjubija tiegħu”. 

A hi littera u tagħmel sens perfett bil-Malti; B hi ħielsa bla raġuni valida. 


53 A: “t-tolleranza u l-paċenza tiegħu” (2:4). 

B: “mis-sabar u l-ġenerożità tiegħu”. 

Għal darb’ oħra nbidel is-sens lessikali f’B, bla ma niskopru xi raġuni soda.


54 A: “Imma minħabba l-ostinazzjoni tiegħek” (2:5). 

B: “B’din l-ebusija ta’ rasek”.

Innota l-konġuzjonijiet de, “imma,” mibdula totalment f’B. 

Jerġa’, “ostinazzjoni” għal sklērotēta hi aktar preċiża. 


55 A: “qed taħżen ir-rabja għalik innifsek” (2:5).

B: “inti qiegħed tiġma’ għalik innifsek il-korla”.

F’A “taħżen” hi aktar preċiża għal thēsaurizeis. N taqlibha bħala “storing up.” 

Il-pronom personali “inti” hu miżjud b’B bla bżonn.


56 A: “skont l-opri tiegħu” (2:6). 

B: “skont ma jkun għamel”.

In-nom f’B inqaleb f’verb meta A tagħmel sens perfett fil-Malti. Inħawi oħra B tuża “opri” bħala traduzzjoni għall-istess kelma hawnhekk.


57 A: “għad irodd...ifittxu” (2:6-7).

B: “jħallas...jkunu fettxew”.

It-tempijiet tal-verbi f’B huma mibdula bla ma wieħed jara xi ħtieġa ta’ dan. Dan l-iżball hu ripetut kontinwament, bla bżonn, matul B.


58 A: “bil-perseveranza” (2:7). 

B: “jipperseveraw sal-aħħar”.

Il-frażi “sal-aħħar” hi miżjuda mit-tradutturi f’B; m’hemm xejn indikat li hekk hu. 


59 A: “ifittxu l-glorja u l-unur u l-immortalità” (2:7).

B: “jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja li ma tintemmx”.

Il-kelma aphtharsian tfisser “immortalità. Anke l-mitlufa fl-infern jibqgħu ħajjin bla ma jintemmu; l-immortalità hi għotja ta’ grazzja, barka speċjali t’Alla lill-fidili biss. N insibulha “immortality.” 


60 A: “ikun hemm rabja u għadab.” (2:8). 

B: “jerfa’ l-korla u l-qilla”.

Il-verb “jerfa’ hu miżjud mit-tradutturi f’B; il-qarrej jassumi li hu parti mit-test Grieg. B’kuntrast, f’A “ikun hemm” huma fil-korsiv, allura l-qarrej jaf li mhumiex parti mit-test. 

Ħaġa oħra: “qilla” f’B mhijiex akkurata bħala traduzzjoni għal thumos. Hemm in-nom apotomia (użat darba biss fil-Patt il-Ġdid kollu), li jfisser “qilla,” (tradott bin-nom sinonimu “severità” f’A, Rum.11:22), iżda hawn il-kelma tfisser “għadab” jew “korla.” 


61 A: “ma jobdux il-verità” (2:8). 

B: “jirvellaw kontra l-verità”.

It-test Grieg hu faċli hawnhekk, allura A hi littera totalment u tagħmel sens perfett; f’B inħass il-bżonn li tibdel l-idea, iżda wieħed diffiċli jifhem x’inhi r-raġuni.


62 A: “li huma egoistikament ambizzjużi” (2:8). 

B: “biex imbagħad joqogħdu għall-ħażen”.

B hi parafrażi, mhux traduzzjoni, bla neċessità stretta. 


63 A: “tribulazzjoni u diqa għal kull ruħ” (2:9). 

B: “Tbatija u dwejjaq għal kull ruħ”.

In-nom thlipsis ifisser regolarment “tribulazzjoni” jew “afflizzjoni”; hemm in-nom pathēma għal “tbatija” jew “sofferenza” (eż., Rum.8:18). Wieħed hu mistifikat għala B ħasset il-ħtieġa għall-bidla.


64 A: “kemm tal-Lhudi l-ewwel kif ukoll tal-Grieg” (2:9). 

B: “l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi”.

Hemm kambjament bla ħtieġa mis-singular għall-plural f’B. 

Ħaġa oħra: “l-ewwel” u “imbagħad” mhumiex riflessjoni tat-test Grieg. Ara wkoll Rumani 2:10. 


65 A: “Għax dawk kollha” (2:12).

B: “Dawk kollha”. 

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” ġiet eliminata f’B, meta din tgħin fl-argument.


66 A: “huma ġusti” (2:13). 

B: “huma ġġustifikati”. 

Teoloġikament, tkun ġust u tkun ġustifikat mhumiex l-istess ħaġa! Dan hu nuqqas serju f’B; wieħed forsi jissuspetta li B, traduzzjoni Kattolika Rumana, ittraduċiet hekk biex tiffittja l-Bibbja għat-tagħlim Kattoliku. Mhux ta’ b’xejn illi N tittraduċi wkoll, “will justify.”


67 A: “min-natura” (2:14). 

B: “bl-istint naturali tagħhom”.

B nqdiet b’parafrażi meta setgħet sempliċement tittraduċi, kif inhi f’A għall-kelma waħda phusei.


68 A: “x-xogħol tal-liġi” (2:15). 

B: “l-preċetti tal-Liġi”. 

F’B “preċetti” hi interpretattiva, u allura dejqa, meta mqabbla ma’ “xogħol,” il-kelma littera kif użata għan-nom ergon. 


69 A: “u ħsibijiethom” (2:15).

B: “u r-raġuni tagħhom”.

Għal darb’ oħra, it-traduzzjoni f’B hi interpretazzjoni. 

Ukoll, il-plural hu maqlub għas-singular. 


70 A: “daqqa saħansitra jiddefenduhom” (2:15).

B: “issa japprovaw għemilhom”.

It-traduzzjoni f’B mhix preċiża. N tagħmilha “provide them with a defence.”


71 A: “fil-jum meta” (2:16). 

B: “Dan għad jidher dak in-nhar li fih”.

“Dan għad jidher” hi miżjuda f’B. Il-qarrej m’għandux idea li hi żieda tat-tradutturi. 

Ukoll, “dak in-nhar” hi ortografija Maltija mhix aġġornata, avolja l-ħames edizzjoni (2020) ġiet ippubblikata wara li ħarġu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti dwar il-Varjanti Ortografiċi (2008).


72 A: “s-sigrieti tal-bnedmin” (2:16). 

B: “mill-għemejjel moħbija”.

B hi parafrażi, fil-fehma tiegħi, kapriċċjuża: ta krupta, “is-sigrieti,” jistgħu jkunu mhux biss għemejjel iżda wkoll diskors, ħsibijiet, attitudnijiet, eċċ. N taqra “secrets.” 


73 A: “sserraħ fuq il-liġi” (2:17). 

B: “moħħok mistrieħ bil-Liġi”. 

F’B “moħħok” hi idea barranija li ma tidhirx fit-test Grieg. 


74 A: “u tapprova l-ħwejjeġ essenzjali billi int istruwit mil-liġi” (2:18). 

B: “u l-Liġi għallmitek tagħraf tagħżel l-aħjar”.

Innota d-differenza bejn traduzzjoni fidila (A) u parafrażi (B). 


75 A: “gwida tal-għomjin” (2:19).

B: “taf tmexxi lill-għomja”. 

Mhux faċli nifhmu għala f’B nsibu ż-żieda ta’ verb ieħor, “taf.” 

Ħaġa oħra: f’B nom wieħed, hodēgon, iddawru f’żewġ verbi, “taf tmexxi,” bla bżonn.


76 A: “dawl għal dawk fid-dlam” (2:19). 

B: “int id-dawl fid-dlam”. 

B setgħet tkun tradotta aktar fedelment, bħal A. 


77 A: “istruttur...għalliem” (2:20). 

B: “mgħallem...mgħallem”. 

Fit-traduzzjoni B ma sar ebda sforz biex jintwera illi hemm żewġ nomi totalment differenti minn xulxin, paideutēn u didaskolon. N għandha “teach...instruct.”


78 A: “għandek il-formulazzjoni tat-tagħrif” (2:20). 

B: “għandek l-għerf”.

F’A tēn morphōsin, “il-formulazzjoni,” jew frażi simili, hi maqbuża f’B, bla raġuni. 

Jerġa’, b’mod li ma jistax ikun ġustifikat, in-nom gnōseōs, “tagħrif,” inbidel f’“għerf” (sophia).


79 A: “int, mela, li tgħallem lil ħaddieħor” (2:21). 

B: “int li tgħallem lil ħaddieħor”.

Ma niskopru ebda raġuni għala oun, “mela,” ġiet eliminata hawnhekk f’B. Il-konġuzjoni ċertament tgħinna napprezzaw aħjar l-argument tal-awtur. 


80 A: “biex ma jisirqux” (2:21).

B: “La tisraqx”.

A hi littera u tiftiehem faċilment; B qalbet għad-diskors dirett flok indirett.

Mis-singular B qalbet għall-plural bla ħtieġa.


81 A: “biex ma jikkommettux adulterju” (2:22). 

B: “La tiżnix”. 

L-istess kritika tapplika hawn ukoll. 

Apparti minn hekk, tikkommetti adulterju (moicheuein) u żena (porneuō) ma jfissrux l-istess: adulterju hu forma waħda fost ħafna forom ta’ żena. N tuża l-kelma “adultery.”


82 A: “tiddiżonora...midgħi” (2:23-24). 

B: “żżeblaħ...mżeblaħ”.

Fil-Grieg insibu żewġ verbi differenti – atimazeis u blasphēmeitai. Ma sar ebda sforz biex dan jidher f’B. Inċidentalment, f’N jidher l-istess nuqqas bħal f’B.


83 A: “Għax ‘Isem Alla...’” (2:24).

B: “L-isem ta’ Alla...”. 

Għal darb’ oħra naraw l-eliminazzjoni regolari ta’ konġuzjonijiet li jgħinuna nifhmu aħjar l-argument, f’dan il-każ gar. 

L-istess jiġri fil-bidu ta’ vers 25 u f’bosta nħawi oħra, li huma numerużi wisq biex nelenkawhom.


84 A: “tipprattika l-liġi” (2:25). 

B: “tħares il-Liġi”.

Il-verb “tipprattika” hu aktar preċiż bħala traduzzjoni għal prassēs; għall-verb “tħares,” inkwantu l-osservazjoni tal-liġi, il-Grieg juża verb differenti, bħal tereō u phulassō.


85 A: “-ċirkonċiżjoni tiegħek tkun saret nuqqas ta’ ċirkonċiżjoni” (2:25). 

B: “Jekk int ma tħarisx il-Liġi ssir qisek pagan bla ċirkonċiżjoni.” 

Ħadd ma jista’ jgħid li A ma tiftihemx, u difatti hi preċiżament x’hemm miktub bil-Grieg. B ddur għall-parafrażi meta m’hemmx bżonnha.


86 A: “il-bniedem mhux ċirkonċiż” (2:26). 

B: “pagan bla ċirkonċiżjoni”.

A tagħmilhielek ċara illi “bniedem,” neċessarja biex is-sens jasal, hi miżjuda mit-traduttur. F’B m’hemmx din l-għajnuna. 


87 A: “Mela jekk il-bniedem mhux ċirkonċiż iżomm il-preċetti tal-liġi, in-nuqqas ta’ ċirkonċiżjoni tiegħu mhix se tkun stmata bħala ċirkonċiżjoni?” (2:26). 

B: “Jekk pagan bla ċirkonċiżjoni jħares il-preċetti tal-Liġi, ma jkunx qiegħed hu, li hu bla ċirkonċiżjoni, jikkundanna lilek li int ċirkonċiż?” 

Il-fedeltà fit-traduzzjoni A hi massima, u tiftiehem perfettament; B iddaħħal idea ta’ kundanna totalment assenti fit-test Grieg.


88 A: “Għax il-Lhudi mhuwiex wieħed fl-apert” (2:28). 

B: “Mhux dak li jidher li hu Lhudi minn barra hu Lhudi”. 

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” hi eliminata f’B. 

Ukoll, tuża libertà żejda fit-traduzzjoni. 


89 A: “lanqas iċ-ċirkonċiżjoni mhi fl-estern, ċoè, mhix fiżika” (2:28). 

B: “lanqas min għandu ġismu ċirkonċiż”.

Il-kelmiet en tō phanerō, “fl-estern,” jew xi frażi tixxiebah, hi eliminata f’B, bir-riżultat illi l-enfasi tal-awtur tinqered. 


90 A: “li t-tifħir tiegħu mhuwiex mingħand in-nies” (2:29). 

B: “Bniedem bħal dan, mhux il-bnedmin ifaħħruh”. 

B biddlet is-sens, avolja b’mod minimu, meta ma kienx hemm għalfejn. 


91 A: “Alla veru” (3:4).

B: “Alla hu sinċier”. 

L-aġġettiv alēthēs ifisser “veru”; għal “sinċier” hemm kelma oħra differenti, eilikrinēs (cf., Fil.1:10). N insibulha “true.”


92 A: “tipprevali meta tkun iġġudikat” (3:4).

B: “tirbaħ meta tkun iġġudikat.”

Punt żgħir: f’A “tipprevali” jew “tegħleb” għal nikēseis hawnhekk hi aktar preċiża; il-kelma hi mfissra permezz ta’ glossa.


93 A: “x’se ngħidu?” (3:5). 

B: “x’għandna ngħidu?” 

F’B “għandna” tissinifika obbligu; din l-idea hi assenti fit-test Grieg. 


94 A: “Jaqaw inġust Alla li jixħet ir-rabja fuqna?” (3:5). 

B: “Forsi Alla hu inġust jekk jikkastigana?” 

Fit-traduzzjoni B il-lingwaġġ vividu hu eliminat. 

Ukoll, “Forsi” turi inċertezza, mentri t-test Grieg jagħmilha ċara, mill-forma tal-mistoqsija, illi għandha tkun imwieġba fin-negattiv! (Ara “It-Traduttur lill-Qarrej, fi Il-Patt il-Ġdid, paragrafu 22).


95 A: “jekk bil-falsità tiegħi l-verità t’Alla kotrot għall-glorja tiegħu” (3:7). 

B: “jekk il-verità ta’ Alla tidher aktar minħabba l-gidba tiegħi għall-glorja tiegħu stess”.

Il-bidla tal-verb f’B, minn “kotrot” għal “tidher aktar” mhijiex ġustifikata; A tiftiehem ħafna, avolja hi littera. 


96 A: “Il-kundanna tagħhom hi ġusta.” (3:8). 

B: “Dawn ħaqqhom il-kundanna.”

A hi littera; hu misterjuż għala l-kliem, sempliċi anke fil-Grieg, hu mibdul f’B. 


97 A: “Xiex mela?” (3:9). 

B: “Xi ngħidu mela?”

Għal darb’ oħra nsibu żieda ta’ idea f’B, “ngħidu,” meta setgħet tiġi frankata faċilment. L-istess Rumani 11:7. Dan hu dettall, veru, iżda traduttur hu obbligat jimmira għal traduzzjoni fidila kull meta u kull fejn jista’.


98 A: “għax diġà ddenunzjajna” (3:9). 

B: “Ġa wrejna”.

F’B gar, “għax,” hi eliminata bla raġuni. 

Aktar serja minn hekk, “wrejna” hi traduzzjoni fjakka għall-aħħar, u titlef għalkollox ix-xenarju “tal-qorti” li l-awtur qed juża f’dan il-pass. Il-verb użat, proētiasametha, ifisser “iddenunzjajna” jew “akkużajna minn qabel.” Difatti N tagħmilha “indicted.”


99 A: “taħt id-dnub” (3:9). 

B: “taħt il-ħakma tad-dnub.”

Insibu interpretazzjoni riġida f’B, meta setgħet tiġi evitata. L-awtur jista’ faċilment qed jalludi għall-qawwa, il-kundanna, il-firxa, il-prattika jew il-vizzju tad-dnub, mhux bilfors il-ħakma. Meta l-qarrej jaqra, “taħt il-ħakma tad-dnub,” hu inġustament limitat għal dik l-idea. Hawnhekk N tikkommetti żball simili bħal B.


100 A: “m’hemm ħadd min jifhem” (3:11).

B: “ħadd ma għandu moħħ biex jifhem”. 

B ittawwalha meta ouk estin ho suniōn, tradotta kważi litteralment f’A, jiftiehem faċilment.


101 A: “Gerżumithom qabar miftuħ” (3:13). 

B: “Ħalqhom bħal qabar miftuħ”.

Inkwantu B, qajla nsibu ġustifikazzjoni għall-bidla mill-ġerżuma (larunx) għall-ħalq (stoma), u minn metafora għal tixbiha. N taqra “Their throats are wide-open graves.”


102 A: “bl-ilsna tagħhom jingannaw” (3:13). 

B: “b’ilsienhom iqarrqu”.

Is-singular hu maqlub fil-plural f’B, meta ma nilmħu ebda raġuni valida. N għandha “tongues.”


103 A: “maledizzjoni” (3:14).

B: “saħtiet”.

Għal darb’ oħra, f’B insibu kambjament għall-plural bla ħtieġa. N taqlibha bħala “cursing.”


104 A: “Saqajhom” (3:15).

B: “riġlejhom”. 

Il-kelma podes tfisser “saqajhom.” Sieq hi “foot;” riġel hu “leg” – differenti! N difatti taqra “feet.” L-istess jgħodd għar-Rumani 10:15 u 16:20. 


105 A: “rovina u miżerja hemm fi triqathom” (3:16).

B: “kull fejn imorru ma jħallux għajr ħerba u qerda”. 

Apparti t-traduzzjoni ħielsa f’B, il-kelma għal “miżerja,” talaipōria, qatt ma tfisser “qerda.”


106 A: “M’hemmx biża’ t’Alla quddiem għajnejhom.” (3:18).

B: “quddiem għajnejhom biża’ ta’ Alla m’hemmx.” 

Vers 18 hu klawsola waħda fil-Grieg, sempliċi immensament; A hi traduzzjoni littera tagħha. F’B ittieħdet deċiżjoni biex tingħad b’mod qajla naturali għall-Malti, għax normalment il-Malti ma jħallix il-verb għall-aħħar nett tas-sentenza.


107 A: “sabiex kull fomm jingħalaq” (3:19). 

B: “sabiex kulħadd jagħlaq ħalqu”.

A hi littera u sabiħa, bħall-Grieg eżattament; B biddlet il-kliem bla raġuni. 


108 A: “d-dinja kollha tinżamm responsabbli” (3:19).

B: “d-dinja kollha tidher ħatja”.

Il-kelma hupodikos tfisser “answerable; accountable.”


109 A: “mhu se jkun ġustifikat” (3:20). 

B: “ma hu ġġustifikat”. 

B qalbet it-temp tal-verb bla raġuni. 


110 A: “għal dawk kollha li jemmnu” (3:22). 

B: “lil dawk li jemmnu”. 

Diffiċli nifhmu għala “kollha” hi nieqsa f’B meta tinsab fit-test, pantas.


111 A: “għax m’hemmx distinzjoni” (3:22). 

B: “bla ma jagħżel bejniethom.”

A hi littera u tiftiehem; m’hemmx bżonn tkun tradotta bħal f’B. L-istess jgħodd għar-Rumani 10:12.


112 A: “għax kollha dinbu” (3:23). 

B: “Il-bnedmin kollha dinbu”.

Il-konġuzjoni gar, “għax,” hi eliminata, u konsengwentement il-linja tal-argument hi wisq inqas ċara. 

Jerġa’, “Il-bnedmin” mhix fit-test Grieg; hu evidenti, anke bil-Malti, li r-referenza hi għall-bnedmin.


113 A: “jonqsu mill-glorja t’Alla” (3:23). 

B: “ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla”.

F’B “ċċaħħdu” għal husterountai mhijiex korretta; f’N insibu “lack.”


114 A: “u huma ġustifikati” (3:24). 

B: “għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati”.

Stramba kif fi nħawi oħra, fejn il-Grieg għandu l-kelma “għalhekk,” hi eliminata f’B, imbagħad fejn ma teżistix fil-Grieg hi miżjuda, bħal hawnhekk. 

Ukoll, “issa” hi miżjuda. 


115 A: “huma ġustifikati b’xejn bil-grazzja tiegħu” (3:24). 

B: “huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh”.

B hi traduzzjoni żmerċa hawnhekk. Bil-Malti, “minn rajh” tfisser “volontarjament; bla mhu mġiegħel,” mentri l-kelma dōrean tfisser “b’xejn; bħala għotja; bla ħlas; gratis.” Dan hu nuqqas serju, speċjalment f’pass hekk teoloġiku, b’implikazzjonijiet tremendi. 


116 A: “li Alla preżentah pubblikament” (3:25). 

B: “Lilu Alla qiegħdu”.

B hi simplistika wisq bħala traduzzjoni. N tagħmilha “appointed him.”


117 A: “bħala propizjazzjoni b’demmu, milqugħa permezz tal-fidi” (3:25).

B: “sagrifiċċju ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan għamlu bis-saħħa ta’ demmu.”

B tevita l-kelma teoloġikament importanti hilastērion, “propizjazzjoni,” imfissra fi glossa fi traduzzjoni A. 

Bħala parafrażi hi mtawla u probabbilment ma kienx hemm bżonnha.


118 A: “minħabba” (3:25).

B: “waqt li”.

M’hemm ebda raġuni għala s-sens tal-konġuzjoni dia ġiet mibdula f’B. Fil-Grieg qatt ma tfisser “waqt li.”


119 A: “t-tħollija tad-dnubiet” (3:25). 

B: “għalaq għajnejh għad-dnubiet”.

B hi parafrażi bla bżonn. 


120 A: “ħalli jkun ġust” (3:26). 

B: “ħalli juri li hu ġust”. 

Arbitrarjament B żżid il-verb “juri,” li ma jirrifetti ebda kelma fit-test Grieg. 


121 A: “Fejn hu mela l-ftaħir?” (3:27).

B: “Biex, mela, jista’ wieħed jiftaħar?”

A hi traduzzjoni littera u tiftiehem; qajla nistgħu nifhmu l-ħtieġa li jinbidel is-sens, kif sar f’B. 


122 A: “Hu eskluż.” (3:27). 

B: “Ma hemmx biex.” 

B issimplifikat u allura tilfet il-lingwaġġ figurattiv tal-awtur. 


123 A: “Permezz ta’ liema liġi? Tal-opri? Le, iżda bil-liġi tal-fidi.” (3:27).

B: “U bis-saħħa ta’ liema liġi? Tal-opri? Le, iżda bis-saħħa tal-liġi tal-fidi.”

Darbtejn f’dan il-vers hi miżjuda l-frażi “bis-saħħa” meta setgħet faċilment tkun evitata. L-istess fir-Rumani 5:10. 


124 A: “Jew Alla hu Alla tal-Lhud biss?” (3:29). 

B: “Forsi Alla hu Alla tal-Lhud biss?” 

B biddlet is-sens tal-partiċella “Jew” (ē) għal “Forsi” (tacha).


125 A: “Iva, tal-Ġentili wkoll” (3:29). 

B: “Iva, tal-pagani wkoll”. 

Ġentili hi traduzzjoni wisq aħjar; N għandha “gentiles.” Ethnōn tfisser il-ġnus tad-dinja apparti l-Lhud. In-nom “pagani” għandu konnotazzjonijiet ta’ nies politeistiċi, mhux Insara, mhux ċivilizzati, jew mhux imdawla. L-istess jgħodd f’diversi vrus fir-Rumani 11.


126 A: “ladarba tabilħaqq Alla hu wieħed” (3:30). 

B: “Alla hu wieħed”. 

L-argument tal-appostlu nħeba bl-eliminazzjoni tal-konġuzjoni eiper, “ladarba,” f’B. 


127 A: “Alla hu wieħed, li se jiġġustifika” (3:30). 

B: “Alla hu wieħed, u hu l-istess wieħed li jiġġustifika”. 

Ma kien hemm ebda lok f’B biex tiżdied frażi sħiħa arbitrarjament. 

Innota wkoll il-bidla fit-temp tal-verb, minn “se jiġġustifika” għal “jiġġustifika.”


128 A: “se jiġġustifika ċ-ċirkonċiżi bil-fidi” (3:30). 

B: “jiġġustifika permezz tal-fidi l-Lhudi ċirkonċiż”. 

F’B għandna tawtoloġija, bħal meta tgħid, “għażeb mhux miżżewweġ.” Iċ-ċirkonċiżi hi referenza għal-Lhud li, appuntu għax huma Lhud, bilfors huma ċirkonċiżi!. L-istess żball hu ripetut fir-Rumani 4:9,12, kif ukoll f’15:8.


129 A: “dawk mhux ċirkonċiżi” (3:30). 

B: “l-pagan mhux ċirkonċiż”. 

Tawtoloġija oħra f’B. 

Jerġa’, il-plural hu mibdul fis-singular bla raġuni. 

Oġġezzjoni oħra hi din: f’vers 29-30 l-awtur jinqeda b’żewġ kelmiet totalment differenti, ethnōn u akrobusian: “Ġentili” u “mhux ċirkonċiżi.” B tittraduċihom it-tnejn bl-istess kelma “pagan” meta dan seta’ faċilment jiġi evitat, kif jidher f’A.


130 A: “Mela ninnullifikaw” (3:31).

B: “B’daqshekk qegħdin inġibu fix-xejn”. 

Il-konġuzjoni oun, “Mela,” hi mibdula bla raġuni f’B. 


131 A: “nistabilixxu l-liġi.” (3:31). 

B: “qegħdin inwettqu l-Liġi.”

Il-verb histēmi (nistabilixxu f’A) għandu diversità ta’ tifsiriet; hawnhekk hu fis-sens ta’ “nistabilixxu” jew “nikkonfermaw” (cf., Rum.10:3). Qatt u qatt ma jfisser “inwettqu.”


132 A: “Għax jekk” (4:2). 

B: “Li kieku”. 

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” hi eliminata f’B; l-inklużjoni tagħha tgħin fl-argument u hi naturali wkoll bil-Malti.

 

133 A: “xi tgħid l-Iskrittura? ‘U Abraħam...’” (4:3). 

B: “xi tgħid l-Iskrittura? Tgħid li ‘Abraħam...’”. 

B żżid “Tgħid li.” Il-qarrej jassumi li l-awtur irrepeta ruħu f’dan il-vers, meta mhuwiex il-fatt.


134 A: “mhux kreditat lilu bħala favur” (4:4). 

B: “ma jingħaddlux bi pjaċir”. 

Il-frażi kata charin hi litteralment “skont grazzja.” A tqarreb wisq aktar lejn dan il-ħsieb. 


135 A: “jiġġustifika lill-empji” (4:5). 

B: “jiġġustifika lil min hu ħażin”. 

Hemm diversità ta’ kliem fil-Grieg li jesprimi ħażen: it-traduzzjoni A tipprova turi din ir-rikkezza lingwistika. Bil-ħsieb biex tkun sempliċi, B titlef din id-diversità fil-vokabularju Grieg. 

Jerġa’, wieħed jinnota qlib mill-plural għas-singular bla bżonn, meta l-plural hu wisq aktar naturali, kif inhu fil-Grieg.


136 A: “jitkellem dwar il-barka” (4:6). 

B: “jgħid kemm hu hieni”. 

A hi traduzzjoni iżjed eżatta, meta mqabbla mat-test Grieg. 


137 A: “Dil-barka, mela, tinsab fuq iċ-ċirkonċiżi biss...?” (4:9). 

B: “Din it-thennija tiswa biss għal-Lhud ċirkonċiżi...?”

Hawnhekk iż-żewġ verżjonijiet bil-Malti ħassew il-bżonn ta’ kliem addizzjonali biex is-sens jasal lill-qarrej. F’A hu indikat bil-korsiv, u allura l-qarrej jintebaħ mill-ewwel li l-kelmiet “tinsab” u “biss” huma inklużi għas-sens, mhux b’kapriċċ; l-awtur sagru attwalment ma nqeda b’ebda kelma ekwivalenti. B tħalli lill-qarrej fil-għama. Wieħed jirrealizza kemm il-korsiv hu vantaġġ kbir. B inkludiet il-kelma “tiswa.” Il-qarrej ta’ B jassumi li l-appostlu Pawlu hekk kiteb, mentri mhu hekk xejn. 


138 A: “Il-fidi kienet kreditata ’l Abraħam għall-ġustifikazzjoni tiegħu” (4:9). 

B: “Il-fidi kienet magħduda lil Abraħam b’ġustizzja”.

Il-frażi eis dikaiosunēn litteralment hi “b’ġustizzja.” Inkonsistentement B, fejn regolarment tilgħab u tillapazza bit-test Grieg, għal xi raġuni stramba, hawnhekk u fir-Rumani 4:22 tħalliha littera, bl-iżvantaġġ kbir illi bil-Malti tagħti impressjoni totalment żbaljata. Il-qarrej jaħseb illi l-fidi kienet magħduda lil Abraħam għax ħaqqu, mentri l-appostlu qed jargumenta illi permezz tal-fidi Abraħam kien magħdud bħala ġust quddiem Alla. A tipprova tiżvolġi dan is-sens korrett. 


139 A: “Kif mela kienet kreditata lilu?” (4:10). 

B: “Meta kien magħdud lilu dan?” 

F’B oun, “mela,” hi eliminata. 

Il-partiċella interrogattiva, pōs, “Kif,” inbidlet f’“Meta” f’B meta l-kelma Griega qatt ma tfisser “Meta.” 

F’B “dan” hi miżjuda. 


140 A: “U rċieva s-sinjal” (4:11). 

B: “Imbagħad irċieva s-sinjal”. 

Il-partiċella kai ma tfissirx biss “u,” iżda qatt u qatt ma tfisser “imbagħad.” Għal “imbagħad” hemm kelmiet differenti bħal eita u epeita. 


141 A: “għalkemm mhux ċirkonċiżi” (4:11). 

B: “u ma jkunux ċirkonċiżi”.

Il-prepożizzjoni dia għandha diversità wiesa’ ta’ tifsiriet fil-Grieg, fosthom “għalkemm,” kif tidher f’A. B’kuntrast, b’mod arbitrarju B tittraduċiha “u,” li ċertament qatt m’għandha din it-tifsira. 


142 A: “li kellu jkun il-werriet tad-dinja” (4:13). 

B: “li jirtu d-dinja”.

Fit-traduzzjoni B in-nom klēronomon, “werriet,” inqaleb f’verb, “jirtu,” totalment bla bżonn. U minn suġġett fis-singular B tagħmlu plural. 


143 A: “Għax jekk il-werrieta huma l-aderenti tal-liġi, il-fidi tbattlet u l-wegħda hi nnullifikata” (4:14). 

B: “Għax li kieku fil-wirt kellhom jidħlu dawk biss li jgħixu bil-Liġi, il-fidi kienet tisfa fix-xejn u l-wegħda ma kienet tkun tiswa xejn.” 

A hi traduzzjoni li turi fedelment il-konċiżjoni u l-ġmiel tal-oriġinal, mentri B hi mneffħa bla bżonn.


144 A: “għax il-liġi ġġib ir-rabja” (4:15). 

B: “Imma l-Liġi korla ġġib magħha”. 

Il-kelma “magħha” hi żejda f’B. 


145 A: “imma fejn m’hemmx liġi” (4:15). 

B: “għax fejn ma hemmx liġi”. 

Il-partiċella avversattiva de fil-Grieg għandha kemm-il tifsira, iżda qatt ma tfisser “għax,” kif tradotta f’B. 


146 A: “Minħabba f’hekk hi mill-fidi” (4:16). 

B: “Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi”. 

It-traduzzjoni B hi interpretattiva wisq. A turi, bl-użu tal-korsiv, illi hemm erba’ kelmiet fl-oriġinal, u hekk hu: dia touto ek pisteōs.


147 A: “sabiex tkun skont il-grazzja” (4:16). 

B: “biex tkun mogħtija bħala grazzja”. 

A hi littera u tiftiehem, tliet kelmiet għal tliet kelmiet fl-oriġinal, hina kata charin; B hi interpretattiva. 


148 A: “ħalli l-wegħda tkun garantita għan-nisel kollu tiegħu” (4:16). 

B: “u hekk tibqa’ sħiħa għal uliedu kollha”. 

F’A in-nom għal spermati, “nisel,” hu aktar preċiż minn “uliedu.” N taqra “descendents.”


149 A: “għal dawk tal-liġi” (4:16). 

B: “dawk li jgħixu bil-Liġi”. 

A hi fidila għat-test Grieg, u tinstema’ naturali bil-Malti. Għal darb’ oħra hemm interpretazzjoni riġida f’B li setgħet tkun evitata. 


150 A: “għal dawk li huma tal-fidi t’Abraħam” (4:16). 

B: “dawk li jgħixu bil-fidi ta’ Abraham”. 

Il-Grieg jaqra, tō ek pisteōs Abraam. Għal darb’ oħra naraw id-differenza bejn traduzzjoni stretta (A) u interpretazzjoni bla bżonn (B). 


151 A: “Missier ta’ ħafna ġnus għamiltek” (4:17). 

B: “Jiena nagħmel minnek missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus”. 

Fil-Grieg hemm ħames kelmiet sempliċi, xejn kumplikat. F’B hemm disa’ kelmiet, apparti milli tibdel it-temp tal-verb. 


152 A: “Bit-tama, kontra kull tama, emmen” (4:18). 

B: “Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen”. 

Għal darb’ oħra naraw it-tneffiħ, mid-dehra arbitrarju, f’B. 


153 A: “ħalli jsir missier ħafna ġnus” (4:18). 

B: “u hekk sar misier ta’ kotra kbira ta’ ġnus”. 

F’B naraw bidla bla bżonn fit-temp tal-verb. B tittraduċi “kotra kbira,” meta l-Grieg għandu l-kelma sempliċi pollōn, “ħafna.” L-istess jingħad għar-Rumani 4:17.

 

154 A: “bla ma ddgħajjef fil-fidi” (4:19).

B: “U ma naqasx fil-fidi tiegħu”. 

Il-verb asthenēsas ifisser “ddgħajjef”; f’B inħass il-bżonn jinbidel, meta fil-Malti joqgħod perfettament. 

Ħaġa oħra: “tiegħu” hi miżjuda meta hu ċar li hi l-fidi t’Abraħam. 


155 A: “kkonsidra” (4:19). 

B: “ġieb quddiem għajnejh”. 

Il-verb katenoēsen ifisser “qies” jew “ikkonsidra.” F’B hu maqlub fi frażi li tista’ tfisser “immaġina” jew “stħajjel,” xi ħaġa differenti minn “ikkonsidra.”


156 A: “billi kellu madwar mitt sena” (4:19). 

B: “għax kien għoddu laħaq il-mitt sena”. 

It-test Grieg mhuwiex komplikat, kif jidher f’A; B ittawwalha. L-għan ta’ traduzzjoni mhijiex opra letterarja sabiħa u impressjonanti, iżda biex is-sens tal-messaġġ jgħaddi effettivament lill-qarrej jew semmiegħ, kemm jista’ jkun bla ma jkun mibdul.


157 A: “ma qagħadx indeċiż bl-inkredulità” (4:20). 

B: “ma qagħadx italla’ u jniżżel jekk jemminx jew le”. 

B tuża idjoma Maltija meta ma kellhiex għalfejn. 

Jerġa’, is-sens ta’ tē apistia, “bl-inkredulità,” hu mibdul f’B. 


158 A: “kien imsaħħaħ fil-fidi” (4:20). 

B: “ssaħħaħ fil-fidi”. 

B taqleb il-verb enedunamōthē mill-passiv għall-attiv; hu żball, aktar u aktar meta l-pass hu wieħed teoloġiku. Pawlu qed jgħallem li Alla saħħaħ lil Abraħam fil-fidi, u mhux illi Abraħam saħħaħ il-fidi tiegħu nnifsu.


159 A: “ta glorja ’l Alla” (4:20).

B: “gglorifika lil Alla”. 

Il-kelmiet “ta glorja” huma traduzzjoni ta’ verb u nom, dous doxan, u bil-Malti huma naturali. F’B “gglorifika” għandha l-istess sens, iva, imma wieħed jistaqsi xi bżonn kien hemm biex tiddevja mill-kliem ispirat tal-Bibbja. 


160 A: “kien persważ kompletament” (4:21). 

B: “żamm bis-sħiħ”. 

B mhijiex ċara meta faċilment setgħet tkun. Wieħed qajla jifhem għala ddaħħal il-verb “żamm” hawnhekk meta l-istess verb “iżomm” hu wżat fl-aħħar tal-istess vers għal verb li jfisser sempliċement “għamel.”


161 A: “wiegħed” (4:21). 

B: “għamillu l-wegħda”. 

Għal darb’ oħra, sempliċi verb li jiftiehem, epēngeltai, bħal f’A, inbidel f’B, avolja s-sens hu l-istess. 


162 A: “kien kapaċi wkoll jagħmlu.” (4:21). 

B: “kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.” 

F’B “biżżejjed” hi superfluwa, u mhix meħtieġa għas-sens. 

Punt ieħor: kai, “wkoll,” hi mħollija barra f’B. 


163 A: “għall-offiżi tagħna” (4:25). 

B: “għal dnubietna”. 

B qajla tagħmel sforz biex turi r-rikkezzi tal-vokabularju li bih kiteb l-appostlu Pawlu. Ara wkoll Rumani 5:20.


164 A: “Mela, ladarba aħna ġustifikati” (5:1). 

B: “Issa li aħna ġġustifikati”.

Il-konġuzjoni oun, “Mela,” tant importanti fl-argument, hi mibdula għal “Issa” f’B. 


165 A: “li permezz tiegħu wkoll” (5:2).

B: “permezz tiegħu”. 

F’B kai, “wkoll,” hi eliminata meta tinsab fil-Grieg u hi naturali anke fil-Malti, għax l-awtur, f’vers 2, isemmi barka oħra li tirriżulta mill-ġustifikazzjoni. 


166 A: “u neżultaw fit-tama tal-glorja t’Alla.” (5:2). 

B: “Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.”

B hi interpretattiva fil-frażi “li għad niksbu l-glorja.” Forsi Pawlu, bil-frażi “tal-glorja” jrid ifisser, “li għad naraw il-glorja,” jew, “li għad ingawdu l-glorja.” B, bl-interpretazzjoni waħdanija tagħha, inkluża fit-test, tagħti l-impressjoni li dik hi l-idea, u teskludi kull idea oħra. Kustjoni ewlenija, biex issir traduzzjoni tal-iprem kwalità, hi din: x’kiteb attwalment l-awtur, mhux x’taħseb jew x’timmaġina li ried ifisser l-awtur.


167 A: “u l-perseveranza, il-karattru provat” (5:4). 

B: “is-sabar irawwem il-ħila”.

Il-kelma hupomonē tfisser “perseveranza,” mhux “sabar.” 

Ukoll, “irawwem” hi żejda. 

Finalment, “ħila” f’B, minflok “karattru provat” hi fjakka. Difatti N tagħmilha “tested character.”


168 A: “t-tama ma tiddiżappuntaniex” (5:5). 

B: “din it-tama ma tqarraqx bina”.

Il-pronom dimostrattiv “din” hu żejjed. Il-verb “tqarraqx” għal kataischunei mhuwiex preċiż; hemm kelma differenti fil-Grieg li tfisser “qarraq” (planaō). 


169 A: “Għax waqt li konna għadna dgħajfin” (5:6). 

B: “Mela, meta aħna konna bla saħħa”.

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” hi mibdula bla ebda raġuni valida, l-istess bħal fil-bidu tar-Rumani 5:10.


170 A: “Kristu fi żmien propizju miet għall-empji.” (5:6). 

B: “Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena.”

Konvenjentement il-korsiv f’A jindika x’inhu miżjud minħabba s-sens; B tħallik fl-għama. 

Għal darb’ oħra B ċċekken il-vokabularju rikk tal-epistola: “empji” hi tradotta “ħżiena,” l-istess bħal sinonimi oħra. 


171 A: “imut għal bniedem ġust” (5:7). 

B: “imut għal wieħed tajjeb”. 

L-aġġettiv dikaiou jfisser “ġust” u mhux “tajjeb.” Hemm differenza. 


172 A: “għal bniedem tajjeb” (5:7).

B: “għal wieħed ġeneruż.” 

Normalment l-aġġettiv agathou jfisser “tajjeb.” M’hemm ebda raġuni għala jmissha tinbidel it-tifsira.


173 A: “forsi jissogra” (5:7). 

B: “għandu mnejn jagħmel il-qalb”. 

F’A “forsi jissogra” jirriflettu kelmtejn tacha...tolma, u huma preċiżi. 

B tuża l-idjoma “jagħmel il-qalb” meta m’hemm ebda sejħa għal dan.


174 A: “Alla jesibixxi l-imħabba” (5:8). 

B: “Alla wriena l-imħabba”. 

Il-verbi “jesibixxi” jew “jiddimostra” huma aktar preċiżi. B tibdel it-temp preżenti għall-passat; dan it-tbagħbis iħalli riperkussjonijiet teoloġiċi. Skont A, traduzzjoni korretta, Alla preżentement qed jurina mħabbtu (bil-mewt ta’ Ibnu fil-passat); skont B, l-imħabba t’Alla hi fil-passat, u ma tħalliniex naħsbu li tibqa’ tgħodd għalina llum. Biex inkunu fer, partijiet oħra tal-Iskrittura jassigurawna li mħabbet Alla tgħodd u hi offrut għal kull ġenerazzjoni. Il-punt hu dan: jekk it-temp tal-verb jista’ jinżamm faċilment fit-traduzzjoni, żommu!


175 A: “Mela, billi issa ninsabu ġustifikati b’demmu” (5:9). 

B: “Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu”. 

Il-konġuzjoni oun, “Mela,” hi eliminata f’B; hi importanti għall-binja tal-argument. 


176 A: “se nkunu salvati” (5:9).

B: “insalvaw”.

A tirrifletti t-temp Grieg, futur passiv, sōthēsometha, ċoè turi li hu Alla li jsalva lilna, u mhux aħna lilna nfusna; B bidlet it-temp bla ħtieġa. 


177 A: “għadna għedewwa” (5:10).

B: “għadna għedewwa”. 

Il-vantaġġ tal-korsiv jidher hawn u fi nħawi innumerabbli oħra. 


178 A: “konna rrikonċiljati m’Alla” (5:10).

B: “tħabbibna miegħu”.

A hi lessikalment aktar preċiża; il-verb, hawnhekk katēllagēmen, hu teoloġikament importanti fil-Patt il-Ġdid u m’għandux ikun moħbi. N insibulha “reconciled.”


179 A: “billi issa ninsabu rrikonċiljati” (5:10). 

B: “issa, li aħna ħbieb miegħu”.

L-idea ta’ tiswija fir-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem hi nieqsa f’B. Tkun ħabib ma’ xi ħadd u tkun irrestawrat jew rikonċiljat miegħu mhumiex l-istess. B kultant ma tirrispettax it-termini teoloġiċi rikki misjuba tul il-Patt il-Ġdid kollu. N taqlibha bħala “reconciled.”


180 A: “rċevejna r-rikonċiljazzjoni.” (5:11).

B: “ksibna din il-ħbiberija.”

F’B “din” hi superfluwa. 

Il-verb “ksibna” jfisser “ottenejna” jew “akkwistajna,” mentri l-verb hu elabomen, li jfisser “rċevejna.” 

F’B “ħbiberija” hi traduzzjoni wisq inferjuri għal katallagēn, “rikonċiljazzjoni.” N taqra “reconciliation.” Il-Grieg għandu kelma totalment differenti għal “ħbiberija” (philia, li tintuża biss f’Ġakbu 4:4 fil-Patt il-Ġdid kollu). 


181 A: “il-mewt għaddiet” (5:12).

B: “il-mewt laħqet”. 

Skont il-lessiku Grieg, “għaddiet” hi aktar preċiża minn “laħqet” għall-verb diēlthen. 


182 A: “għax sal-liġi d-dnub kien fid-dinja” (5:13). 

B: “Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja”. 

A hi strettament littera u tiftiehem sewwa (seba’ kelmiet b’tipa normali fil-Malti għal seba’ kelmiet fil-Grieg); B fiha ideat barranin għat-test Grieg, kif wieħed jintebaħ meta jqabbilha ma’ A.


183 A: “ma dinbux” (5:14).

B: “ma waqgħux fid-dnub”.

B ittawwalha bla bżonn; hamartēsantas sempliċement ifissru “ma dinbux.” 


184 A: “fix-xebh tat-trasgressjoni t’Adam” (5:14). 

B: “fid-dnub li fih kien waqa’ Adam”.

B’mod stramb, B sikwit ittawwalha meta m’hemmx bżonn, u f’każijiet bħal dan t’hawn, tissimplifika hekk li tnaqqas mill-kontentut u r-rikkezza tal-kitba ispirata. 

Punt ieħor: il-Grieg għandu diversi sinonimi għal “dnub.” A tipprova turihom, bħal hawnhekk bil-kelma “trasgressjoni,” mentri B siwkit tinqeda bil-kelma “dnub” biex tkopri kemm-il nom differenti. 


185 A: “li hu tip” (5:14).

B: “li kien xbieha”.

In-nom “tip” hu tradizzjoni aktar preċiża għal tupos; għall-kelma “xbieha” l-Grieg juża nomi oħra (eż., eikōn u charagma), mhux in-nom użat hawn.


186 A: “mhuwiex bħall-offiża” (5:15).

B: “mhuwiex bħall-ħtija”. 

In-nom paraptōma jfisser “offiża,” “trasgressjoni” jew “dnub.” Qatt ma jfisser “ħtija,” kif tidher darbtejn f’B f’vers 15. N għandha “offence.”


187 A: “il-ħafna mietu” (5:15).

B: “mietet il-kotra”.

Bil-Malti “kotra” tfisser “massa” jew “ġemgħa.” Huwa misterjuż għala ntużat dil-kelma, darbtejn f’dan il-vers, meta l-aġġettiv pronominali hoi polloi jfisser “il-ħafna” jew “bosta.” N insibulha “many” darbtejn. 

Apparti minn hekk, f’B il-kuntrast tal-appostlu bejn il-wieħed u l-ħafna jiċċajpar. 


188 A: “kotru għall-ħafna.” (5:15). 

B: “xterdu bil-bosta fuq il-kotra.” 

Il-verb eperisseusen ifisser “kotru” jew “żdiedu”; “xterdu” hi anomala.


189 A: “U l-għotja t’Alla mhijiex bħar-riżultat li ġie permezz ta’ dak il-wieħed li dineb” (5:16). 

B: “U d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb”.

Il-qarrej ta’ B jassumi illi “frott” hi kelma li tirrifletti kelma Griega, kif kitibha oriġinarjament l-appostlu. A toffrilek distinzjoni kontinwa bejn kliem miżjud bilfors minħabba s-sens u kliem li attwalment għandu kliem korrispondenti fit-test sagru. 


190 A: “l-ġudizzju rriżulta minn offiża waħda għall-kundanna” (5:16). 

B: “il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed wassal sal-kundanna”.

Każ ieħor bħal dak preċedenti. L-implimentazzjoni tal-korsiv, kif adottat f’A, jgħin immensament fl-interpretazzjoni korretta. 


191 A: “tal-wieħed” (5:17). 

B: “ta’ wieħed waħdu.” 

F’A “tal-wieħed” tittraduċi “tou henos,” darbtejn f’dan il-vers. F’B “waħdu” hi żejda. Jekk it-traduzzjoni tiftiehem mingħajr kliem miżjud, m’għandux jintuża, speċjalment jekk ma jkunx indikat fil-korsiv. 


192 A: “bħalma permezz t’offiża waħda” (5:18). 

B: “kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu”. 

A hi aktar preċiża fit-traduzzjoni ta’ paraptōmatos. N tagħmilha “offence.”


193 A: “il-ħafna kienu magħmulin midinbin” (5:19). 

B: “il-ħafna saru midinbin”. 

Aktar kmieni (v.15) “il-ħafna” f’B kienet tradotta “il-kotra” u issa l-istess kelmtejn, hoi polloi, fl-istess kuntest hi tradotta (darbtejn) kif imissha tkun, “il-ħafna.” Din hi inkonsistenza li tiżgwida għalxejn b’xejn lill-qarrej. 

Jerġa’, il-verb katestathēan hu fil-passiv, kif jidher f’A, “kienu magħmulin.” Fil-verżjoni B, “saru midinbin,” dan ma jidhirx, meta seta’ faċilment ikun muri. 


194 A: “se jkunu magħmulin ġusti.” (5:19). 

B: “jsiru ġusti.” 

Il-verb katastathēsontai hu fil-futur u fil-passiv, kif jidher f’A. B’kuntrast, B tieħu libertà għalxejn b’xejn: taqilbu fil-preżent u fl-attiv. 


195 A: “hekk ukoll il-grazzja” (5:21). 

B: “hekk issa l-grazzja”. 

B tibdel kai, “wkoll,” bla raġuni, u tagħmilha “issa.”


196 A: “kif se nkomplu ngħixu fih iżjed?” (6:2). 

B: “kif nistgħu ngħixu fih?”

Il-futur hu mitluf f’B, u l-kelma “iżjed” hi nieqsa bla raġuni. 

Aktar minn hekk “nistgħu” hi wkoll arbitrarja. 


197 A: “Jew ma tafux” (6:3).

B: “Ma tafux”. 

“Jew” hi eliminata f’B meta setgħet leċitament tinżamm. 


198 A: “Mela konna midfunin” (6:4). 

B: “Indfinna”.

Il-konġuzjoni oun, “Mela,” importanti fil-binja tal-argument, hi eliminata f’B. 


199 A: “permezz tal-glorja tal-Missier” (6:4). 

B: “permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier”.

L-introduzzjoni ta’ idea barranija, “qawwa,” iġġiegħel lill-qarrej jaħseb li Pawlu hekk kiteb, mentri fil-fatt kiteb dia tēs doxē tou patros, kif jidher f’A, traduzzjoni littera. Dan hu żvantaġġ flok vantaġġ, għax l-qarrej, b’B quddiemu, hu limitat għal dik l-interpretazzjoni, li tista’ tkun korretta jew inkorretta. L-aħjar, it-traduzzjoni tkun tirrifletti t-test Grieg, u tħalli l-qarrej, bi studju u riflessjoni, jasal għall-konklużjoni tiegħu. Inċidentalment N hawn taqbel ma’ B u tikkommetti l-istess żball. 


200 A: “hekk ukoll aħna nimxu fit-tiġdid tal-ħajja.” (6:4). 

B: “hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.” 

Regolarment naraw fissazzjoni f’B biex tibdel it-test, imqar jekk it-test jiftiehem. 

F’B “ukoll” hi eliminata. 

Flok ma nżammet il-metafora sabiħa, “nimxu,” inbidlet għal “ngħixu.” Tabilħaqq, bażikament il-metafora hekk tfisser; ma nifhmux, però, għala nħass il-bżonn tinħeba hawn biex imbagħad tidher fi bnadi oħra (Ef.4:1; 5:2; eċċ.). 

Il-frażi “ħajja ġdida” hi inferjuri għal dak li kiteb l-appostlu Pawlu, kainotēti zōes, “tiġdid tal-ħajja,” tant sabiħa u adatta. L-argument hu illi “tiġdid tal-ħajja” attwalment tfisser “ħajja ġdida.” Imma l-oġġezzjoni hi din: għala tinterpreta flok tittraduċi? Iż-żewġ dixxiplini huma distinti minn xulxin. Nammettu, kultant l-interpretazzjoni hi inevitabbli, meta t-traduttur isibu ruħu dahru mal-ħajt, frattant fejn tista’ tiġi evitata, tant l-aħjar!


201 A: “Għax jekk sirna uniti miegħu” (6:5). 

B: “Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu”. 

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” hi eliminata, u “aħna” hi miżjuda f’B. 

Ukoll, “uniti” hi aħjar, kif tixhed N, “joined.”


202 A: “fix-xebh tal-mewt tiegħu” (6:5). 

B: “f’mewt tixbah lil tiegħu”.

Wieħed qajla jara raġuni għala traduzzjoni littera (A) m’għandhiex tkun preferuta minn traduzzjoni ħielsa (B)! It-traduttur modern qajla jista’ jimmiljora dak li attwalment kiteb l-appostlu Pawlu.


203 A: “hekk ukoll se nkunu uniti miegħu fix-xebh tar-resurrezzjoni tiegħu” (6:5). 

B: “hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt.”

Innota kemm tabilħaqq jgħin il-korsiv f’A; b’kuntrast, B tagħtik l-impressjoni illi “ningħaqdu miegħu” hi parti mill-kitba ispirata tal-appostlu.


204 A: “ma nitjassrux iżjed” (6:6).

B: “ma nkunux aktar ilsiera”.

B biddlet il-verb “nitjassrux” għan-nom ekwivalenti, bla bżonn, għax A, traduzzjoni formali, tiftiehem sewwa.


205 A: “għax min miet hu lliberat mid-dnub.” (6:7). 

B: “Min imut, jeħles mid-dnub.”

Il-konġuzjoni gar, “għax,” hi eliminata f’B, meta hi importanti, għax hawn l-awtur jagħti raġuni għalli kiteb qabel f’vers 6. 

Jerġa’, żewġ verbi fil-passat huma mibdula fil-preżent f’B. Il-mistoqsija dejjem tidwi: “Għaliex?”


206 A: “istmaw lilkom infuskom” (6:11).

B: “għandkom tqisu lilkom infuskom”. 

L-imperattiv (kmand), kif jidher f’A, hu mibdul b’obbligu jew dmir f’B. 


207 A: “isaltan fil-ġisem mortali tagħkom ħalli tobdu l-leblibiet ħżiena tiegħu” (6:12). 

B: “isaltan fuq dan il-ġisem tagħkom li jmut u toqogħdu għall-ġibdiet tiegħu”.

It-traduzzjoni tal-verb hupakouō, “tobdu,” hi ċara; hekk ifsser, mingħajr diffikultà. B ittraduċietu “toqogħdu” biex b’hekk daħħlet ambigwità meta setgħet tkun evitata faċilment. Għax “toqogħdu” bil-Malti tista’ tfisser “tissottomettu,” mentri għal din l-idea ta’ sottomissjoni l-Grieg għandu kelmiet oħra (eż., hupotassō). 


208 A: “lanqas tippreżentaw il-membri tagħkom” (6:13). 

B: “anqas ma għandkom tħallu l-membri ta’ ġisimkom”.

Il-verb paristanete, tradott “tippreżentaw,” għandu diversi tifsiriet, iżda m’għandux it-tifsira “tħallu,” kif jidher f’B. F’dan il-kuntest “tħallu” fil-Malti tfisser “tagħtu permess,” li mhuwiex proprjament dak li qed jgħallem l-appostlu. 

Ħaġa oħra: “tagħkom” saret “ta’ ġisimkom” f’B (darbtejn, u darba f’v.14), mingħajr ma kien hemm għalfejn tkun iċċarata. 


209 A: “bħala strumenti tal-inġustizzja” (6:13). 

B: “isiru għodda biex tagħmlu l-ħażen”.

Għal darb’ oħra, id-diversi kelmiet fil-Grieg biex jiddeskrivu d-dnub huma ġeneralment tradotti b’vokabularju wisq ifqar f’B. 

Ukoll, “strumenti,” għal hopla, hi aħjar minn “għodda.” Difatti N għandha “instruments” hawn, darbtejn.


210 A: “għad-dnub” (6:13). 

B: “għas-servizz tad-dnub”. 

B twessa’ l-ħsieb bla ġustifikazzjoni stretta. 


211 A: “iżda ppreżentaw lilkom infuskom” (6:13). 

B: “imma offru ruħkom”. 

L-istess verb f’dan il-vers, “ppreżentaw” hu tradott differenti f’B: l-ewwel “tħallu” u issa “offru.” Traduzzjoni arbitrarja bħal din tfixkel lill-qarrej u ma tħallihx jara x’hemm miktub fit-test Grieg. Veru, traduzzjoni hi dejjem traduzzjoni, iżda għandu almenu jsir kull sforz biex l-oriġinal jinqaleb kemm jista’ jkun fedelment, bla laxkezza fil-vokubularju magħżul.


212 A: “bħala ħajjin mill-imwiet” (6:13). 

B: “bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja”.

F’B naraw twessigħ bla bżonn għal erba’ kelmiet, hōsei ek nekrōn zōntas, tradotti b’erba’ kelmiet f’A. Fi traduzzjoni fidila, jekk il-frażi jew sentenza hi kompatta fl-oriġinal għandha (kemm jista’ jkun) tibqa’ kompatta.


213 A: “u offru l-membri tagħkom bħala strumenti ta’ ġustizzja lil Alla” (6:13). 

B: “ħalli l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu t-tajjeb għas-servizz ta’ Alla għall-ġustizzja tagħkom.” 

Il-partiċella kai, “u,” nbidlet f’“ħalli” f’B. 

Jerġa’, “ta’ ġustizzja lil Alla” (dikaiosunēs tō theō; kelma minnhom hi l-artiklu quddiem in-nom, “Alla”) hi tradotta fi ħdax-il kelma f’B. It-tali parafrażi żgur m’hemmx bżonnha. 


214 A: “Għax id-dnub mhux se jiddomina fuqkom” (6:14). 

B: “Għax lilkom id-dnub ma għandux jaħkimkom”. 

B qalbet il-frażi minn wegħda (kif tidher f’A) għal obbligu! N taqra l-istess sens bħal A.


215 A: “m’intomx taħt il-liġi” (6:14).

B: “m’intomx tgħixu taħt il-Liġi”. 

Kif tidher f’A, “taħt il-liġi” hi frażi normali bil-Malti. B interpretatha, “tgħixu taħt il-Liġi,” iżda dan mhux għaqli. Forsi Pawlu ried ifisser “taħt id-dominju tal-liġi,” jew, “taħt il-kundanna tal-liġi,” jew anke, “taħt is-sorveljanza tal-liġi.” Il-qarrej ta’ B hu ristrett għal idea waħda, “tgħixu,” u ma jibqagħlux lok għal interpretazzjoni, għax it-traduzzjoni diġà tathielu, tajba jew ħażina.


216 A: “Xiex mela?” (6:15).

B: “X’nagħmlu, mela?”

B iddaħħal verb, “nagħmlu,” meta m’għandhiex għalfejn.


217 A: “li twassal għall-ġustizzja?” (6:16).

B: “li twassal għall-ġustifikazzjoni?”

F’A dikaiosunēn, “ġustizzja,” hi t-traduzzjoni korretta: hawnhekk tirreferi għall-għejxien ġust quddiem Alla. B apparentement tħallat dikaiosunē (ġustizzja, eċċ.) ma’ dikaiōsis (ġustifikazzjoni). Forsi ġiet tradotta b’mod gravament inkorrett biex tixhed għat-teoloġija żbaljata tal-Kattoliċeżmu Ruman, illi l-qdusija tagħna tirriżulta biex Alla jiġġustifikana, ċoè jqisna bħala ġusti, flok tħaddan it-teoloġija Pawlina illi Alla jiddikjara lil kull min jemmen f’Ġesù bħala ġust, bil-merti tas-Salvatur, u mhux bl-ubbidjenza tal-fidil. N ukoll tixhed preġudizzju favur it-teoloġija Kattolika Rumana, billi rrendietha, “which leads to saving justice.”


218 A: “dik il-forma ta’ tagħlim” (6:17). 

B: “dik il-kwalità ta’ tagħlim”. 

In-nom tupon, “forma”, sempliċement qatt ma tfisser “kwalità.” It-traduzzjoni f’B hi arbitrarja. N tagħmilha “pattern.”


219 A: “li għaliha kontu kommessi” (6:17). 

B: “li ngħatalkom biex timxu fuqu”. 

Il-frażi “biex timxu fuqu” f’B hi żieda bla bżonn. Bħala parafrażi setgħet ġiet evitata.


220 A: “u kontu lliberati mid-dnub” (6:18).

B: “infdejtu minn taħt id-dnub”. 

A hi traduzzjoni littera u tiftiehem faċilment. B tibdel il-verb b’mod arbitrarju, minn “kontu lliberati” għal “infdejtu.” Huma ideat relatati, iva, iżda ż-żewġ verbi huma totalment differenti fil-lingwa Griega, eleutheroō u lutroō. Għaliex tuża wieħed minflok l-ieħor meta m’hemm ebda neċessità? 

Ukoll, “taħt” hi miżjuda bla ħtieġa. 


221 A: “Nitkellem b’lingwaġġ uman” (6:19). 

B: “Qiegħed nitkellem magħkom ta’ bnedmin li aħna”.

B hi aktar parafrażi milli traduzzjoni.


222 A: “bħalma darba ppreżentajtu l-membri tagħkom bħala lsiera” (6:19).

B: “Bħalma l-membri ta’ ġisimkom kontu jassartuhom”.

Pawlu juża l-istess verb, “ppreżentajtu,” bħal f’vers 13 u 16, kif tixhed b’konsistenza t-traduzzjoni A. Issa, sorpriża oħra, fejn fil-versi preċendenti traduċiet l-istess verb bħala “tħallu” u “offru,” B issa tittraduċi (darbtejn f’dan il-vers) l-istess verb bħala “jassartuhom” għax għaqqditu ma’ nom (lsiera) fit-test! Fejn huma l-limiti? X’regoli qed jintużaw? X’linji gwida hemm? Qisu l-moħħ soġġettiv tat-tradutturi qed jiddetta hu, minflok il-kliem ispirat tal-appostlu.


223 A: “għall-impurità u għall-illegalità li twassal għal aktar illegalità” (6:19). 

B: “għaż-żina u l-ħażen”.

B’awtorità arbitrarja B fettlilha tħalli barra frażi ta’ tliet kelmiet, eis tēn anomian, “għal aktar illegalità,” kif jidher fedelment f’A. Difatti N insibulha “which results in more lawlessness.” 

Jerġa’, tidher ukoll il-faqar fit-traduzzjoni B: it-terminoloġija għad-dnub hi diversa, iżda regolarment qed tidher il-kelma “ħażen.” B’kuntrast, A ttraduċiet litteralment bil-kelma “illegalità.” 


224 A: “ppreżentaw il-membri tagħkom” (6:19).

B: “dawn l-istess membri jassruhom”. 

F’B “l-istess” hi miżjuda bla raġuni u bla neċessità.

Jerġa’, “ppreżentaw” (traduzzjoni littera) u “jassruhom” m’għandhomx l-istess tifsira. 


225 A: “li twassal għall-qdusija” (6:19). 

B: “biex tkunu qaddisin”. 

A hi littera u tiftiehem faċilment. Il-verżjoni B tqanqal problema, għax il-fidili kollha huma attwalment magħrufa bħala “qaddisin” (eż., Ef.1:1; Fil.4:21-22; Kol.1:2; 3:12), u frattant hawnhekk qed jingħad biex isiru “qaddisin.” Kif kitibha Pawlu hi wisq aħjar! N għandha “sanctification.”


226 A: “kontu liberi mill-kontroll tal-ġustizzja.” (6:20).

B: “kontu ħielsa f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja.”

B ma tiddistingwix liema kelmiet jirriflettu t-test Grieg u liema le, u allura tillimita l-qarrej għal dik il-verżjoni partikolari. B’kuntrast, il-qarrej ta’ A jaf illi l-kelma “kontroll” hi miżjuda biex joħroġ is-sens, iżda “kontroll” tista’ attwalment tkun sostitwita b’xi kelma oħra li taqbel mal-kuntest.


227 A: “issa tistħu minnhom?” (6:21). 

B: “issa qegħdin iħammrulkom wiċċkom?”

Intużat idjoma f’B, li tista’ tkun mifhuma diversament, meta l-verb sempliċi epaischunesthe jfisser “tistħu” kif jidher f’A.


228 A: “u tinsabu mjassrin għal Alla” (6:22). 

B: “u sirtu lsiera ta’ Alla”.

Preferibbilment fi traduzzjoni tal-Iskrittura Mqaddsa (li hi ispirata f’kull kelma tagħha), verb għandu jkun tradott bħala verb (kif jidher f’A), u nom bħala nom, eċċ., dejjem sakemm hu lingwistikament permissibbli. Bla ebda neċessità B regolarment ma tosservawx din ir-regola sempliċi. N taqra “bound.”


229 A: “għandkom il-frott tagħkom” (6:22). 

B: “qegħdin taħsdu għalikom frott”. 

Il-verb sempliċi echete, “għandkom,” hu sostitwit bil-verb “taħsdu” (bil-Grieg therizō) bla ebda raġuni.


230 A: “imma d-don b’xejn t’Alla hu” (6:23). 

B: “imma d-don li tana Alla huwa”.

B regolarment iddeffes ideat li mhumiex fit-test: hawnhekk il-verb “tana” hu barrani.


231 A: “tkun imsejħa adultera” (7:3).

B: “tkun adultera”.

Il-verb chrēmatisei, “imsejħa,” hu eliminat f’B meta seta’ jinżamm faċilment, u s-sens jibqa’ naturali. N tagħmilha “would be termed.”


232 A: “hi libera mil-liġi” (7:3).

B: “hi tkun ħielsa minn dik il-liġi”.

Mhuwiex għaqli f’B żżid il-pronom “dik” meta mhuwiex fit-test Grieg.

Aktar minn hekk, l-awtur qed jagħmel transizzjoni minn liġi partikolari għal-liġi in ġenerali. Iż-żieda ta’ “dik,” b’referenza għal-liġi waħda taż-żwieġ, ittellef mill-għan tal-awtur.


233 A: “Allura, ħuti” (7:4).

B: “Hekk intom, l-aħwa”.

A hi littera; B biddlet il-kliem u s-sens bla ma tidher is-sejħa għal dan.


234 A: “issiru ta’ ħaddieħor, ta’ dak irxoxtat” (7:4). 

B: “tkunu ta’ ħaddieħor, jiġifieri, ta’ dak li kien imqajjem”.

F’B “jiġifieri” hi żejda. Mingħajrha l-Malti jiftiehem perfettament.


235 A: “nipproduċu l-frott” (7:4). 

B: “nagħmlu l-frott”.

A hi traduzzjoni aktar littera u korretta; l-istess fir-Rumani 7:5.


236 A: “Għax meta konna fil-laħam” (7:5).

B: “Sakemm konna fil-ġisem”.

Tkun “fil-laħam” ifisser, fost ħwejjeġ oħra, tkun mingħajr il-grazzja, mingħajr relazzjoni ħajja m’Alla permezz ta’ Ġesù. Dan l-użu speċjali tal-kelma sarx jidher aħjar bl-użu tal-kelma “laħam” aktarx milli bil-kelma “ġisem.” Dan jgħodd għal kapitlu 7 kollu. (Għal aktar tagħrif dwar sarx, ara “It-Traduttur lill-Qarrej, fi Il-Patt il-Ġdid, p.xvii,xviii).


237 A: “il-passjonijiet midinba” (7:5).

B: “il-ġibdiet tad-dnub”.

In-nom “passjonijiet” għal pathēmata hu traduzzjoni superjuri. N tittraduċi litteralment ukoll, “the sinful passions.”


238 A: “imqanqla permezz tal-liġi, kienu joperaw fil-membri tagħna” (7:5).

B: “kienu jaħkmu fina permezz tal-liġi fil-membri tal-ġisem tagħna”.

Il-verb “joperaw” hu traduzzjoni aktar preċiża minn “jaħkmu.” N taqlibha bħala “were working.” 

Punt ieħor: “tal-ġisem,” f’B, hi miżjuda, meta hu dubjuż kienx hemm bżonn diż-żieda. 


239 A: “biex hekk aħna naqdu fit-tiġdid tal-Ispirtu u mhux fil-qedem tal-ittra.” (7:6). 

B: “biex issa nservu skont il-ħajja l-ġdida tal-Ispirtu u mhux aktar skont l-ittra l-qadima.”

F’B “hekk” hi mibdula għal “issa.” 

Mill-bqija nosserva illi A hi littera u tiftiehem, mentri B ma akkwistat xejn filli biddlet il-lingwaġġ tal-appostlu. 


240 A: “ma kontx insir nafu d-dnub ħlief permezz tal-liġi” (7:7). 

B: “ma kontx inkun naf x’inhu d-dnub, kieku ma kinitx il-Liġi”.

A hi littera u tiftiehem tajjeb; bħas-soltu, B tħossha libera biex tintroduċi bidliet, anke jekk ċkejknin, imqar meta m’hemm ebda sejħa evidenti għall-kambjamenti.


241 A: “ma kontx inkun naf x’jiġifieri realment ir-regħba ħlief bil-liġi, li qalet, ‘Tirgħibx’” (7:7). 

B: “ma kontx inkun naf x’inhuma x-xewqat ħżiena kieku l-Liġi ma qaltlix: ‘Ma jkollokx xewqat ħżiena’.”

B inqdiet bil-frażi “x-xewqat ħżiena” meta n-nom epithumian hu fis-singular. 

Jerġa’, it-traduzzjoni preċiża tan-nom hu “regħba.” (“Tirgħibx” hu l-forma verbali tal-istess nom). N tittraduċi “Tirgħibx,” hekk: “You are not to covet.”


242 A: “Imma d-dnub, billi jieħu l-opportunità” (7:8). 

B: “Id-dnub ħa l-okkażjoni”.

Il-konġuzjoni de, “Imma,” avolja importanti għall-argument, hi eliminata f’B. 


243 A: “għax apparti l-liġi” (7:8). 

B: “Mingħajr il-Liġi”.

Konġuzjonijiet importanti għall-argument, f’dan il-każ gar, “għax,” huma sikwit eliminati.


244 A: “id-dnub hu mejjet.” (7:8). 

B: “id-dnub kien ikun ħaġa mejta.”

F’B ma naraw ebda raġuni għala tikkomplika meta l-Grieg, bħall-Malti, hu tant sempliċi. Xhieda ta’ dan hemm N, avolja hi traduzzjoni libera wisq aktar minn B: “sin is dead.”


245 A: “id-dnub ħa l-ħajja” (7:9). 

B: “d-dnub ħa r-ruħ.”

Il-verb anezēsen, “ħa l-ħajja,” hu derivat minn nom zōē, li jfisser “ħajja.” Apparti minn dan, B hi żbaljata, għax meta ngħidu “tieħu r-ruħ,” jiġifieri “stejqer” jew “mar għall-aħjar,” li mhi xejn it-tifsira tal-verb Grieg. N insibulha “sin came to life.”


246 A: “ħa l-ħajja, u jien mitt” (7:9). 

B: “ħa r-ruħ. Jien mitt”. 

Hu inspjegabbli kif B tibda sentenza ġdida meta A turi wisq aħjar kif inhu l-Grieg. 


247 A: “li hu intenzjonat għall-ħajja, dan attwalment ġie provat għalija li kien għall-mewt” (7:10).

B: “li kien maħsub biex iġib il-ħajja, spiċċa biex ġiebli l-mewt.”

Il-Grieg mhuwiex faċli hawn (kif jidher mill-korsiv f’A), iżda A hi wisq eqreb għas-sens oriġinali. 


248 A: “Allura l-liġi hi qaddisa” (7:12).

B: “Il-liġi hi qaddisa”.

Ħafna traduzzjonijiet moderni, maħduma bil-prinċipju tal-Ekwivalenza Dinamika, bħalma huma B u N, donnhom għandhom fissazzjoni biex jeliminaw jew jibdlu konġuzjoni u partiċelli kif ifettlilhom. Hawnhekk hōste, “Allura,” hi nieqsa. L-awtur kien ilu jibni argument biex iwieġeb id-domanda tiegħu stess jekk il-liġi hix ħażina (v.7). Dam jagħti evidenza illi mhuwiex (minn vers 7 sa 11), u issa jasal għall-konklużjoni. Bl-eliminazzjoni ta’ “Allura” l-qarrej jibqa’ mitluf jew almenu żgwidat. Imqar N taqra “So then.”


249 A: “d-dnub, sabiex ikun muri bħala dnub” (7:13).

B: “d-dnub, biex jurini li hu dnub”.

A hi aktar littera u preċiża, senzaltru. N għandha “sin, in order to be identified as sin.


250 A: “id-dnub isir eċċessivament midneb.” (7:13).

B: “id-dnub jurini sa fejn jasal il-ħażen tad-dnub.”

A hi littera u tiftiehem; B hi parafrażi, bla ma wieħed jara l-bżonn tagħha.


251 A: “imma jien tal-laħam, mibjugħ bħala skjav taħt id-dnub” (7:14). 

B: “imma jien tad-demm u l-laħam mibjugħ lid-dnub.” 

Qabbel iż-żewġ verżjonijiet u tintebaħ kif it-tnejn jagħmlu sens, b’Malti jiftiehem. Frattant A hi prattikament traduzzjoni littera. 


252 A: “anzi nagħmel dak li nobgħod.” (7:15).

B: “iżda dak li ma rridx.”

B biddlet is-sens kompletament. Imqar N tixhed kontriha: “but I do things that I hate.”


253 A: “jekk jien nagħmel dak li ma rridx” (7:20). 

B: “Jekk jien nagħmel sewwasew dak li ma rridx.”

Il-kelma “sewwasew” hi żejda u totalment ma tgħinx fis-sens; hi żieda arbitrarja. 


254 A: “mhux iżjed jien li nagħmlu” (7:20). 

B: “mhux jien mela qiegħed nagħmlu”.

B tibdel ouketi, “iżjed,” għal “mela” mingħajr l-awtorizzazzjoni tat-test Grieg!


255 A: “illi l-ħażin jinsab preżenti miegħi” (7:21).

B: “ifeġġ quddiemi l-ħażin.”

Bil-Malti “ifeġġ” tfisser “deher; ġie fid-dieher; deher f’daqqa.” Ċertament dan mhuwiex is-sens tal-verb parakeitai. N tagħmilha “evil is close at my side.”


256 A: “naqbel bil-ferħ mal-liġi” (7:22).

B: “togħġobni l-liġi”.

A tagħti t-tifsira lessikali tal-verb mentri B tibdel il-verb bla raġuni. 


257 A: “li qiegħda fil-membri tiegħi.” (7:23).

B: “li hemm ġo ġismi.” 

A hi littera u naturali anke fil-Malti; B tissostitwixxi nom għal ieħor bla bżonn.


258 A: “għal dawk fi Kristu Ġesù” (8:1).

B: “għal dawk li jgħixu fl-għaqda ma’ Kristu Ġesù.” 

Il-prepożizzjoni “fi” hi traduzzjoni sempliċi u oġġettiva ta’ prepożizzjoni Griega waħda, en. B sikwit tittraduċiha, “fi,” iżda hawnhekk, għal xi raġunni misterjuża, għamlet parafrażi (li mhijiex teoloġikament korretta!). N taqra “to those who are in Christ Jesus.


259 A: “tal-Ispirtu tal-ħajja” (8:2). 

B: “tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja”.

Naraw żieda arbitrarja f’B, bħalma tagħmel ukoll N. Il-Malti jiftiehem tajjeb f’A, avolja hi traduzzjoni littera ta’ tou pneumatos tēs zōēs. 


260 A: “filli kienet imdgħajfa mil-laħam” (8:3).

B: “għax kienet bla saħħa minħabba l-ġisem”.

Matul din is-sezzjoni kollha, minn 8:2-12 (ħlief vers 11, fejn il-kelma hi sōma u tfisser “ġisem”), “laħam” (sarx) hi traduzzjoni superjuri minn “ġisem.” “Laħam” tittraduċi kelma teoloġika, użata speċjalment mill-appostlu Pawlu, b’konnotazzjonijiet differenti. Fosthom tiddeskrivi l-qagħda mwaqqa’ tal-bniedem fid-dnub, bħal f’dan il-vers. (Għal aktar tagħrif dwar sarx, ara “It-Traduttur lill-Qarrej, fi Il-Patt il-Ġdid, p.xvii,xviii).


261 A: “li ma nimxux skont il-laħam iżda skont l-Ispirtu.” (8:4). 

B: “li ngħixu, imma skont l-Ispirtu u mhux skont il-ġisem.”

A hi traduzzjoni littera u mexxejja. B, bla spjegazzjoni, għamlet gabirjola.


262 A: “Għax dawk li jgħixu skont il-laħam” (8:5).

B: “Dawk li jgħixu skont il-ġisem”.

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” hi eliminata f’B.


263 A: “Għax il-moħħ tal-laħam hu mewt” (8:6).

B: “Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt”.

A hi littera u mhux diffiċli tiftiehem; B hi parafrażi. L-istess il-bqija tal-vers.


264 A: “għax il-moħħ tal-laħam hu ostili għal Alla” (8:7). 

B: “Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla”.

Il-prepożizzjoni dioti tfisser bażikament “għax” jew “għalhekk.” Hawnhekk, però, “għax” toqgħod wisq aħjar għall-argument, kif jixhdu bosta traduzzjonijiet bl-Ingliż. 

Punt ieħor: in-nom fis-singular echthra, “ostili,” hi superjuri għan-nom fil-plural, “għedewwa,” bħalma turi wkoll N, “opposed.”


265 A: “għax mhux sottomess għal-liġi t’Alla” (8:7). 

B: “ma joqgħodx għal-liġi ta’ Alla”.

F’A “sottomess” hi traduzzjoni aktar preċiża minn “joqgħod,” li tista’ tiftiehem diversament. N difatti taqra “submit.”


266 A: “m’intomx fil-laħam” (8:9). 

B: “ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem”.

Għal darb’ oħra l-prepożizzjoni en, “fi,” tant importanti u li jħobb juża l-appostlu Pawlu, tiġi interpretata soġġettivament f’B. Allura tarresta lill-qarrej għal dik l-interpretazzjoni (li tista’ tkun inkorretta), bla ma tħallih jikkonsidra possibbiltajiet oħra. 


267 A: “Imma jekk Kristu hu fikom” (8:10). 

B: “Jekk Kristu jgħammar fikom”.

A hi traduzzjoni littera u tiftiehem faċilment; B m’għandha ebda raġun tibdel il-kliem fi traduzzjoni ta’ frażi sempliċi. Difatti N insibulha “Christ is in you.”


268 A: “l-ispirtu hu ħaj minħabba l-ġustizzja” (8:10).

B: “l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja.” 

Mit-test Grieg ma nistgħux niddeterminaw “spirtu” hux referenza għall-ispirtu uman jew għall-Ispirtu s-Santu. Il-kuntest, però, jirrekjiedi illi jkun tradott bħal A, kif difatti wkoll tagħmel N, “the spirit is alive.”


269 A: “għad jagħti wkoll il-ħajja lill-iġsma mortali tagħkom permezz tal-Ispirtu tiegħu” (8:11). 

B: “iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu”.

F’B, in-nom “iġsma” hu mibdul għas-singular, “ġisem,” arbitrarjament u saħansitra kontra r-raġuni, għax fl-aħħar mill-aħħar Pawlu qed jirreferi għall-iġsma ta’ bosta nies. 

Żball ieħor li seta’ ġie evitat hu “mejjet” minflok “mortali.” Hemm differenza! Difatti N tagħmilha “your own mortal bodies.”


270 A: “jekk bl-Ispirtu qed toqtlu l-prattiċi ħżiena tal-ġisem, għad tgħixu.” (8:13). 

B: “jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.”

Il-verb “toqtlu” f’A hu traduzzjoni littera; “tmewtu” f’B ma tfissirx strettament “toqtlu.” 

Innota wkoll il-bidla fit-temp tal-verb, minn “għad tgħixu” (futur) għal “tgħixu” (preżent). 


271 A: “spirtu ta’ jasar ħalli terġgħu tibżgħu” (8:15). 

B: “l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’”.

A hi traduzzjoni sempliċi: turi kelma b’kelma x’hemm fit-test Grieg. B hi parafrażi bla bżonn: tispjega ħwejjeġ li m’għandhomx għalfejn ikunu spjegati (almenu mhux fit-traduzzjoni nfisha). 


272 A: “l-Ispirtu tal-adozzjoni” (8:15).

B: “l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi”. 

F’B, il-kelmtejn pneuma huiothesias, ħadu seba’ kelmiet bil-Malti, għax introduċiet ideat barranin. N taqra “the spirit of adoption.”


273 A: “L-Ispirtu nnifsu” (8:16). 

B: “Dan l-Ispirtu”.

Kliem sempliċi, auto to pneuma, hu mibdul f’B meta seta’ faċilment inżamm, kif tixhed ukoll N, “the Spirit himself.”


274 A: “tfal t’Alla” (8:16).

B: “wlied Alla.”

A hi aktar preċiża (hawn u f’versi 17 u 21); kultant il-mifdija huma deskritti bħala “tfal” (eż., Ef.5:8) u kultant bħala “wlied” Alla (eż., Rum.8:14,19); hu għaqli tinżamm id-distinzjoni.


275 A: “Għax nikkonsidra li s-sofferenzi taż-żmien preżenti” (8:18).

B: “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa”.

F’B, “Għax” (gar) u “żmien” (kairou) huma eliminati, avolja jidhru fil-Grieg. 

Il-verb “nikkonsidra” hu traduzzjoni littera; minfloku f’B naqraw “għadni persważ,” traduzzjoni bla bażi fil-Grieg. N taqlibha bħala “In my estimation,” li hi traduzzjoni maħlula, iva, iżda xxaqleb wisq aktar lejn A. 


276 A: “Għax ix-xenqa ħerqana tal-ħolqien qed tistenna bil-ħeġġa” (8:19). 

B: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana”.

A hi aktar preċiża, bħal N, “creation.” Il-kelma magħżula turi illi mhux biss il-ħlejjaq iżda l-ħolqien kollu qed jistenna. Difatti l-istess kelma ktisis, “ħolqien,” hi ripetuta f’vers 20 u 21. B tittraduċi “ħolqien” f’vers 20 biss. 


277 A: “Għax il-ħolqien kien issuġġettat għall-futilità, mhux voluntarjament, iżda minħabba dak li ssuġġettah” (8:20). 

B: “għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha”. 

L-istess verb, “issuġġetta,” jidher darbtejn f’A u fit-test Grieg; f’B dal-fatt hu moħbi, u l-verb u tradott differenti, f’sensi differenti!


278 A: “u miġjub għal-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla.” (8:21). 

B: “u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.” 

F’B “jiksbu” hi miżjuda minħabba s-sens, iżda l-qarrej tagħha ma jintebaħx b’dan; f’A hi indikat bil-korsiv. N għandha “brought.”


279 A: “saħansitra aħna nfusna nokorbu” (8:23).

B: “aħna wkoll nitniehdu fina nfusna”.

A hi sempliċement aktar preċiża u fidila, jekk tqabbel iż-żewġ verżjonijiet mat-test Grieg.


280 A: “Għax f’din it-tama aħna salvati, imma tama li taraha mhijiex tama” (8:24).

B: “Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama”.

Innota ż-żewġ konġuzjonijiet, “Għax” u “imma,” nieqsa f’B.

It-traduzzjoni ħielsa ta’ B, b’libertà żejda, setgħet ġiet frankata.


281 A: “għax dak li xi ħadd jarah, għaliex jittama għalih?” (8:24). 

B: “għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra? 

A hi traduzzjoni fidila; B tibdel is-sens u l-kliem bla bżonn.


282 A: “dgħufija” (8:26).

B: “nuqqas ta’ ħila”.

In-nom astheneia jfisser sempliċement “dgħufija.” M’hemmx għalfejn tittraduċih f’sens ieħor; N infatti taqra “weakness.”


283 A: “għax ma nafux x’nitolbu kif meħtieġ” (8:26). 

B: “Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss”.

Flok in-negattiv sempliċi, kif jidher f’A u kif inhu fit-test Grieg, B tittraduċi arbitrarjament, “anqas biss.”


284 A: “l-Ispirtu nnifsu jinterċiedi għalina bi krib inesprimibbli” (8:26). 

B: “l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem”.

Veru, A hawnhekk għandha kelmtejn pjuttost tqal għal xi wħud. L-ewwel waħda hi “jinterċiedi,” iżda hi preċiża, kelma għal kelma, u hi spjegata fin-notamenti, bħala għajnuna għall-qarrej. B tippreferi “jidħol għalina bit-talb tiegħu” (ukoll f’versi 27 u 34) flok il-frażi aktar preċiża “jinterċiedi għalina.” 

It-tieni waħda, “inesprimibbli,” għal alalētois, hi preċiża, u mfissra wkoll fin-notamenti.


285 A: “u dak li jfittex il-qlub” (8:27). 

B: “u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub”.

Il-verb sempliċi eraunōn, “jfittex,” hu maqlub f’parafrażi bla bżonn, li mhux bilfors tolqot it-tifsira tiegħu. 


286 A: “l-għan tiegħu” (8:28).

B: “il-providenza tiegħu”.

In-nom prothesin ifisser “għan,” bħalma wkoll tittraduċi N, “purpose.” B hi teoloġikament falluta hawnhekk: l-appostlu evidentement qed jirreferi għall-pjan etern t’Alla (id-digriet), mhux kif attwalment u storikament jesegwih (il-providenza).


287 A: “jaħdem flimkien għall-ġid” (8:28).

B: “jaħdem id f’id għall-ġid”.

Il-kelmiet “jaħdem flimkien” jirrappreżentaw verb wieħed, sunergei, u ma tfisser xejn ħlief “jaħdem flimkien.” Wieħed jikkonfondi għala B ħasset il-bżonn illi flok “flimkien” tirrendiha b’espressjoni Maltija meta m’hemmx bżonnha. L-għan ta’ traduzzjoni hu, l-ewwel u qabel kollox, fedeltà għat-test Grieg, mhux lingwaġġ sabiħ u idjomatiku bil-Malti meta mhuwiex neċessarju.


288 A: “Għax lil min kien jafhom minn qabel” (8:29). 

B: “Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu”.

Il-verb fit-test hu proegnō. Il-prefiss Grieg pro jfisser regolarment “qabel” jew “minn qabel,” u qatt “mill-bidu.” Ukoll, tkun taf lil xi ħadd u tagħraf lil xi ħadd huma ideat differenti. 


289 A: “biex ikunu kkonformati mal-immaġni ta’ Ibnu” (8:29). 

B: “biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu”. 

Il-verb “kkonformati” hu preċiż u jnaqqas il-periklu li l-parafrażi (kif tidher f’B) tkun mifhuma ħażin.


290 A: “ħalli jkun hu l-primoġenitu fost ħafna aħwa” (8:29).

B: “ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa”.

A hi preċiża: in-nom “primoġenitu,” bħan-nom prōtotokon, ifisser litteralment “l-ewwel imwieled.” B provat tissimplifika, iżda r-riżultat hu ambigwu, għax wieħed jistaqsi, “kbir” f’liema sens?


291 A: “Hu li ma ffrankahiex lil Ibnu stess, anzi ċedieh għalina lkoll” (8:32). 

B: “Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll”.

A hi aktar rikka fil-vokabularja, hekk illi tqarreb wisq iżjed lejn it-test Grieg. N għandha “did not spare” u “gave him up” li bażikament għandhom l-istess tifsira ta’ A. 


292 A: “hu rxoxtat” (8:34). 

B: “qam mill-imwiet”.

F’A “hu rxoxtat” tipprova tixhed għall-verb passiv egertheis. Il-verb f’B, “qam,” hu fl-attiv; almenu B setgħat irrendiet il-verb bħala “tqajjem.” 

Il-frażi “mill-imwiet” hi miżjuda; ek nekrōn tidher bnadi oħra fil-Patt il-Ġdid (eż., At.17:31), iżda mhux hawn. Bħal A, N insibulha biss “was raised.


293 A: “tribulazzjoni” (8:35).

B: “taħbit”. 

In-nom “tribulazzjoni” hu traduzzjoni fidila u eżatta ta’ thlipsis; “taħbit” għandha tifsira differenti. M’hemm ebda raġuni għala tibdel it-tifsira lessikali ta’ kliem li ma joffri ebda diffikultà fit-traduzzjoni.

L-istess jgħodd għal “għaks” (A), b’kuntrast ma’ “ġuħ” (B); u “periklu” (A), b’kuntrast ma’ “tiġrib,” fl-istess vers. 


294 A: “Minħabba fik qed ninqatlu l-jum kollu” (8:36). 

B: “Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt”.

A hi traduzzjoni fidila; B iddaħħal l-idea barranija ta’ kundanna, u allura tagħti x’tifhem illi dawk li jinqatlu jiġrilhom hekk għax ikunu kkundannati għall-mewt, meta mhuwiex neċessarjament hekk. N tagħmilha “we are being massacred,” li għalkemm hi pjuttost ħielsa, tixhed illi A hi korretta.


295 A: “mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu” (8:39).

B: “mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu”.

F’B “dehret” tagħti l-impressjoni li warajha hemm kelma ekwivalenti fit-test Grieg, mentri mhuwiex il-każ. N ukoll tfettaħ hawn bil-frażi żejda, “known to us,” minflok, “li dehret.” Dan hu proprjament id-difett serju u gravi fi traduzzjoni b’ekwivalenza dinamika. It-tradutturi jistgħu jdeffsu ideat barranin skont kif jiddettalhom moħħhom. Traduttur wieħed jidhirlu mod, u traduttur ieħor jasal għal deċiżjoni differenti. 

B’kuntrast, traduzzjonijiet maħduma fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza dinamika jixxiebhu ferm, u kważi kważi jgħidu l-istess ħaġa konsistentement, għax huma marbuta bl-oriġinal, kelma b’kelma. Wieħed jista’ jikkonferma dan billi jqabbel A ma’ traduzzjonijiet formali bl-Ingliż, bħalma huma l-English Standard Version u n-New American Standard Bible, li probabbilment huma fost l-aħjar traduzzjonijiet bl-Ingliż għaż-żminijiet moderni. 


296 A: “Qed ngħid il-verità fi Kristu” (9:1).

B: “Ngħidilkom is-sewwa fi Kristu”.

F’B “sewwa” tista’ tfisser “dak li hu ġust.” Din l-ambigwità titneħħa meta tintuża l-kelma aktar preċiża, “verità” għal “Alētheian.” N għandha “truth.”


297 A: “għandi diqa kbira u għali kontinwu f’qalbi.” (9:2). 

B: “jien imnikket għall-aħħar, u dejjem qalbi maqsuma”.

A hi littera, mexxejja u sodisfaċenti ferm; B biddlet it-tifsira bla bżonn. N tittraduċi “diqa kbira” bħala “great sorrow,” u “għali kontinwu” bħala “unremitting agony.” 


298 A: “nkun misħut, maqtugħ mill-Kristu” (9:3). 

B: “maqtugħ minn Kristu”.

A tittraduċi anathema einai fedelment bħala, “nkun misħut,” u żżid “maqtugħ” fil-korsiv biex tagħti s-sens tat-test Grieg, mentri B telimina l-frażi. N tagħmilha “accursed, and cut off.”


299 A: “qrabati skont il-laħam” (9:3).

B: “nies ġensi skont il-ġisem”.

F’A “qrabati” hi littera u tiftiehem; it-traduttur m’għandux għalfejn imur lil hinn minnha.


300 A: “l-pattijiet, u l-għoti tal-liġi, u l-qima u l-wegħdi” (9:4).

B: “il-pattijiet u l-Liġi, il-liturġija u l-wegħdiet”.

Il-kelmiet “l-għoti tal-liġi” huma aktar preċiżi u jolqtu s-sens sħiħ tal-kelma waħda nomothesia. N taqlibha bħala “were given the Law.” 

Inkwantu “qima” f’A, in-nom hu latreia (cf., idolatrija = qima tal-idoli), li jista’ wkoll ifisser “servizz (lil Alla).” N insibulha “worship.” It-traduzzjoni “liturġija” hi inkorretta, għax “liturġija” jew “servizz (ta’ natura kultika jew ritwali) jirriflettu l-kelma leiturgia. 

F’B “wegħdiet” hi Malti inkorrett għax tagħti l-impressjoni li Alla ta għaxar wegħdiet jew inqas lil-Lhud. L-istess jgħodd għal 15:8. 


301 A: “minnhom hu l-Kristu skont il-laħam” (9:5).

B: “kien minnhom li, skont il-ġisem, ħareġ Kristu”. 

Il-qarrej ta’ B jassumi li “ħareġ” tirrifletti verb fit-test Grieg, meta mhuwiex il-każ. 


302 A: “imbierek għal dejjem” (9:5).

B: “mbierek għal dejjem ta’ dejjem.”

F’B “ta’ dejjem” hi miżjuda. N għandha “blessed for ever.” Hemm bnadi oħra fil-Patt il-Ġdid fejn insibu l-frażi sħiħa kif tidher f’B (eż., Gal.1:5; Ef.3:21, eċċ.), iżda mhux hawn. 


303 A: “Imma mhux bħallikieku falliet kelmet Alla.” (9:6).

B: “Mhux li l-wegħda ta’ Alla sfat fix-xejn”. 

F’A “kelmet Alla” hi aktar preċiża. Imqar kieku hu ċertissmu li f’dan il-kuntest tfisser “wegħda,” kif tidher f’B, it-traduttur imissu jħalliha “kelma” u jħalli lill-qarrej jiddeċiedi x’konnotazzjonijiet għandha. N hawn tinterpreta bħal B, għax tittraduċi “promise.”


304 A: “kollha mnisslin minn Iżrael huma Iżrael” (9:6). 

B: “kollha li huma mnissla minn Iżrael huma Iżraelin.”

Żewġ punti: A turi ċar illi “mnisslin” hi miżjuda għas-sens, u tinforma lill-qarrej li hi miżjuda permezz tal-korsiv; B m’għandhiex din il-konvenjenza. 

“Iżrael huma Iżrael” f’A tqarreb bħala traduzzjoni kważi littera (Israēl, houtoi Israēl litteralment tfisser “Iżrael, dawn Iżrael”). Però m’hemmx ħtieġa illi ssir “Iżrael huma Iżraelin” bħal f’B.


305 A: “għax huma dixxendenti tiegħu” (9:7). 

B: “huma min-nisel ta’ Abraħam”.

F’A “dixxendenti” hi aktar preċiża għal sperma; N tagħmilha “descendents.”


306 A: “iżda” (9:7).

B: “għax il-wegħda kienet din”.

Huwa totalment arbitrarju twarrab il-konġuzjoni “iżda” (all’) u flokha tagħmel frażi sħiħa, kif jidher f’B. Jekk traduttur għandu dan id-dritt jew obbligu, tradduttur ieħor jista’ joħroġ bi frażi pjuttost differenti. Jintilfu kull limiti.


307 A: “iżda t-tfal tal-wegħda huma stmati bħala nisel.” (9:8). 

B: “imma l-imwielda bis-saħħa tal-wegħda huma magħduda b’ulied Abraham.”

Hawn, bħal bnadi oħra, toħroġ id-differenza bejn traduzzjoni bl-ekwivalenza formali (A) u traduzzjoni bl-ekwivalenza dinamika (B). 


308 A: “se niġi” (9:9).

B: “nerġa’ niġi għandek”.

It-test Grieg hu kelma waħda, eleusomai, verb sempliċi fil-futur; B biddlitlu s-sens bla bżonn.


309 A: “meta kkonċepiet tewmin mill-istess raġel wieħed, Iżakk missierna” (9:10). 

B: “meta Rebekka kellha ż-żewġ uliedha minn Iżakk missierna.”

A tittraduċi fedelment bil-verb “kkonċepiet” mentri B tieħu libertajiet bla bżonn. N ukoll tieħu rajha f’idejha u tittraduċi “was pregnant.” Żewġ traduzzjonijiet bl-ekwivalenza dinamika (B u N) ħarġu b’żewġ ideat differenti; A laqtet il-musmar fuq rasu u traduċiet il-frażi idjomatika Griega skont is-sens strett tagħha: “ikkonċepiet.”


310 A: “għax għalkemm kienu għadhom ma twildux” (9:11).

B: “Kienu għadhom ma tweldux”.

Għaliex B tħalli l-konġuzjoni gar, “għax,” barra, meta tinsab fit-test Grieg, hu inspjegabbli.


311 A: “sabiex l-għan t’Alla skont l-għażla tiegħu jibqa’” (9:11). 

B: “biex il-pjan tal-għażla ta’ Alla jseħħ bis-saħħa ta’ Alla”.

Flok “jibqa’” (menē), kif jidher f’A, B għamlet parafrażi, “jseħħ bis-saħħa ta’ Alla.”


312 A: “se jaqdi” (9:12).

B: “iservi”.

Mhuwiex ċar għala B qalbet il-verb mit-temp futur għat-temp imperfett. N taqlibha bħala “will serve.”


313 A: “Jaqaw hemm l-inġustizzja m’Alla?” (9:14).

B: “Li Alla ma jagħmilx sewwa?”

Jekk in-nom adikia hawn ifisser definittivament “inġustizzja,” wieħed isibha diffiċli jifhem għala B qabdet triq għal rasha.


314 A: Hekk mela jiddependi mhux minn dak li jkun irid, lanqas minn dak li jiġri” (9:16).

B: “Mhux x’wieħed irid jew kemm jitħabat li jgħodd”.

A hi littera mentri B biddlet is-sens bla bżonn. 

Apparti minn hekk, “Hekk mela” (ara oun, bħala konklużjoni għall-argument) huma eliminati, askapitu illi l-messaġġ ma jasalx kif suppost. 


315 A: “Għax l-Iskrittura” (9:17). 

B: “L-Iskrittura”.

Il-konġuzjoni gar, “Għax,” hi eliminata f’B. L-awtur bih juri illi se jżid raġuni oħra; mingħajrha il-qarrej jitlef.


316 A: “Hekk mela jħenn għal min irid, imma ’l min irid iwebbsu” (9:18). 

B: “Hu jħenn għal min irid, u jwebbes il-qalb ta’ min irid.” 

“Hekk mela” (ara oun), importanti bħala konklużjoni għall-argument, hi mħollija barra f’B.

Lanqas kien hemm għalfejn iddaħħal l-idea ta’ “il-qalb,” bħalma wkoll tagħmel N, għax il-qarrej jaf illi Pawlu qed jirreferi għall-ġrajja ta’ Faragħun, meta Alla webbislu qalbu. 


317 A: “Għaliex mela għadu jsib ħtija fina?” (9:19). 

B: “Għaliex jibqa’ jċanfar?”

F’A “jsib ħtija” hi korretta (il-verb memphomai nsibuh ukoll fl-Ebr.8:8); għal “iċanfar” hemm verbi bħal epitimaō u oħrajn. N tinqeda bil-kelma “blame.”


318 A: “Għax min kapaċi jirreżisti r-rieda tiegħu?” (9:19). 

B: “Min jista’ jieqaf lir-rieda tiegħu?” 

F’A “jirreżisti” hi traduzzjoni speċifika u akkurata ta’ anthestēken. Il-verżjoni f’B tista’ tfisser ukoll “topponi,” u allura ddaħħal ambigwità meta tista’ tkun evitata. 


319 A: “Għall-kuntrarju, o bniedem, int min int biex tkun rispostuż m’Alla?” (9:20).

B: “Ja bniedem, int min int biex teħodha ma’ Alla?”

Għall-kuntrarju” (menounge) hi eliminata f’B. 

Il-kelma “rispostuż” hi traduzzjoni aktar speċifika u preċiża. Wieħed jista’ jeħodha ma’ ħaddieħor mhux biss bid-diskors iżda bl-azzjoni wkoll. N taqra “answer back.”


320 A: “Jaqaw il-ħaġa fformata se tgħid lil min ifformaha” (9:20). 

B: “Forsi l-fuħħar jeħodha kontra l-ħaddiem u jgħidlu”. 

In-nom “fformata” u l-verb “ifformaha” għandhom l-istess zokk morfemiku fil-Grieg (plasma u plasanti); għaliex mela nbidlu f’B? 

Jerġa’, in-nom żgur ma jfissirx “fuħħar” kif insibu f’B. 

Finalment, bil-kelma “Forsi” f’B il-qarrej jifhem illi hemm possibbiltà li jista’ jiġri hekk, mentri l-Grieg jippretendi tweġiba negattiva, kif juru n-notamenti ta’ A.


321 A: “mill-istess ċappa jagħmel reċipjent għal għan onorabbli u ieħor għall-użu diżonorabbli?” (9:21). 

B: “jagħmel mit-taħlita tat-tafal oġġett ta’ ġieħ jew oġġett ta’ għajb?”

B tagħti x’tifhem illi t-tafal kien imħallat ma’ xi materjal ieħor, meta mhuwiex il-każ. 

Kif tihder f’A, “reċipjent” hi aktar preċiża u toqgħod fil-kuntest, għalkemm hu minnu illi n-nom skeuos jista’ jfisser “oġġett.” Jerġa’, il-kelmiet “onorabbli” u “diżonorabbli” huma derivati mill-istess għerq fil-Grieg (timēn u atimian). Dan il-fatt seta’ ntwera f’B ukoll, ladarba l-Malti jippermetti.


322 A: “r-reċipjenti tar-rabja preparati għall-qirda” (9:22). 

B: “l-oġġetti tal-korla lesti għall-qerda”.

Il-verb “preparati” hu traduzzjoni superjuri f’A. L-istess verb hu wżat f’vers 23; difatti B did-darba tittraduċih bħala, “ħejja.”


323 A: “f’Ħosea” (9:25). 

B: “fil-Ktieb ta’ Hosegħa”.

A hi littera. Ma naħsibx illi kull darba li wieħed jikkwota awtur hemm bżonn nispeċifikaw li hu jieħu mill-ktieb tiegħu.


324 A: “Isaija jgħajjat rigward Iżrael” (9:27). 

B: “Isaija għolla leħnu u qal dwar Iżrael”.

It-temp tal-verb, preżent attiv, jista’ jinżamm u xorta l-Malti jinstema’ naturali; hekk għamlet A. Meta traduttur jista’ jaqleb kelma b’kelma oħra b’tifsira preċiża, m’għandux għalfejn jirrikorri għal kelmtejn, “għolla leħnu,” kif għamlet B. N taqra “cried out.”


325 A: “bħar-ramel” (9:27).

B: “daqs ir-ramel”.

A, bil-frażi, “bħar-ramel,” hi littera. Il-frażi “daqs ir-ramel” ma tissinifikax l-istess realtà. Forsi wieħed jipprotesta illi dawn huma rqaqat. Iva, imma huma l-irqaqat, miġbura flimkien, illi jqarrbu lejn il-perfezzjoni.


326 A: “il-fdal biss minnhom se jkun salvat” (9:27).

B: “il-fdal biss isalva”. 

Il-verb sōthēetai hu fil-futur u passiv, kif jidher f’A, “se jkun salvat.” N taqra “will be saved.” Pawlu jagħmilha ċara illi huma salvati minn ħaddieħor (voldiri, minn Alla nnifsu), mentri f’B dan ma jirriżultax.


327 A: “fuq l-art” (9:28).

B: “mad-dinja kollha.”

A hi aktar littera u tagħmel sens perfett. N insibulha “on the earth.”


328 A: “Illi l-Ġentili” (9:30).

B: “Ngħidu dan: li l-pagani”.

“Ngħidu dan” m’hemmx bżonnha u ma tidhirx fit-test Grieg. 

“Ġentili” hi aktar preċiża minn “pagani.” N tagħmilha “gentiles.”


329 A: “liġi ta’ ġustizzja” (9:31).

B: “l-Liġi li tieħu għall-ġustizzja”.

Iż-żieda f’parafrażi B mhux bilfors tispjega tajjeb x’ried ifisser l-awtur, allura inġustament qed torbot lill-qarrej. N tinterpreta bħal B hawnhekk: tittraduċi “saving justice by law-keeping.” Għal darb’ oħra ninnotaw illi traduzzjonijiet ħielsa, bħal B u N, joħorġu b’ideat diverġenti minn xulxin, għax ma jħossuhomx obbligati illi jżommu fil-qrib mat-test oriġinali. 


330 A: “ma jkunx diżappuntat.” (9:33).

B: “ma jitħawwadx.” 

F’dan il-kuntest il-verb kataischunthēsetai jfisser kif jidher f’A. Kif jidher f’B, “ma jitħawwadx” ifisser “ma jkunx konfuż,” idea totalment barranija għall-verb Grieg. N għandha “will not be brought to disgrace.” Ninnotaw il-preċiżjoni f’A, u ż-żewġ rendizzjonijiet differenti ta’ B u N, minħabba t-teorija żbaljata tat-traduzzjoni li ħaddnu.


331 A: “L-aħwa, xewqet qalbi u l-petizzjoni tiegħi lil Alla għalihom hi għas-salvazzjoni tagħhom.” (10:1).

B: “L-aħwa, nixtieq tassew minn qalbi nitlob quddiem Alla li niesi jsalvaw.”

A hi littera. L-awtur qed jiddikjara x’inhi xewqtu u l-fatt li qed jinterċiedi għal ġensu. B tagħti l-impressjoni illi l-awtur jixtieq jitlob, imma abbli ma jistax. 

Jerġa’, “lil Alla” hi aktar preċiża u naturali minn “quddiem Alla.” 

Finalment il-frażi, “li niesi,” m’għandha ebda bażi fit-test Grieg.


332 A: “iżda mhux skont it-tagħrif” (10:2). 

B: “iżda din mhijiex ħeġġa skont l-għerf veru”.

Ma niskopru ebda bżonn għala s-sempliċi nom epignōsin, li regolarment ifisser “tagħrif,” ġie tradott “għerf veru” f’B.


333 A: “u jfittxu jistabilixxu l-ġustizzja tagħhom stess” (10:3). 

B: “fittxew il-ġustizzja tagħhom”. 

Il-verb “jistabilixxu” (l-istess wieħed fir-Rumani 3:31) hu nieqes f’B, bla ġustifikazzjoni. N taqra “to establish.”


334 A: “Min se jinżel fl-abbiss?” (10:7). 

B: “Min sa jinżel fil-qiegħ?” 

In-nom “abbiss” għal abusson hu traduzzjoni aktar korretta. 


335 A: “biex itella’ ’l Kristu” (10:7).

B: “biex iġib lil Kristu”.

Mingħajr argumenti, il-verb anagagein ifisser “itella’.” Qatt ma jissinifika “iġib.”


336 A: “Iżda xi tgħid?” (10:8). 

B: “Imma xi tgħid l-Iskrittura?”

F’pass (10:5-8) fejn l-awtur qed jagħti sensiela ta’ kwotazzjonijiet mill-Patt il-Qadim, “l-Iskrittura” f’B hi superfluwa. N tagħmilha “What does it say, then?


337 A: “Il-kelma hi qribek” (10:8).

B: “Il-kelma qiegħda ħdejk.”

Il-kelma “qribek” hi littera; “qribek” u “ħdejk” ma jfissrux l-istess. N taqra “very near to you.”


338 A: “se tkun salvat” (10:9).

B: “inti ssalva.”

Il-verb Grieg hu fil-futur u l-passiv; l-istess jgħodd għall-istess verb f’vers 13. F’dan il-każ l-għamla tal-verb għandha riperkussjonijiet teoloġiċi.

Il-pronom “inti” ma jidhirx fit-test Grieg. 


339 A: “bil-fomm” (10:10).

B: “b’xufftejh”.

Dettall ieħor, fost ħafna oħrajn. Pawlu għoġbu jinqeda bil-kelma stomati, li tfisser “fomm.” Seta’, kieku hekk gwidah l-Ispirtu s-Santu, kiteb “xofftejn,” iżda m’għażilhiex. Minkejja dan il-fatt, B għażlet “xufftejh,” avolja “fomm” toqgħod tajjeb bil-Malti.


340 A: “Għax l-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jafda fih ma jkunx diżappuntat.’” (10:11).

B: “L-Iskrittura tgħid, “Kull min jemmen fih ma jintilifx.”

“Għax” (gar), konġuzjoni li tagħti raġuni, hi eliminata f’B. 

Il-verb “diżappuntat” hu l-istess eżatt bħal 9:33. A traduċiethom it-tnejn “diżappuntat,” għax toqgħod sewwa. B, b’mod mill-iktar bizzarr, l-ewwel traduċietu “ma jitħawwadx” u issa “ma jintilifx,” bħallikieku nistgħu nilagħbu bil-lingwa kif ifettlilna!


341 A: “għax l-istess Sid hu Sid kulħadd, għani” (10:12). 

B: “hu s-Sid ta’ kulħadd u għani”.

B telimina “għax” (gar), avolja biha l-awtur jintroduċi raġuni għal dak li kien għadu kif iddikjara. 

 

342 A: “mingħajr predikatur?” (10:14). 

B: “jekk ma jxandrulhomx?”

M’hemm ebda ġustifikazzjoni għala mis-singular B taqleb għall-plural. N insibulha “preacher.”


343 A: “obdew l-evanġelju” (10:16).

B: “qagħad għall-kelma tal-Evanġelju.”

Regolarment, meta m’hemmx għalfejn, B tuża l-verb “qagħad” biex tittraduċi żewġ verbi differenti fil-Grieg, wieħed bażikament ifisser “issottometta” u l-ieħor “obda.” 

Jerġa’, iż-żieda kif tidher f’B hi arbitrarja. 


344 A: “għax Isaija jgħid, ‘Sid, min emmen ir-rapport tagħna?’” (10:16). 

B: “Isaija ħabbar: ‘Mulej, min emmen il-kelma li sama’ mingħandna?’”

F’B “għax” (gar) hi eliminata, meta setgħet tinżamm. 

B qalbet il-verb sempliċi legei, “jgħid,” għal “ħabbar.” 

Finalment, skont il-lessiku Grieg, “rapport” hi traduzzjoni aktar preċiża.


345 A: “u s-smigħ permezz ta’ kelmet Kristu.” (10:17). 

B: “u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu.”

Bla ebda raġuni, B illimitat “il-kelma” għall-kelma mxandra biss; attwalment “il-Kelma” tista’ tkun sew proklamata kif ukoll moqrija.


346 A: “ħareġ mal-art kollha” (10:18).

B: “xtered mal-art kollha”.

Ma kienx hemm għalfejn it-tifsira tal-verb exēlthen, “ħareġ,” tinbidel għal “xtered” f’B. 


347 A: “Jien se nagħmilkom ġelużi b’dak li mhuwiex ġens” (10:19). 

B: “Jien inqajjimlek l-għira permezz ta’ ġens mhux poplu”.

A hi littera u tiftiehem; B “tivvinta” misterju meta tgħid “ġens mhux poplu.” Xi tfisser? N taqra “a non-people.”


348 A: “b’ġens bla fehma se ninfurjakom.” (10:19). 

B: “permezz ta’ poplu bla ras ngħaddabkom.”

Il-frażi “bla fehma” hi traduzzjoni wisq superjuri. Bil-Malti, “bla ras” tista’ tfisser “iblah” jew “injorant,” li mhumiex ekwivalenti xierqa għall-aġġettiv asunetō. 


348 A: “U Isaija hu kuraġġjuż wisq u jgħid” (10:20).

B: “Isaija mbagħad b’wiċċu minn quddiem jgħid”. 

F’A “kuraġġjuż” (apotolma) hi korretta, kif tixhed ukoll N, “bold enough.” L-idjoma Maltija, “b’wiċċu minn quddiem,” tfisser “bla mistħija.” 


349 A: “Imma għal Iżrael jgħid” (10:21).

B: “U dwar Iżrael jissokta”.

Il-verb sempliċi legei jfisser “jgħid,” kif tikkorrabora N, “says.” Il-verb f’B, “jissokta,” ifisser “ikompli.” 


350 A: “Il-jum kollu mattart idejja lejn poplu diżubbidjenti u stinat.” (10:21).

B: “Il-jum kollu jien ftaħt idejja lil poplu li ma jemminx u li qam kontrija.”

F’A “mattart” hu verb li jintuża hawn biss fil-Patt il-Ġdid. It-traduzzjoni “ftaħt” ta’ B mhijiex korretta. Titlef ħafna mil-lingwaġġ grafiku tal-pass. 

L-aġġettiv “diżubbidjenti” joqgħod aħjar minn “ma jemminx,” kif tixhed ukoll N, “disobedient.” 

L-aġġettiv “stinat” hu sempliċement aktar preċiż minn “qam kontrija.”


351 A: “Nistaqsi mela: jaqaw Alla rrinunzja ’l niesu?” 

B: “Issa jien nistaqsi, “Forsi Alla ċaħad il-poplu tiegħu?” (11:1)

F’B “mela” (oun) hi mibdula għal “Issa” (ukoll v.15). 

Ukoll, “Forsi” tagħti l-impressjoni li hemm possibbiltà ta’ tweġiba pożittiva, mentri l-grammatika Griega tagħmilha ċara li r-risposta hi negattiva. 

Finalment “rrinunzja” għal apōsato hi traduzzjoni aktar preċiża minn “ċaħad.” L-istess jgħodd għal vers 2. 


352 A: “li kien jafhom minn qabel.” (11:2). 

B: “li hu kien għażlu sa minn qabel.”

F’A “kien jafhom” hi littera; jaqbel tkun tradotta hekk, għax għandha diversi konnotazzjonijiet, fosthom “ħabbhom” u “għażilhom.” Meta tipprova tindovina x’kien il-ħsieb tal-appostlu se jgħarrilek: B traduċiet “għażlu” u N ittraduċiet “had given recognition” – żewġ ideat differenti. L-aħjar tittratta mal-kliem attwalment użat. 


353 A: “kif jappella ’l Alla kontra Iżrael” (11:2). 

B: “Kif tkellem ma’ Alla kontra Iżrael”.

F’A “appella” hi preċiża, mentri f’B l-ekwivalenti tagħha hi bla kulur. 


354 A: “li ma lwewx l-irkoppa quddiem Baal.” (11:4). 

B: “li ma niżlux għarkupptejhom quddiem Bagħal.”

A tiftiehem tajjeb, u hi aktar littera minn B. Il-loġika tgħarrafna li jmissna nippreferu A.


355 A: “X’qed ifittex Iżrael, dan ma kisbux” (11:7).

B: “Il-poplu ta’ Iżrael ma sabx dak li kien ifittex”. 

F’A “ma kisbux” għal epetuchen hi traduzzjoni superjuri għal “ma sabx” (darbtejn f’dan il-vers). 


356 A: “u l-bqija kienu mwebbsa” (11:7).

B: “il-bqija webbsu rashom”. 

Il-verb epōrōthēsan hu fil-passat u l-passiv, kif jidher f’A, u kif tikkorobora N, “had their minds hardened.


357 A: “spirtu ta’ ħedla” (11:8). 

B: “spirtu ta’ ngħas fuqhom”. 

In-nom katanuxeōs, użat hawn biss fil-Patt il-Ġdid, ifisser “stupefaction” jew “stupor.” N tittraduċi korrettament, “lethargy.”


358 A: “U David jgħid” (11:9).

B: “U David iżid”.

M’hemm ebda raġuni għall-bidla fil-verb f’B, kif tixhed N ukoll, bil-verb “says.”


359 A: “bħala retribuzzjoni għalihom” (11:9).

B: “l-ħlas li ħaqqhom”.

F’dan il-kuntest in-nom antapodoma jfisser biss “retribuzzjoni,” spjegat fin-notament f’A. N tikkorobora bin-nom “retribution.”


360 A: “jaqaw għotru tant li jaqgħu?” (11:11).

B: “jaqaw tfixklu biex waqgħu għal kollox?”

Il-kelmiet “għal kollox,” apparti li huma ortografikament inkorretti, huma żejda u ma jidhrux fit-test Grieg.


361 A: “Iżda bit-trasgressjoni tagħhom” (11:11). 

B: “bis-saħħa tal-ħtija tagħhom”.

In-nom “trasgressjoni” għal paraptōmati hu traduzzjoni aktar preċiż minn “ħtija.” L-istess jgħodd għal vers 12.


362 A: “għana għad-dinja” (11:12). 

B: “ħafna ġid għad-dinja”. 

In-nom “għana” għal ploutos f’A hu traduzzjoni littera, u m’għandux għalfejn jinbidel. Insibuh dabtejn f’dan il-vers. N, bħal B, ma żżommx strettament mas-sens lessikali, u tittraduċi “gain.” Traduzzjoni oħra, magħmula fuq l-istess prinċipju ta’ dawn it-tnejn, abbli toħroġ b’nom ieħor differenti. 


363 A: “kemm għana iżjed se ġġib il-milja tagħhom!” (11:12). 

B: “kemm se tkun aktar is-salvazzjoni tagħhom ilkoll.”

Għala “milja” (plērōma) kellha bżonn tinbidel għall-kelma “salvazzjoni” f’B hi misterjuża.


364 A: “nimmanjifika l-ministeru tiegħi” (11:13).

B: “nibqa’ nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi”. 

Il-verb “nibqa’” f’B hi addendum bla ħtieġa. F’A “nimmanjifika” hi traduzzjoni superjuri (doxazō litteralment tfisser “nigglorifika”); forsi hi kelma mhux familjari għalkollox, iżda tolqot is-sens wisq aħjar minn “nagħmel ġieħ.”


365 A: “biex b’xi mod inqanqal għall-ġelosija dawk li huma laħmi” (11:14). 

B: “bit-tama li nqajjem l-għira ta’ ġensi”.

A hi littera u toqgħod. B tibdel “laħmi” għal “ġensi,” meta bil-Malti “laħmi” tiftiehem perfettament. 


366 A: “ir-rifjut tagħhom huwa r-rikonċiljazzjoni tad-dinja” (11:15).

B: “it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma’ Alla”.

A hi littera. Apparti fatturi oħra, B żżid “ma’ Alla” meta l-kuntest juri fiċ-ċar li r-rikonċiljazzjoni hi m’Alla. In-nom “rikonċiljazzjoni” f’A, għal katallagē, hu aktar akkurat minn “ħbiberija” f’B; N taqra “reconciliation.”


367 A: “xi tkun l-aċċettazzjoni tagħhom” (11:15).

B: “l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun ifisser”.

In-nom “aċċettazzjoni” għal proslēmpsis hu aktar preċiż. Il-kelmiet “mill-ġdid” u “ifisser” huma ideat li setgħtu tħallew barra. N tagħmilha “re-acceptance.”


368 A: “Se tgħid mela” (11:19). 

B: “Int għandek mnejn tgħid”.

Innota d-differenza. Għala tibdel meta traduzzjoni littera (A) tagħmel sens perfett? Ma nistgħux inwieġbu, “B’daqshekk x’ġara?” Niftakru li qed nittrattaw mal-Kelma ispirata t’Alla. 


369 A: “Tkunx arroganti, iżda ibża” (11:20). 

B: “Timliex rasek, iżda ibża’.” (11:20). 

F’A “Tkunx arroganti” tqarreb ħafna mas-sinifikat tal-Grieg, u tiftiehem (in-notament jispjega aħjar). B’kuntrast, “Timliex rasek” għandha diversi tifsiriet.


370 A: “ma ffrankahiex lill-friegħi naturali” (11:21). 

B: “ma ħafirhiex lill-friegħi naturali”.

Il-verb epheisato, “Ma ffrankahiex,” hu l-istess verb bħal fl-Atti 20:29; Rumani 8:32 u l-1 Korintin 7:28. L-idea mhix “maħfra.” N taqra “did not spare.”


371 A: “se jkunu mlaqqmin” (11:23). 

B: “jerġgħu jitlaqqmu”.

Apparti li t-temp tal-verb hu żbaljat f’B, “jerġgħu” hi żieda superfluwa għax fl-aħħar tal-vers l-awtur jiċċara kitbietu stess.


372 A: “Għax jekk int kont maqtugħ miż-żebbuġa salvaġġa min-natura” (11:24).

B: “Jekk int ġej miż-żebbuġa selvaġġa”.

A hi littera u tiftiehem; B tieħu libertajiet żejda.


373 A: “kemm iżjed dawn, li huma l-friegħi naturali, se jkunu mlaqqmin fiż-żebbuġa tagħhom stess.” (11:24). 

B: “kemm iktar jistgħu jitlaqqmu fiż-żebbuġa tagħhom stess dawk li skont in-natura ġejjin minnha!”

Għal darb’ oħra, nistgħu nagħmlu l-istess osservazzjoni: A ssegwi t-test Grieg, mentri B iġġannat kif jidhrilha hi.



374 A: “xrufija parzjali ġiet fuq Iżrael sakemm tkun daħlet il-milja tal-Ġentili” (11:25). 

B: “l-ebusija tal-qalb li waqgħet fuq parti minn Iżrael tibqa’ sakemm tidħol il-milja tal-pagani”.  

A bażikament tiftiehem daqs B, u għandha l-vantaġġ li hi littera u preċiża. 


375 A: “Il-Ħellies se jiġi minn Sijon” (11:26). 

B: “Għad joħroġ minn Sijon il-Feddej”.

“Ħellies” għall-verb rhuomenos (litteralment, bl-Ingliż, “the delivering one”) hi wisq aktar preċiża. B infisha, b’inkonsistenza, tittraduċiha “se jeħlisni” fir-Rumani 7:24 u “jeħlisni” f’15:31. 


376 A: “Inkwantu l-evanġelju” (11:28).

B: “Skont l-Evanġelju”. 

B hi inkorretta (darbtejn f’dal-vers), kif tixhed ukoll N, li tittraduċi “as regards.”


377 A: “għax id-doni u s-sejħa t’Alla huma irrevokabbli.” (11:29).

B: “Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu.”

Kemm hu aħjar tittraduċi litteralment meta s-sens jibqa’ bla mittiefes! Veru, il-kelma “irrevokabbli” tista’ ma tkunx familjari, iżda A għandha notament illi tispjegaha u saħansitra tgħid illi l-kelma strettament tfisser “bla ndiema.”


378 A: “hekk ukoll dawn issa m’obdewx, sabiex bil-ħniena murija magħkom huma wkoll issa jirċievu ħniena.” (11:31).

B: “hekk huma wkoll mhumiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena.”

F’B “minħabba” hi inkorretta, kif nintebħu wkoll mill-N, li tittraduċi “so that.” Mill-bqija, B hi traduzzjoni maħlula bla bżonn.


379 A: “Għax Alla sakkar lil kulħadd fid-diżubbidjenza” (11:32).

B: “Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza”.

A hi littera u tiftiehem; l-idea ta’ “jasar” hi barranija.


380 A: “O, il-fond tal-għana kemm tal-għerf kif ukoll tat-tagħrif t’Alla!” (11:33).

B: “Kemm huma kbar l-għana, l-għerf u l-għaqal ta’ Alla!”

A hi littera, sabiħa u tiftiehem totalment bħala sentenza. B tibdilha bla raġuni. Pereżempju, “tagħrif” għal gnōseōs hi traduzzjoni preċiża mentri “għaqal” bil-Malti tfisser “prudenza.”


381 A: “Min qatt tah minn qabel ħalli jkun ikkumpensat lilu?” (11:35).

B: “Min qatt tah l-ewwel biex jistħoqqlu l-ħlas?”

A hi littera; B hi arbitrarja. N ukoll taqbad triq għal rasha: tittraduċi “Who has given anything to him, so that his presents come only as a debt returned?” Ninnotaw għal darb’ oħra illi traduzzjonijiet ħielsa huma differenti minn xulxin għax aktar jimxu fuq x’jindovina moħħhom milli x’jgħid attwalment it-test ispirat.


382 A: “Għax minnu u permezz tiegħu u għalih huma l-ħwejjeġ kollha” (11:36).

B: “Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih.”

A hi littera, u tinkludi “Għax” għal hoti. 

Ukoll, B tuża “kollox” tliet darbiet meta fil-Grieg tidher darba. 


383 A: “Neżortakom mela, l-aħwa, f’ġieħ il-mogħdrijiet t’Alla” (12:1). 

B: “Nitlobkom, l-aħwa, għall-ħniena ta’ Alla”. 

“Neżortakom” hi wisq aktar preċiża għal parakalō, skont il-lessiku, milli sempliċement “Nitlobkom.” N insibulha “I urge you.”

Ħafna iżjed serju minn hekk, hawnhekk B telimina l-kelma “mela.” F’N insibu l-ekwivalenti, “then.” F’dan il-każ ċertament hi importantissma, għaliex l-appostlu se jgħallem l-etika Kristjana abbażi tal-vanġelu kif spjegah fl-ewwel taqsima tal-epistola (kapitlu 1-11). Il-kelma “mela,” allavolja hi ċkejkna, hi sinifikanti immensament, għax turi illi l-imġiba Nisranija hi msejsa fuq ir-riċeviment tal-evanġelju, meta l-fidil hu ġustifikat b’xejn bil-grazzja t’Alla. It-tali żbalji huma kollha riżultat ta’ teorija żbaljata tat-traduzzjoni, li tinkuraġġixxi lit-traduttur sabiex, flok jagħmel l-almu tiegħu biex jittraduċi kelma b’kelma (sakemm jippermetti l-Malti), jieħu libertajiet arbitrarji.


384 A: “ħalli tippreżentaw l-iġsma tagħkom bħala sagrifiċċju ħaj” (12:1).

B: “offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj”.

Il-verb “tippreżentaw” għal parastēsai hu superjuri għal “offru,” skont id-dizzjonarju. 

Ukoll, in-nom “iġsma” hu maqlub għas-singular f’B, kontra kull raġuni, għax l-awtur qed jindirizza bosta nies. 


385 A: “u tkunux ikkonformati ma’ did-dinja” (12:2).

B: “Timxux max-xejra ta’ din id-dinja”.

B hi parafrażi bla bżonn, hekk illi titlef il-kuntrast bejn “ikkonformati” u “trasformati” fl-istess vers.


386 A: “iżda kunu trasformati bit-tiġdid ta’ moħħkom” (12:2).

B: “iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom”. 

Il-verb “trasformati” (metamorphousthe) hu l-istess wieħed użat għat-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù (Mt.17:2). Allura f’B “nbidlu” hi traduzzjoni dgħajfa, bla ma toħroġ il-qawwa tal-verb użat hawn.


387 A: “ħalli tipprovaw x’inhi r-rieda t’Alla” (12:2). 

B: “biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla”. 

Il-kelma “iseħħilkom” hi arbitrarja; tintroduċi idea li mhix fit-test Grieg. 


388 A: “dak li hu tajjeb u aċċettabbli u perfett.” (12:2).

B: “x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.”

A hi littera u tiftiehem; m’hemmx għalfejn tagħmel ginnastika bil-lingwa. N taqra “what is good and acceptable and mature,” li hi aċċettabbli ħafna.


389 A: “Għax permezz tal-grazzja mogħtija lili ngħid lil kull min qiegħed

fostkom” (12:3). 

B: “Jiena ngħidilkom ilkoll bis-saħħa tal-grazzja li tani Alla”. 

A hi littera; ma kienx hemm bżonn tibdel imqar is-sekwenza tal-frażijiet. 


390 A: “biex ma jaħsibx dwaru nnifsu aktar fl-għoli milli jmissu jaħseb” (12:3).

B: “tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun!”

Is-singular hu maqlub fil-plural f’B. 

Jerġa’, il-parafrażi f’B hi arbitrarja. 


391 A: “iżda aktarx jaħseb b’ġudizzju sobriju” (12:3).

B: “Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu ta’ li hu”. 

A hi littera. B provat tiċċara, u minflok irrendiet il-messaġġ aktar ambigwu. 


392 A: “bħalma Alla qassam lil kull wieħed kejl ta’ fidi.” (12:3).

B: “skont il-qjies tal-fidi li tah Alla.”

A hi littera u ċara. B biddlet is-sens.


393 A: “u individwalment membri ta’ xulxin.” (12:5). 

B: “kull wieħed minna membru tal-ieħor.” 

Il-kelma “minna” f’B hi żejda, u s-sens jgħaddi sew mingħajrha. 


394 A: “min jikkontribwixxi għall-bżonnijiet ta’ ħaddieħor, bil-ġenerożità” (12:8).

B: “min id-don tat-tqassim, ħa jqassam b’idejh miftuħa”. 

A hi littera. Filli B tipprova tirrendi t-test b’Malti idjomatiku tispiċċa biex dak li proprjament qed jikteb l-awtur tagħmlu vag jew inqas ċar.


395 A: “min iħenn, bl-allegrija” (12:8).

B: “min id-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ.”

Erba’ kelmiet fil-Grieg – ho metadidous en haplotēti – huma erba’ kelmiet f’A; B tneffaħ bla bżonn u tuża tnax-il kelma.


396 A: “L-imħabba għandha tkun bla ipokrisija.” (12:9).

B: “Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor”.

“Qisu” hi miżjuda u allura ddaħħal idea li mhix fit-test Grieg.


397 A: “Stkerrhu l-ħażin” (12:9). 

B: “taħmlux il-ħażen”. 

“Stkerrhu” għal apostugountes hi traduzzjoni littera. Il-verb “taħmlux” fil-Malti għandu diversi tifsiriet. 


398 A: “Kunu devoti lejn xulxin bl-imħabba fraterna” (12:10).

B: “Ħobbu lil xulxin bħal aħwa”. 

L-aġġettiv philostorgos, “Kunu devoti,” jidher hawn biss fil-Patt il-Ġdid; philadelphia tfisser “imħabba fraterna,” kif tihder f’A. B ma tiżvolġix ir-rikkezza tal-lingwa Griega, avolja setgħet.


399 A: “agħtu preferenza ’l xulxin fl-unur” (12:10). 

B: “fittxu li tistmaw lil xulxin.”

B hi parafrażi libera għalkollox. 


400 A: “mhux indolenti fl-entużjażmu tagħkom” (12:11).

B: “Tħallux il-ħrara tagħkom tibred”.

A hi aktar preċiża u littera fl-istess ħin.


401 A: “issaportu fl-afflizzjoni” (12:12).

B: “stabru fl-hemm”.

A hi littera; B tibdel is-sens bla skop.


402 A: “iddedikati għat-talb” (12:12).

B: “itolbu bla waqfien.”

Pawlu jgħid bnadi oħra fl-ittri tiegħu biex nitolbu bla waqfien (eż., 1 Tes.5:17), iżda hawn il-kliem u s-sens hu differenti, kif tixhed A.


403 A: “ikkontribwixxu għall-bżonnijiet tal-qaddisin” (12:13).

B: “Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn”. 

Bla ebda neċessità B sawret frażi differenti mit-test Grieg, kif tixhed A.


404 A: “fittxu prattikaw l-ospitalità.” (12:13).

B: “ilqgħu f’darkom lill-barranin.”

A tqarreb ħafna lejn traduzzjoni littera, sakemm ippermetta l-Malti; B hi parafrażi.


405 A: “bierku u la tisħtux.” (12:14).

B: “bierku, u la tisħtu lil ħadd.”

Il-kelmiet “lil ħadd” huma żieda arbitrarja.


406 A: “Ifirħu ma’ dawk li jifirħu; ibku ma’ dawk li jibku.” (12:15). 

B: “Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki.”

F’B, il-plural fil-Grieg hu maqlub għas-singular darbtejn bla ħtieġa. 


407 A: “assoċjaw mal-umli.” (12:16).

B: “fittxu l-umli.”

F’dan il-kuntest il-verb sunapagomenoi jfisser “assoċjaw” jew “akkomodaw erwieħkom.”


408 A: “Tkunux għorrief fl-istima tagħkom infuskom.” (12:16).

B: “Tagħmluhiex ta’ għorrief.”

A tipprova tolqot is-sens aktarx milli tinqeda b’idjoma Maltija li mhijiex identika għat-test Grieg. 


409 A: “Tpattu ’l ħadd ħażen b’ħażen” (12:17).

B: “Troddu lil ħadd deni b’deni”. 

Il-kelma mtennija (kakon...kakou) tfisser “ħażen,” b’referenza għall-ħażen morali. In-nom “deni” jista’ jissinifika ħsara, sfortuna u imqarberija, apparti ħażen.


410 A: “mal-bnedmin kollha.” (12:18). 

B: “ma’ kulħadd.”

A hi sempliċement aktar preċiża għall-frażi meta pantōn anthrōpōn.


411 A: “Maħbubin” (12:19).

B: “għeżież tiegħi”.

“Maħbubin,” għal agapētoi, hi littera u hi aktar sinifikanti minn sempliċi “għeżież.” 

B wkoll, bi żball, tillimita bil-kelma “tiegħi,” meta l-awtur probabbilment irid ifisser illi huma maħbubin “minn Alla” jew almenu “minn Alla wkoll.”


412 A: “anzi agħmlu l-wisa’ għar-rabja t’Alla” (12:19).

B: “imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi”.

A hi littera u tippriżerva l-lingwaġġ metaforiku; B hi parafrażi ambigwa.


413 A: “Għall-kuntrarju: ‘Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ’” (12:20). 

B: “Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ”.

Bla ebda raġuni, B tħalli “Għall-kuntrarju” (alla) jew frażi simili barra.


414 A: “Tingħelibx mill-ħażen” (12:21).

B: “Tħallix il-ħażen jirbħek”.

A hi aktar littera u tiftiehem sewwa.


415 A: “Kull persuna għandha tkun sottomessa” (13:1).

B: “Kull bniedem għandu jobdi”. 

F’A “sottomessa” hi aktar preċiża u tolqot is-sens ta’ hupotassesthō. B’inkonsistenza B tittraduċi “jobdi” hawnhekk u “toqogħdu għal” fir-Rumani 13:5.


416 A: “u dawk li jeżistu huma stabiliti minn Alla.” (13:1).

B: “u l-awtoritajiet li hemm, qegħdin hemm bl-ordni ta’ Alla.”

A tittraduċi litteralment, b’sens li jiftiehem tajjeb bil-Malti. Wieħed jinnota faċilment id-differenza bejn traduzzjoni formali (A) u l-oħra hekk imsejħa dinamika (B). L-ewwel waħda tittraduċi fedelment mentri t-tieni tibdel il-kliem bla bżonn.


417 A: “Għalhekk min jopponi l-awtorità jkun qed jirreżisti l-ordinanza t’Alla” (13:2).

B: “Għalhekk, dawk li jeħduha kontra l-awtorità jkunu qegħdin jeħduha kontra l-ordni mwaqqaf minn Alla”.

L-istess hawnhekk. Apparti minn hekk, żewġ verbi differenti - antitassomenos (“jopponi”) u anthestēken (“jirreżisti”) – huma tradotti l-istess f’B.


418 A: “Għax il-ħakkiema mhumiex kawża ta’ biża’ għall-kondotta t-tajba” (13:3).

B: “Jibżgħu mill-awtoritajiet mhux dawk li jagħmlu t-tajjeb”.

A hi aktar littera u tiftiehem xorta waħda.


419 A: “Trid ma tibżax mill-awtorità?” (13:3).

B: “Trid ma tibżax minn min għandu s-setgħa?”

A hi littera u s-sens mhuwiex diffiċli. B temenda bla bżonn.


420 A: “u jkollok approvazzjoni mingħandha” (13:3).

B: “u jkollok it-tifħir mingħandu.”

Dettall żgħir: in-nom Grieg jista’ jfisser “tifħir,” “approvazzjoni” jew “rikonoxximent.” F’dan il-kuntest aktar toqgħod “approvazzjoni,” bħalma wkoll tixhed N, “approval.” 


421 A: “għax ma jġorrx is-sejf għalxejn” (13:4).

B: “Mhux għal xejn li l-kap iġib ix-xabla”. 

Il-kelmiet “l-kap” huma żieda arbitrarja. 


422 A: “vendikatur ħalli jesegwixxi r-rabja fuq min jipprattika l-ħażen.” (13:4).

B: “biex jikkastiga u jitħallas minn min jagħmel il-ħażen.”

In-nom “vendikatur” għal ekdikos hu aktar preċiż; l-idea ta’ “rabja” hi eliminata minn B.


423 A: “huma qaddejja t’Alla” (13:6).

B: “huma uffiċjali ta’ Alla.”

A hi aktar preċiża; in-nom leitourgos ma jfissirx “uffiċjal,” iżda “serv” jew “qaddej.”


424 A: “li jiddedikaw erwieħhom għal dil-proprja ħaġa.” (13:6).

B: “għal dan ix-xogħol. Meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin jaqdu dmirhom.”

A hi littera, tolqot is-sens u tiftiehem. B tieħu libertajiet esaġerati.


425 A: “Roddu’l kulħadd id-djun dovuti” (13:7).

B: “Agħtu lil kulħadd dak li ħaqqu.”

A hi littera; “djun” hi l-kelma preċiża għal opheilas. 

F’B “Agħtu” m’għandhiex l-istess sens ta’ “Roddu” (apodote). 


426 A: “Tiddejnu xejn ma’ ħadd” (13:8).

B: “Tkunu obbligati lejn ħadd”.

A hi littera. “Tiddejnu” u “obbligati” mhumiex sinonimi.


427 A: “għax min iħobb” (13:8).

B: “Kull min iħobb”.

Il-konġuzjoni gar, “għax,” hi eliminata f’B, avolja tindika li l-awtur se jagħti raġuni għall-istruzzjoni tiegħu. N taqra “for.”


428 A: “wettaq il-liġi.” (13:8). 

B: “ikun iħares il-bqija tal-Liġi.” 

A hi littera u tiftiehem. B tibdel is-sens b’mod arbitrarju.


429 A: “u jekk hemm xi kmandament ieħor” (13:9). 

B: “u kull preċett ieħor”.

A hi littera. Meta traduzzjoni littera tgħaddi s-sens preċiż, għandha tinżamm, bla ma titfittex soluzzjoni oħra. 


430 A: “f’dil-kelma” (13:9). 

B: “f’kelma waħda.”

It-tluq ta’ B mit-test Grieg jista’ jkun minimu, iżda wieħed xorta jilmenta illi m’hemmx għalfejn tibdel is-sens meta m’għandikx għalfejn, imqar f’dettalji żgħar.


431 A: “l-imħabba hi t-twettiq tal-liġi” (13:10). 

B: “l-imħabba hi l-milja tal-Liġi.”

In-nom plērōma bażikament ifisser “milja.” Rari B tittraduċi litteralment, iżda hawn hu aktar preċiż tittraduċi “twettiq,” kif tixhed ukoll N, “fulfilment.” 


432 A: “U dan agħmluh, billi tafu ż-żmien preżenti” (13:11). 

B: “Barra minn dan, intom tafu f’liema żmien qegħdin.”

F’B “Barra minn dan” ma tolqotx is-sens tal-awtur; “U dan agħmluh” (Kai touto) hi superjuri. 

Ukoll, “intom” hi miżjuda bla bżonn. 


433 A: “biex tkunu mqajmin mill-irqad” (13:11). 

B: “li intom tqumu min-ngħas”.

Fil-Grieg m’hemmx il-pronom personali “intom” (darbtejn f’B f’dan il-vers), u lanqas hemm bżonnu fil-Malti. 

Agħar minn hekk, “irqad” għal hupnou hi korretta; “ngħas” mhijiex sinonima. N tikkorrobora, “stop sleeping.”


434 A: “milli meta emminna fil-bidu.” (13:11).

B: “minn meta bdejna nemmnu.” 

Il-verb episteusamen hu fil-passat, kif jidher f’A. 

Il-korsiv jgħin biex jindika li l-frażi miżjuda, “fil-bidu,” mhijiex fil-Grieg; f’B il-qarrej jaħseb illi “bdejna” hi traduzzjoni ta’ kelma fl-oriġinal.


435 A: “Il-lejl avvanza” (13:12).

B: “Il-lejl għoddu għadda”. 

Il-verb “avvanza” (proekopsen) hu traduzzjoni littera, u jiftiehem sew.


436 A: “Ħa nimxu deċentement” (13:13).

B: “Ngħixu kif jixraq”.

F’A “deċentement” għal euschēmonōs hi preċiża, saħansitra avverbju għal avverbju. 

B iċċaħħad lill-qarrej mill-metafora sabiħa ta’ “nimxu” li tiddeskrivi l-għejxien tal-ħajja Kristjana.


437 A: “mhux f’orġji u sakriet, mhux fi promiskwità sesswali u senswalità, mhux fit-tilwim u l-ġelosija” (13:13).

B: “mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żina u t-tbahrid, mhux bil-ġlied u l-għira.”

Il-qarrej jinnota l-vokabularju rikk ta’ A, li jirrifletti b’fedeltà l-vokabularju Grieg hawnhekk. 


438 A: “ilbsu s-Sid Ġesù” (13:14).

B: “ilbsu lil Sidna Ġesù”.

B żiedet il-pronom meħmuż ma’ Sid, meta mhuwiex fil-Grieg. Wieħed jista’ jilmenta, “Dawn irqaqat!” Frattant hawn qed nittrattaw mal-Kelma Mqaddsa t’Alla! F’kull sens la għandna nżidu u lanqas innaqqsu minnha! (cf., Riv.22:18-19).


439 A: “tagħmlux ħsieb bil-quddiem biex tiggratifikaw il-leblibiet tal-laħam” (13:14).

B: “ħallukom mill-ħsieb tal-ġisem u l-ġibdiet tiegħu.”

A għamlet sforz biex tittraduċi fedelment is-sentenza diffiċli tal-appostlu. Il-Malti jiftiehem, u tidher l-idea illi wieħed m’għandux jippjana biex jidneb, xi ħaġa nieqsa f’B.


440 A: “imma mhux biex tgħaddu ġudizzju fuq affarijiet disputabbli.” (14:1). 

B: “mingħajr ma toqogħdu tiddiskutu l-fehmiet tiegħu.” 

A għamlet mill-aħjar biex tittraduċi; B hi parafrażi li titbiegħed mit-test Grieg.


441 A: “Wieħed jemmen” (14:2).

B: “Hemm min jaħseb”.

Il-verb pisteuei jfisser “jemmen,” u joqgħod anke bil-Malti.


442 A: “m’għandux jiddisprezza” (14:3).

B: “m’għandux imaqdar”.

F’A “jiddisprezza” għal exoutheneitō hi traduzzjoni eżatta, mentri “jmaqdar” tista’ tfisser ukoll “isib difett.” L-istess japplika għal vers 10.


443 A: “tiġġudika attendent ta’ ħaddieħor” (14:4).

B: “tagħmel ħaqq mill-qaddej ta’ ħaddieħor”. 

Bin-nom “attendent,” flimkien ma’ sinonimi oħra bil-Malti, A tipprova toħroġ ir-rikkezza tal-lingwa Griega, mentri B għandha ħabta tuża kelma waħda Maltija għal diversi sinonimi fil-Grieg.


444 A: “Quddiem is-sid personali tiegħu jieqaf jew jaqa’” (14:4).

B: “Jekk iżommx wieqaf jew jaqax, dan jarah sidu.”

B hi parafrażi li f’dan il-każ ċertament m’hemmx bżonnha.


445 A: “Għax wieħed jikkonsidra jum bħala ogħla minn jum ieħor, u

l-ieħor jikkonsidra kull jum bħall-oħrajn.” (14:5).

B: “Hemm min jagħżel bejn jum u ieħor, u hemm min iqis il-jiem kollha xorta.”

L-istess verb krinei hu tradott darbtejn “jikkonsidra” f’A, għax hu wżat eżattament fl-istess sens; B arbitrarjament tittraduċih, “jagħżel,” u, “iqis.”


446 A: “Kull wieħed għandu jkun konvint kompletament fil-moħħ personali tiegħu.” (14:5).

B: “Ħa jżomm kulħadd il-fehma tiegħu.”

A għamlet sforz biex tkun fidila u tgħaddi s-sens b’mod li jiftiehem; B qabdet it-triq il-ħafifa u rrendiet is-sentenza b’mod li ħalliet ideat barra, kif wieħed jintebaħ meta jagħmel paragun bejniethom.


447 A: “Daqskemm ngħix jien” (14:11).

B: “Daqs kemm jien ħaj”.

A hi iżjed eżatta, apparti l-fatt li għadhom jidhru żbalji ortografiċi f’B (“Daqskemm,” mhux “Daqs kemm”). 


448 A: “kull irkoppa se tintlewa lejja” (14:11).

B: “quddiemi għad jinżel għarrkupptejh kull bniedem”.

A hi littera u tiftiehem sewwa; l-alterazzjonijiet f’B mhumiex meħtieġa.


449 A: “iżda aktarx iddeterminaw dan, li ma tpoġġux ostaklu jew tfixkil quddiem ħukom.” (14:13).

B: “Aħjar taraw li ma tkunux ta’ tfixkil jew ta’ skandlu għal ħukom.” 

A hi sempliċement aktar fidila lejn it-test Grieg.


450 A: “Naf u ninsab persważ għalkollox” (14:14). 

B: “Għax jiena naf, u minn dan jiena żgur”.

Ħaġa kurjuża: sikwit B telimina konġunżjonijiet, speċjalment “għax,” u fejn ma jeżistux fit-test Grieg, iżżidhom min rajha, bħal hawnhekk! Forsi wieħed jargumenta, “il-kuntest hekk jiddomanda!” iżda jekk wieħed jaqra A jintebaħ illi t-test jgħaddi perfettament mingħajrha. 


451 A: “però għal min jistma xi ħaġa bħala mniġġsa” (14:14).

B: “Imma jekk xi ħadd jidhirlu li ħaġa hi mniġġsa”.

Il-verb “jistma” għal logizomenō hu aktar preċiż hawnhekk; “jidhirlu” f’B aktar tfisser “jaħseb” fil-Malti.


452 A: “Għax jekk minħabba l-ikel li tiekol int ħuk hu mnikket” (14:15).

B: “Jekk minħabba l-ikel tiegħek tħalli lil ħuk iġarrab il-ħsara”.

Issa, immedjatament wara, “Għax” (gar) hi eliminata f’B. 

Il-verb “mnikket” għal lupeitai f’A hu traduzzjoni littera; il-verb Grieg ma jfissirx “iġarrab il-ħsara,” kif irrendietu B.


453 A: “Teqridx bl-ikel tiegħek lil dak” (14:15).

B: “Qis li ma tmurx, minħabba l-ikel tiegħek, iġġarraf lil dak”.

B iżżid ideat li mhumiex fit-test Grieg. 

“Teqridx” għal apollue f’A hi wisq iżjed eżatta minn “iġġarraf” f’B. “Ġarraf” bil-Malti jfisser “to demolish; pull or throw dawn; to cause something to fall.”


454 A: “Mela, ħalli t-tajjeb tagħkom ma jkunx riferut bħala ħażin.” (14:16).

B: “Tħallux illi t-tajjeb li għandkom ikun kaġun ta’ tkasbir għalik.”

Veru li l-verb blasphēmeisthō (f’A hu tradott “riferut bħala ħażin”) hu diffiċli (litteralment ifisser “midgħi”). Iżda B hi parafrażi ħielsa wisq, u xorta waħda jfalli milli jolqot it-tifsira vera tiegħu f’dan il-kuntest.


455 A: “iżda ġustizzja u sliem u ferħ fl-Ispirtu s-Santu” (14:17). 

B: “imma hi ġustizzja, u sliem, u grazzja fl-Ispirtu s-Santu.”

Jidhirli illi “ferħ” (chara) hawnhekk f’ebda traduzzjoni mhi tradotta “grazzja.” N taqra “joy.” It-tali libertà hi totalment inaċċettabbli. (Biex inkun oġġettiv, kif dejjem hi l-mira tiegħi, jista’ jkun illi t-tradutturi ta’ B inqdew b’test Grieg li hawnhekk jaqra charis, li tfisser “grazzja,” flok chara. Iżda ma naf b’ebda traduzzjoni li tittraduċi “grazzja,” hawnhekk. It-tradutturi ta’ B ma jinformawx lill-qarrej liema test Grieg użaw, bħalma għamilt jien). 


456 A: “hu aċċettabbli għal Alla u approvat mill-bnedmin.” (14:18). 

B: “ikun jogħġob lil Alla, u jinġieb mill-bnedmin.”

B tipprova tkun traduzzjoni tinstema’ tajjeb u idjomatika bil-Malti, però tħallas il-prezz ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni. A, b’kuntrast, hi preċiża fis-sens u xorta waħda hi Malti tajjeb.


457 A: “Tiddistruġġix ix-xogħol t’Alla minħabba l-ikel.” (14:20). 

B: “Tħallix li bl-ikel tiegħek titħassar l-opra ta’ Alla.”

A hi sempliċement wisq eqreb lejn it-test Grieg.


458 A: “Il-fidi li għandek int, żommha bħala konvinzjoni personali” (14:22). 

B: “Il-konvinzjoni tal-kuxjenza tiegħek żommha għalik”. 

A hi littera u tiftiehem sewwa; B hi parafrażi li setgħet ġiet evitata. 


459 A: “minħabba x’japprova” (14:22).

B: “meta jaqtagħha x’se jagħmel.” 

A provat tagħmel traduzzjoni kemm jista’ jkun tqarreb lejn il-Grieg. B hi totalment parafrażi illi jitbiegħed mis-sens tal-oriġinal. Jekk it-traduttur hu kostrett jinqeda bil-parafrażi, almenu trid kemm jista’ jkun tgħaddi s-sens tal-awtur.


460 A: “għax mhux mill-fidi jkun kiel” (14:23).

B: “għax mhux miexi skont il-konvinzjoni tal-kuxjenza tal-fidi”. 

A hi fidila għas-sens tal-oriġinal; B hi għal darb’ oħra parafrażi interpretattiva. 


461 A: “kulma mhux ġej mill-fidi hu dnub.” (14:23). 

B: “kulma mhux mill-konvinzjoni tal-fidi hu dnub.” 

B iżżid kliem bla m’hemm bżonnu; jekk wieħed jaqra A jintebaħ kemm tiftiehem, avolja hi littera.


462 A: “Issa aħna s-setgħanin imissna nerfgħu d-debbolizzi tad-dgħajfin” (15:1).

B: “Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom”.

Flok il-kelma littera “setgħanin” (dunatoi) B tinterpreta bla bżonn, “sħaħ fil-fidi.” 

Il-verb “ngħinu” f’B m’għandu ebda ekwivalenti fl-oriġinal. 


463 A: “mhux nogħġbu lilna nfusna.” (15:1).

B: “mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna.”

Il-verb “infittxu” f’B hu żejjed u m’għandux għalfejn ikun inkluż. L-istess jgħodd għal vers 2 u 3.


464 A: “għall-ġid tiegħu, ħalli jedifikah” (15:2). 

B: “għall-ġid tiegħu.”

Bla ebda raġuni B tħalli barra l-frażi pros oikodomēn, “ħalli jedifikah.” Dan hu nuqqas serju, għax l-awtur qed jagħti r-raġuni għalli għadu kif kiteb.


465 A: “Għax kwalunkwe ħwejjeġ miktubin” (15:4).

B: “Kulma nkiteb fl-Iskrittura”.

Il-frażi “fl-Iskrittura” hi żejda f’B, għax aktar tard fl-istess sentenza l-awtur jagħmilha ċara li qed jirreferi għall-Iskrittura. 


466 A: “permezz tal-perseveranza u permezz tal-inkuraġġiment” (15:4). 

B: “bis-sabar u bil-faraġ”.

In-nomi “perseveranza” għal hupomonēs, u “inkuraġġiment” għal paraklēseōs, huma aktar preċiżi skont il-lessiku Grieg u anke skont il-kuntest. L-istess jgħodd għal vers 5. Hawnhekk N tikkorrobora bin-nomi “perseverance” u “encouragement,” anke f’vers 5.


467 A: “Issa Alla tal-perseveranza” (15:5).

B: “Alla, li minnu ġej kull sabar”.

A hi littera u tinstema’ normali; B hi parafrażi bla bżonn. Difatti N, avolja hi traduzzjoni ħielsa aktar minn B, hawn taqra “Now the God of perseverance.”


468 A: “jagħtikom li tqisu l-istess ħaġa” (15:5). 

B: “jagħtikom il-grazzja li tkunu fehma waħda”. 

F’B “il-grazzja” hi żieda toalment bla bżonn. Traduttur ieħor li jħaddan it-teorija żbaljata tal-ekwivalenza dinamika seta’, flok “il-grazzja,” daħħal “l-għajnuna” jew “id-don,” jew xi ħsieb ieħor. Fejn se naslu?


469 A: “sabiex għalenija u b’fomm wieħed” (15:6). 

B: “biex b’fomm wieħed u b’qalb waħda”.

A hi littera u tiftiehem; B qalbet is-sens Grieg f’sens ieħor.


470 A: “biex juri l-veraċità t’Alla” (15:8).

B: “minħabba l-fedeltà ta’ Alla”. 

In-nom “veraċità” għal alētheias f’A hu korrett, kif tixhed ukoll N, “truthfulness.”


471 A: “ħalli jikkonferma l-wegħdi” (15:8).

B: “biex iseħħu l-wegħdiet”.

A hi littera u tiftiehem; B mhix preċiża.

B żbaljat ukoll bil-kelma “wegħdiet,” li f’dan il-każ il-plural xieraq hu “wegħdi.”


472 A: “lill-missirijiet” (15:8). 

B: “lill-Patrijarki”. 

F’dan il-kuntest, “missirijiet” (paterōn) tiftiehem illi hi referenza għall-antenati bikrija ta’ Iżrael. B’mod simili N tagħmilha “fathers.” “Patrijarki” f’B hi aktar ċara, iżda hemm kelma Griega għal “patrijarka,” patriarchēs, li mhijiex użata hawnhekk iżda biss f’Atti 2:29; 7:8-9, u Ebrej 7:4.


473 A: “se ngħanni lil ismek.” (15:9).

B: “ngħanni tifħir ismek.” 

B tibdel it-temp tal-verb psalō, u żżid il-kelma “tifħir” bla bżonn.


474 A: “fih il-Ġentili għad jittamaw.” (15:12).

B: “fih il-ġnus iqiegħdu t-tama tagħhom.”

Għal darb’ oħra, B m’għandha ebda raġun tibdel it-temp tal-verb u l-istruttura tal-lingwa, ladarba t-traduzzjoni tista’ tkun formali u tiftiehem perfettament, kif jidher f’A.


475 A: “jimliekom b’kull ferħ” (15:13).

B: “jimliekom ilkoll bil-ferħ”. 

B hi inkorretta, kif tixhed ukoll N, “fill you will all joy.”


476 A: “mimlijin tjieba, mimlijin bit-tagħrif kollu” (15:14).

B: “mimlija bit-tjieba u bl-għerf kollu”. 

Ir-repetizzjoni ta’ “mimlijin,” kif jidher f’A, ma tidhirx f’B. F’A “tagħrif” hi aktar preċiża, skont il-lessiku Grieg. 


477 A: “għandi raġun niftaħar” (15:17). 

B: “għandi biex nitkabbar”. 

A tqarreb aktar lejn it-test fl-oriġinal, li litterament jgħid, “għandi mela l-ftaħira.” F’B “nitkabbar” mhuwiex sinonimu. 


478 A: “u hekk għamiltha l-ambizzjoni tiegħi” (15:20). 

B: “Ix-xewqa tiegħi hi”. 

B hi dgħajfa u ma toħroġx is-sens tal-oriġinal, kif jidher aħjar f’A. 


479 A: “sabiex ma nibnix fuq is-sies ta’ ħaddieħor” (15:20). 

B: “sabiex ma nkunx bnejt fuq sisien li jkun qiegħed ħaddieħor”. 

B taqleb “sies” għall-plural bla bżonn.

Tibdel it-temp tal-verb ukoll. 

Finalment, iżżid idea, “li jkun qiegħed,” li mhix fl-oriġinal.


480 A: “Dawk li qatt ma qalulhom dwaru għad jaraw” (15:21).

B: “Biex dawk li qatt ma kellhom l-aħbar jaraw”. 

A hi sempliċement fidila u littera; B iżżid “Biex” u ddawwar id-diskors meta mhux neċessarju. 


481 A: “u dawk li ma semgħux għad jifhmu.” (15:21).

B: “u dawk li qatt ma semgħu bih jifhmuh.”

F’B “qatt” hi miżjuda bla neċessità.

Ukoll, il-pronom meħmuż fil-verb “jifhmuh” hu miżjud meta m’hemmx ħtieġa.


482 A: “kont spiss imfixkel” (15:22).

B: “dejjem kien hemm xi jżommni”. 

Il-kelma “spiss” f’A tittraduċi ta polla (litteralment, “il-ħafna”). F’B “dejjem” m’għandhiex l-istess konnotazzjoni. 

Il-verb “imfixkel” għal enekoptomēn hu aħjar minn “jżommni.”


483 A: “kelli xenqa” (15:23).

B” kelli x-xewqa”.

In-nom “xenqa” għal epipothian hu aktar preċiż minn “xewqa.” N insibulha “longing.”


484 A: “nkun assistit minnkom fil-vjaġġ tiegħi” (15:24).

B: “nieħu mingħandkom li jkolli bżonn”.

Wieħed isibha diffiċli jifhem għala B, b’persistenza u bla raġuni valida, taqleb għall-parafrażi, meta traduzzjoni sempliċi u ċara, bħal A, tgħaddi famuż. 


485 A: “Għax il-Maċedonja” (15:26).

B: “għax in-nies tal-Maċedonja”. 

Bil-Malti hu totalment aċċettabbli ngħidu, pereżempju, “Franza lagħbet kontra l-Italja.” B qagħdet tiċċara s-sens meta m’hemmx għalfejn.


486 A: “u infatti huma midjunin magħhom” (15:27).

B: “iżda dan hu dmirhom”.

A hi littera; B toffri sens differenti. 


487 A: “jekk il-Ġentili xxierku fil-ħwejjeġ spiritwali tagħhom” (15:27).

B: “jekk il-pagani għandhom mingħand il-Lhud il-ġid spiritwali”. 

B hi fqira bħala traduzzjoni u ma tiżvolġix l-idea fl-oriġinal ta’ komunjoni tal-qaddisin espress bil-kelma ekoinōnēan, “xxierku.” 


488 A: “u nkun issiġillajtilhom dal-frott” (15:28). 

B: “u nkun tajthom din il-ġabra”. 

Ħasra illi B, għal darb’ oħra, ma tippriżervax il-lingwaġġ metaforiku tant sabiħ u sinifikanti tal-oriġinal, kif jidher f’A!


489 A: “nistaħja magħkom” (15:32). 

B: “jkolli ftit tal-mistrieħ għandkom”.

F’B “ftit” hi żejda.

Aktar minn hekk, il-prefiss sun, fil-verb sunanapausōmai, dejjem ifisser “ma’,” allura “magħkom” hi aħjar minn “għandkom.”


490 A: “u tieqfu magħha fi kwalunkwe każ li jista’ jkollha bżonnkom” (16:2). 

B: “u agħtuha kulma teħtieġ mingħandkom”. 

B tissimplifika, bla ma tipprova tiżvolġi s-sens sħiħ tat-test Grieg. 


491 A: “il-kollaboraturi” (16:3).

B: “li ħadmu miegħi”.

A rnexxielha tittraduċi nom b’nom; B regolarment tonqos minn dan, anke meta tista’ faċilment. Ara wkoll Rumani 16:9,21.


492 A: “li għal ħajti ażżardaw għonqhom stess” (16:4).

B: “għax huma wkoll issugraw ħajjithom għalija biex isalvawni”.

Il-lingwaġġ rikk tal-oriġinal, kif jidher f’A, hu mitluf f’B. 

Il-frażi “biex isalvawni,” f’B, hi traduzzjoni, fl-opinjoni tiegħi, arbitrarja. 

Finalment, “issugraw” f’B hi ortografikament żbaljata. 


493 A: “li wkoll kienu fi Kristu qabli.” (16:7). 

B: “u li emmnu fi Kristu qabli.” 

Il-lingwaġġ teoloġiku, en Christō, “fi Kristu,” tant sabiħ u sinifikanti fl-oriġinal, kif jidher f’A, hu mogħti tifsira oħra f’B. Pawlu qed jirreferi għall-unjoni tiegħu mas-Salvatur, maħduma mill-Ispirtu s-Santu, u B tirreferi għall-att ta’ fidi, meta wieħed jilqa’ l-vanġelu. Huma żewġ realtajiet distinti u differenti minn xulxin. N taqra “who were in Christ before me.”


494 A: “Apelli, l-approvat fi Kristu.” (16:10).

B: “Apelli li ta x-xhieda tiegħu nnifsu għal Kristu.”

A hi littera u tippriżerva s-sens tal-oriġinal; B hi ħielsa bla ħtieġa. 


495 A: “l-aħwa magħhom.” (16:14). 

B: “l-aħwa li għandhom magħhom.”

F’B “li għandhom” hu żejda. Imqar żidiet dat-tip, li setgħu ġew skansati bla telf xejn, idarrsu lill-istudenti tal-Bibbja li naturalment jippretendi traduzzjoni kemm jista’ jkun preċiża. L-istess jgħodd għal vers 15: “li hemm” hi żejda.


496 A: “u evitawhom.” (16:17).

B: “u żommu ’l bogħod minnhom.”

A tolqot il-musmar fuq rasu, kif tixhed ukoll N, “Avoid them.” Litteralment il-verb ekklinete jfisser, “turn away; turn from.”


497 A: “u permezz tad-diskors melliesi u impusturaġni jingannaw” (16:18).

B: “bil-kliem u t-tmellis iqarrqu”. 

B tinqeda b’vokabularju bażiku hekk illi titlef ir-rikkezzi tal-oriġinal. Almenu A provat turih, anke jekk kellha tuża kelma mhux ġeneralment familjari għal ħafna, “impusturaġni,” li għaliha hemm notament ta’ spjegazzjoni. 


498 A: “mela nifraħ bikom” (16:19).

B: “Jien nifirħilkom”.

A hi littera. B qalbet is-sens, għax “nifirħilkom” tfisser “nawguralkom,” li mhijiex il-ħsieb tal-appostlu.


499 A: “Lukju” (16:21).

B: “Luqa”.

B tħallat żewġ ismijiet distinti fil-Grieg, Loukas (Luqa, eż., Kol.4:14) u Loukios (hawn u At.13:1) u tittraduċihom b’isem wieħed, “Luqa.” A turi d-differenza. 


500 A: “Gajju, l-ospiti tiegħi u tal-knisja kollha.” (16:23).

B: “Gaju, li laqa’ mhux biss lili, imma l-knisja kollha.”

A hi littera u tiftiehem sewwa. B mhix ċara f’liema sens “laqa’,” apparti li żiedet ideat oħra, li jidhru meta wieħed jipparaguna ż-żewġ traduzzjonijiet flimkien.


501 A: “it-teżorier tal-belt” (16:23). 

B: “l-amministratur tal-belt”. 

Tabilħaqq in-nom oikonomos normalment ifisser “amministratur,” iżda hawn il-kuntest jiddomanda “teżorier,” kif tixhed ukoll N, “the city treasurer.”


502 A: “Issa ’l dak li kapaċi jistabilikom skont l-evanġelju tiegħi u l-proklamazzjoni ta’ Ġesù Kristu” (16:25). 

B: “Lil Alla li għandu l-qawwa li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien, jien u nxandar lil Ġesù Kristu”. 

B hi ħielsa bla ma tinħass il-ħtieġa, kif wieħed jintebaħ meta jaqra A, li hi regolarment littera u tiftiehem biżżejjed, bil-vantaġġ li żżomm kemm il-kliem kif ukoll l-ideat preċiżi fl-oriġinal, sabiex wieħed ikun assistit aħjar fl-istudju u l-eseġesi tal-Bibbja. 


503 A: “permezz tal-Iskritturi profetiċi” (16:26).

B: “bil-Kitba tal-Profeti”.

A hi littera; m’għandhiex għalfejn tinbidel, kif ġara f’B. 


504 A: “lil Alla waħdu għaref” (16:27). 

B: “lil dan Alla, waħdu fl-għerf”. 

A hi traduzzjoni littera ta’ monō sophō theō. M’hemm ebda raġuni solida għala B żiedet “dan” u qalbet l-aġġettiv “għaref” f’nom.