Il-Patt il-Ġdid hu kredibbli

 

Ktieb hu kredibbli meta jirrapporta b’veraċità sħiħa l-ħwejjeġ li dwarhom jittratta. Jingħad li hu korrott meta t-test preżenti jvarja mill-oriġinal. Il-kredibbiltà mela tħaddan kemm l-idea tal-veraċità tar-rekordji kif ukoll il-purità tat-test. 

“Il-Patt il-Qadim bl-Ebrajk (li kienet il-lingwa nattiva tan-nies t’Alla fil-qedem) (Rumani 3:2), u l-Patt il-Ġdid bil-Grieg (li meta nkiteb kien l-ilsien l-iżjed magħruf ġeneralment mill-ġnus) kienu direttament imnebbħa minn Alla, u nżammu safja matul iż-żminijiet sussegwenti bil-ħarsien straordinarju u l-providenza tiegħu. Għaldaqstant huma awtentiċi, tant li fil-kontroversji kollha tar-reliġjon il-knisja jeħtiġilha tappella għalihom bħala finali (Isa.8:20). Imma peress li dawn l-ilsna oriġinali mhumiex familjari għan-nies kollha t’Alla li għandhom dritt għall-Iskritturi u interess fihom, u li huma kmandati jaqrawhom (Atti 15:15) u jfittxuhom (Ġwanni 5:39) fil-biża’ t’Alla, l-Iskritturi għandhom għalhekk ikunu tradotti għal-lingwa ordinarja ta’ kull ġens fejn jaslu (1 Korintin 14:6,9,11-12,24,28), biex hekk, bil-Kelma t’Alla tgħammar bil-għana f’kulħadd, in-nies tkun tista’ tqim ’l Alla b’manjiera aċċettabbli, u permezz tas-sabar u l-faraġ tal-Iskritturi jkollha t-tama (Kolossin 3:16; Rumani 15:4)” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:8).

Minn dan jidher li l-Iskrittura tinsab għad-dispożizzjoni tagħna, bla mittiefsa, għax kienet priżervata providenzjalment. Jirriżulta allura li neħtiġuha; mela hemm bżonn ukoll tkun tradotta f’ilsna kontemporanji jiftiehmu. Għandna mandat għal dax-xogħol, u hemm għan prattiku għat-traduzzjoni tal-Bibbja. Din il-ħidma hi fejjieda minħabba l-fatt li l-Bibbja hi veraċi u kredibbli. 

Hemm erba’ fatti ewlenin li jistabilixxu l-kredibbiltà tal-Patt il-Ġdid. Dawn huma:


1. Il-kittieba tal-Patt il-Ġdid kienu kompetenti.

2. Il-kittieba tal-Patt il-Ġdid kienu onesti u nies ta’ integrità.

3. Il-kitbiet tagħhom jarmonizzaw flimkien.

4. Ir-rekordji tagħhom jaqblu mal-istorja u l-esperjenza.

  • Huma awturi kompetenti.

Kienu kwalifikati biex jagħtu xhieda u jgħallmu verità divina. Mattew, Ġwanni u Pietru kienu dixxipli ta’ Kristu u xhieda okulari ta’ għemilu; semgħu tagħlimu direttament. Marku, skont Papija, kien l-interpretu ta’ Pietru u kiteb bir-reqqa dak li ftakar mit-tagħlim ta’ Pietru. Luqa kien sieħeb Pawlu u, skont Irenew, irrekordja fi ktieb l-evanġelju pritkat minnu. Pawlu kien definittivament imsejjaħ u maħtur minn Kristu, u jisħaq li rċieva l-evanġelju direttament mingħand Alla (Galatin 1:11-17). Ġakbu u Ġuda kienu ħut Kristu, u l-messaġġi tagħhom jaslulna fuq dan l-isfond. Kollha kienu mlibbsa bl-Ispirtu s-Santu u allura kitbu mhux biss mill-memorja, mix-xhieda orali u miktuba, jew b’dixxerniment spiritwali, iżda bħala kwalifikati mill-Ispirtu għal dan il-kompitu (Ġwanni 15:26-27; 14:26).


  • Huma kittieba onesti. 

It-ton morali ta’ kitbiethom, l-istima evidenti li kellhom lejn il-verità, u ċ-ċirkostanzi tar-rapporti tagħhom jindikaw li ma kinux qarrieqa deliberattivi, iżda nies retti u onorabbli. L-istess ħaġa hi wkoll apparenti mill-fatt li x-xhieda tagħhom ipperikolat l-interessi tagħhom f’did-dinja, bħalma hi l-qagħda soċjali tagħhom, il-prosperità materjali u saħansitra ħajjithom. X’seta’ kien il-motiv tagħhom li vvintaw storja li tikkundanna l-ipokrisija u teħodha kontra t-twemmin li wirtu huma lkoll, jekk kellhom iħallsu prezz daqshekk għoli għaliha? 

  • Il-kitbiet jarmonizzaw flimkien.

Flimkien id-dokumenti kollha joffru evidenza favur il-veraċità tal-Patt il-Ġdid. Is-Sinottiċi ma jikkontradixxux iżda jissupplimentaw lil xulxin. Id-dettalji tal-Evanġelju skont Ġwanni jistgħu jiffittjaw flimkien mal-ewwel tliet Evanġelji f’unità armonjuża. L-Atti jfornina bi sfond storiku għal għaxar epistoli ta’ Pawlu. Il-Pastorali m’għandhomx għalfejn ikunu mdeffsa fil-ġrajja tal-Atti, għax fl-ebda waħda minnhom mhu intimat li nkitbet fil-perjodu tal-Atti. L-Ittra lill-Ebrej u l-Epistoli Ġenerali, kif ukoll ir-Rivelazzjoni, jistgħu jkunu ffittjati fl-ewwel seklu mingħajr ma ssir vjolenza għall-kontenut tagħhom. 

Dottrinalment il-kitbiet kollha jaqblu. Kristu hu divin fis-Sinottiċi kif ukoll fl-Evanġelju skont Ġwanni. Pawlu u Ġakbu ma jikontradixxux lil xulxin, iżda jippreżentaw il-fidi u l-opri minn perspettivi u sensi differenti. Hemm differenza fl-enfasi, iżda mhux fil-konċett fondamentali. Hemm progress fl-iżvolġiment tad-dottrina mill-Evanġelji għall-Epistoli, iżda mhux kontradizzjoni. Is-sebgħa u għoxrin ktieb jippreżentaw stampa armonjuża ta’ Ġesù Kristu u xogħlu. Dan jargumenta favur il-veraċità tar-rekordju.

  • Id-dokumenti jarmonizzaw mal-istorja u l-esperjenza. 

Il-kredibbiltà tal-Patt il-Ġdid tirriżulta wkoll mill-fatt li jaqbel mal-istorja u l-esperjenza. Insibu skoss referenzi għall-istorja kontemporanja fil-Patt il-Ġdid, fosthom dawn:


1. Iċ-ċensiment meta Kirinu kien gvernatur tas-Sirja (Luqa 2:2).

2. L-atti ta’ Erodi l-Kbir (Mattew 2:16-18).

3. L-atti ta’ Erodi Antipa (Mattew 14:1-12).

4. L-atti ta’ Agrippa l-Ewwel (Atti 12:1).

5. L-atti ta’ Galljo (Atti 18:12-17).

6. L-atti ta’ Agrippa t-Tieni (Atti 25:13-26:32), u l-bqija. 


Ħadd ma kellu l-ħila jagħti prova li r-rapporti bibliċi huma kontradetti minn fatt wieħed meħud minn sorsi affidabbli oħra.

Rigward l-esperjenza, ngħidu li jekk nistqarru l-eżistenza t’Alla pesonali, omnipotenti u ta’ mħabba, il-mirakli mhux biss huma possibbli iżda wkoll probabbli. It-tali għeġubijiet saru biex jattestaw ir-rivelazzjoni t’Alla meta ngħatAtti  Iżda issa li l-Kristjaneżmu hu introdott u stabbilit, mhumiex iżjed meħtieġa għal dal-għan. U dak li dwaru jitkellem il-Patt il-Ġdid, inkwantu l-konverżjoni, komunjoni m’Alla, taqdis u l-bqija, jisperjenzjawh ħafna nies.