Ġesù jikkonferma l-Bibbja



It-terminu legali, “il-Liġi t’Alla,” hu wieħed mid-deskrizzjonijiet veri u xierqa tal-Bibbja sħiħa. Billi jissuġġerixxi ħsieb l-imperu jew dominju divin, hu titolu rilevanti u adatt meta għandna f’moħħna l-awtorità tal-Iskrittura.

Meta l-gvern jgħaddi xi liġi ġdida, l-ewwel proċedura hi d-diskussjoni u l-preżentazzjoni tal-liġi maħsuba. Dil-liġi ssir operattiva u effettiva malli tkun ratifikata. Fil-każ tal-Amerika jeħtieġ il-firma tal-president. Naraw żewġ fażijiet: il-ħolqien u preżentazzjoni ta’ liġijiet, kif ukoll l-approvazzjoni mill-ogħla awtorità fil-pajjiż.

Nosservaw li l-emanazzjoni tal-Iskrittura minn Alla bħala b’nifsu, l-influwenza divina li ddeterminat x’jinkiteb mill-awturi umani, u l-kontroll divin ta’ ġemgħat kbar ta’ nies li essenzjalment qablu flimkien x’kienet Skrittura kanonika jew le, assiguraw il-liġi perfetta.

Iżda l-forza tagħha narawha iżjed u iżjed billi s-Sultan tas-slaten approva u ċċertifika l-Iskrittura bħala l-Kelma t’Alla. Min-naħa divina ta’ persuntu, Ġesù Kristu approva l-Kelma t’Alla; fuq in-naħa umana kien suġġett għaliha. Bħala s-Sultan li awtentika l-Iskrittura, Kristu ma kienx sempliċement wieħed li tkellem favur l-orakli t’Alla. Ma kienx qed joffri opinjoni ta’ profeta, qassis jew sultan uman, għalkemm jokkupa għal dejjem dawn il-karigi. Attesta l-Kitbiet Imqaddsa bħala t-tieni persuna tat-Trinità. Din l-approvazzjoni min-naħa ta’ Bin Alla ma żżid xejn mal-ispirazzjoni jew karattru sopranaturali tal-Bibbja; aktarx ta prova inkonfutabbli darba għal dejjem li hi l-Kelma t’Alla, u taha awtorità assoluta bħalma l-firma tal-president tgħaddi u tirratifika l-liġi tal-pajjiż.

Niżbaljaw jekk nimmaġinaw li l-awtorità tal-Bibbja hi investita primarjament fil-kwalità t’awturi umani jew f’xi azzjonijiet ta’ kwalunkwe xorta meħuda minn Iżrael jew il-knisja. Il-leħen t’Alla, attestat mill-Iben, u l-użu tal-Iskrittura mill-Ispirtu, jifformaw il-bażi tal-awtorità kanonika. Fl-aħħar mill-aħħar, l-awtorità traxxendenti tal-Iskrittura tinsab f’Alla Trinità, u mhux f’xi kooperazzjoni umana. Hekk Alla nnifsu jitkellem, jitkellem dwaru nnifsu, u l-orakli tiegħu jwasslu għalih innifsu. F’das-sens sublimi, l-Iskrittura hi teoloġika, morali u vitali.

L-Erba’ Vanġeli fihom iżjed minn ħamsa u tletin referenza diretta u kwotazzjonijiet mill-Iskrittura, magħmulin minn Bin Alla. Dawn mhux biss jirrekordjaw ix-xhieda tiegħu rigward il-karattru divin u l-ispirazzjoni verbali tal-Iskrittura, iżda meħudin f’daqqa jikkontemplaw il-Patt il-Qadim fit-totalità tiegħu, u hekk iservu biex jiċċertifikawh fil-perfezzjoni plenarja tiegħu. Permezz ta’ dan l-użu estensiv tal-Patt il-Qadim, Ġesù Kristu jqiegħed is-siġill irjali tiegħu fuqu u jiddikjarah illi għandu jkun stmat bħalma hu tassew, il-Kelma t’Alla.

Meta Kristu qal, “Jien hu...l-verità” (Ġwanni 14:6), allega wisq iżjed mill-fatt li hu veru u ma jistax jigdeb. Hu ddikjara lilu nnifsu bħala l-Verità, u fis-sens li hu t-tema ċentrali tal-Iskrittura tal-Verità. Hu “l-Ammen, ix-Xhud fidil u veru” (Rivelazzjoni 1:5; 3:14; cf., Isaija 55:4). Qal, “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġwanni 18:37) – mhux sempliċement xhud għall-valur morali tal-verità, iżda xhud għall-Kelma t’Alla. “Kelmtek hi l-verità” (Ġwanni 17:17). Meta qal, “Għalhekk ġejt fid-dinja,” poġġa fuq livell għoli l-ministeru ta’ attestazzjoni tiegħu; infatti qal li hu għan primarju tal-inkarnazzjoni.

Bl-istess ħsieb, l-appostlu jgħid, “illi Kristu sar serv taċ-ċirkonċiżjoni biex juri l-veraċità t’Alla, ħalli jikkonferma l-wegħdi mogħtija lill-missirijiet” (Rum.15:8). Hu tabilħaqq dak li kkonferma dawn il-Kitbiet li fi żmienu kienu identifikati bħala “l-Iskrittura,” li dwarha qal li ma tistax tkun nieqsa (Ġwanni 10:35). Għalhekk, persuna fit-Trinità żżid l-approvazzjoni rjali għal-liġi t’Alla.

Dan ma jkoprix biss il-Patt il-Qadim; niftakru li Kristu ħatar u kkummissjona lill-awturi tal-Patt il-Ġdid. “Għidtilkom dawn il-ħwejjeġ meta għadni magħkom; imma l-Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier se jibgħat f’ismi, hu se jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għidtilkom jien” (Ġwanni 14:25-26). Hekk ġara: ħallewlna kitbiet illi huma awtentiċi, bla żball, u joffrulna t-tagħrif meħtieġ dwaru nnifsu. Tkellem mis-sema billi qal, “Min jixhed dawn il-ħwejjeġ” (Rivelazzjoni 22:20), u dan intqal rigward il-qanun tal-Patt il-Ġdid (Rivelazzjoni 22:18-19).