Differenzi fil-filosofija tat-traduzzjoni



Kif rajna, l-approwċ tat-traduttur formali hu radikalment differenti mill-approwċ tat-traduttur dinamiku. Allura inevitabbilment ir-riżultat, it-traduzzjoni tagħhom, se tkun differenti ħafna minn xulxin. Se nillimita ruħi billi nqabbel it-traduzzjoni, Il-Patt il-Ġdid, pubblikat minn QUM (nirreferi għalih bħala “A”), ma’ Il-Bibbja (il-ħames edizzjoni, 2020), pubblikat mill-Għaqda Biblika (nirreferi għaliha bħala “B”). Hawnhekk se nġib biss eżempju wieħed biex nikkjarifika l-punt tiegħi. 

1.

L-EF tistma kull kelma bħala importanti; l-ED tfittex il-ħsieb wara l-kliem, l-ewwel u qabel kollox. 

A: “Għax dak li hu impossibbli għal-liġi, filli kienet imdgħajfa mil-laħam, Alla għamel: billi bagħat l-Iben tiegħu nnifsu f’xebh ta’ laħam ta’ dnub u bħala offerta rigward id-dnub, ikkundanna d-dnub fil-laħam” (Rumani 8:3). 

L-istess vers hu tradott hekk minn B: “Għax dak li ma felħitx tagħmel il-Liġi, għax kienet bla saħħa minħabba l-ġisem, għamlu Alla meta bagħat ’l Ibnu stess f’sura ta’ ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub. B’hekk ikkundanna d-dnub fil-ġisem.” 

2.

L-EF iżżomm il-forma grammatikali kemm jista’ jkun tal-oriġinal, mentri l-ED tħossha ħielsa twarrabha biex tadotta l-forma tal-lingwa kontemporanja. 

A1: “...salvana, mhux minħabba l-opri li konna għamilna fil-ġustizzja, iżda skont il-ħniena tiegħu, bil-ħasil tar-riġenerazzjoni u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, li sawwab fuqna bl-għana permezz ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna, sabiex, ġustifikati bil-grazzja tiegħu, insiru werrieta skont it-tama tal-ħajja eterna” (Titu 3:5-7).

B1: “...hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid ta’ l-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opra tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. Dan l-Ispirtu hu sawwbu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skond it-tama li għandna.”

3.

L-EF tinterpreta biss meta bilfors; l-ED tinterpreta l-ħin kollu, anzi l-interpretazzjoni hi fiċ-ċentra tal-metodu tagħha. 

A1: “Imma rrealizza dan, illi fl-aħħar jiem għad jiġu żminijiet diffiċli” (2 Timotju 3:1). 

B1: “Dan għandek tkun taf: li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes.”

N.B. Skont il-Patt il-Ġdid, “l-aħħar jiem” hu l-perjodu sħiħ bejn l-ewwel u t-tieni miġja ta’ Ġesù (At.2:17; Ebr.1:1-3; 2 Pt.3:3-4), u mhux il-perjodu qasir qabel l-aħħar tad-dinja. Għal darb’ oħra, kieku saret traduzzjoni normali, bħalma hi A, dan l-iżball kien jiġi evitat faċilment!

4.

Niġġudikaw bejniethom biss fid-dawl tal-Kelma t’Alla. Il-mistoqsija primarja hi: jirrispettaw l-ispirazzjoni verbali u plenarja tal-Iskrittura, jew le? L-EF tirrispettaha; it-tradutturi li jadottaw l-ED, filwaqt li sikwit jistqarru li jemmnu fl-ispirazzjoni verbali, għemilhom juri l-kuntrarju. It-traduzzjoni tagħhom tikkontradixxi dak li jistgħu jistqarru b’fommhom. Kull metodu ta’ traduzzjoni li jabbanduna l-impenn lejn l-ispirazzjoni verbali jinsab f’konflitt serju ma’ din id-dottrina importanti mgħallma fl-Iskrittura nfisha. Inġibu eżempju:

A1: “...minħabba t-tama riservata għalikom fis-smewwiet” (Kolossin 1:5).

B1: “...minħabba t-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet.” 

5.

L-EF tilqa’ l-ispirazzjoni verbali u plenarja bħala kruċjali u fondamentali matul il-proċess kollu tat-traduzzjoni. L-ED hi aktar interessata fit-teorija tal-komunikazzjoni moderna, l-antropoloġija kulturali, u s-soċjoloġija moderna; allura t-traduzzjoni hi neċessarjament preġudikata. 

A1: “Lili, l-iżgħar nett fost il-qaddisin kollha, kienet mogħtija dil-grazzja: nipprietka lill-Ġentili l-għana insondabbli tal-Kristu, u ndawwal lil kulħadd x’inhi l-amministrazzjoni tal-misterju li fiż-żminijiet mgħoddija nżamm moħbi f’Alla, li ħalaq il-ħwejjeġ kollha” (Efesin 3:8-9). 

B1: “Lili, l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, ngħatatli din il-grazzja li nxandar fost il-pagani l-Evanġelju tal-għana ta’ Kristu, għana li ebda moħħ ma jista’ jifhmu, u li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-misteru, li kien moħbi sa minn dejjem f’Alla li ħalaq kollox.”

N.B. Fl-ewwel edizzjoni (1984), flok “sa minn dejjem” insibu “sa minn mijiet ta’ snin.” Dan, flimkien ma’ istanzi oħra fir-reviżjoni, juri kemm it-tradutturi huma soġġettivi fit-traduzzjoni. Flok jittraduċu jidher li qed jipprovaw jindovinaw x’kellu f’moħħu Pawlu, flok x’kiteb attwalment!

6.

L-EF hi gwidata mill-bidu sat-tmiem mill-ispirazzjoni verbali u plenarja. Kull kelma tgħodd! Allura tagħti attenzjoni lil kull kelma fit-test bibliku. L-ED hi msejsa fuq ir-ramel ta’ ispirazzjoni konċettwali (li hi falza u noneżistenti), kif ukoll fuq ix-xjenzi u filosofiji umanistiċi.

A1: “Imma meta rrifletta fuq dan, ara, anġlu tas-Sid deherlu f’ħolma” (Mattew 1:20). 

B1: “Meta kien għadu qed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm.”

7.

Il-presuppożizzjonijiet tal-EF huma konsistentement biblici; il-presuppożizzjonijiet tal-ED huma teoriji moderni li jeħduha kontra l-Iskrittura nfisha, bir-riżultat illi t-traduzzjoni fuq l-ED hi aktar interpretazzjoni milli strettament traduzzjoni. Sikwit, allura, tgħawweġ il-Kelma t’Alla jew tħalli lill-qarrej b’tifsira limitata jew inadegwata, għas-sempliċi raġuni li t-traduttur ma jkunx fehem sewwa l-kliem tal-Iskrittura. 

A1: “U nafu illi kollox jaħdem flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu ’l Alla, għal dawk li huma msejħin skont l-għan tiegħu. Għax lil min kien jafhom minn qabel, ukoll ippredestinahom biex ikunu kkonformati mal-immaġni ta’ Ibnu, ħalli jkun hu l-primoġenitu fost ħafna aħwa” (Rumani 8:28-29). 

B1: “Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom. Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa.” 

8.

Bl-EF, fejn il-pass bibliku hu ambigwu, it-traduzzjoni hi wkoll ambigwa; bl-ED il-qarrej hu marbut għal interpretazzjoni waħda skont kif ikun iddeċieda t-traduttur. Il-qarrej ta’ traduzzjoni bl-ED jassumi li qed jaqra l-Kelma t’Alla, mentri fil-fatt ikun qed jaqra x’ħaseb u x’ikkonkluda t-traduttur, u kif fisser il-kliem tat-test sagru. Jerġa’, ikun qed jaqra l-kliem skont kif it-traduttur prefera illi juża. 

A1: “M’iniex se nitkellem ħafna iżjed magħkom, għax ġej il-ħakkiem tad-dinja, u fija m’għandu xejn” (Ġwanni 14:30). 

B1: “M’iniex se nkellimkom iżjed fit-tul, għax il-Prinċep tad-dinja ġej. Kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel.” 

Dawn id-differenzi huma sinifikanti. Meta timmultiplikahom għal elf darba, imbagħad wieħed jintebaħ għala traduzzjoni partikolari hi superjuri għal traduzzjoni oħra. Traduzzjoni bl-EF tiftiehem xorta waħda, u twassal il-messaġġ sħiħ u bla mittiefes; traduzzjoni bl-ED tista’ tkun eħfef biex tinqara, iżda bil-prezz illi l-messaġġ jasal nieqes u mgħawweġ.