Il-bżonn u l-obbligu ta’ traduzzjoni tajba



Importanti niżvolġu d-dottrini bibliċi li jindirizzaw il-kustjoni tat-traduzzjoni tal-Bibbja nfisha, kif ukoll napplikawhom biex nifformulaw filosofija denja u adegwata sabiex issir traduzzjoni tal-aqwa kwalità. Il-Kristjan jeħtieġ ikollu kriterju sod biex jiddetermina liema traduzzjoni tgħodd għalih, jekk tabilħaqq jixtieq isir jaf xi kkomunika Alla magħna l-bnedmin. L-istandard suprem u finali, inkwantu l-Iskritturi tal-Patt il-Ġdid, huwa ovvjament id-dokumenti oriġinali kif miktuba bil-Grieg koinē, il-lingwa l-aktar popolari u magħrufa fl-Imperu Ruman fi żmien l-appostli.

Storikament id-dottrina evanġelika dwar l-awtorità finali tat-test Ebrajk (inkwantu l-Patt il-Qadim) u Grieg u l-ħtieġa ta’ traduzzjoni denja hi espressa hekk:

“Peress li dawn l-ilsna oriġinali mhumiex familjari għan-nies kollha t’Alla li għandhom dritt għall-Iskritturi u interess fihom, u li huma kmandati jaqrawhom (Atti 15:15) u jfittxuhom (Ġwanni 5:39) fil-biża’ t’Alla, l-Iskritturi għandhom għalhekk ikunu tradotti għal-lingwa ordinarja ta’ kull ġens fejn jaslu (1 Korintin 14:6,9,11-12,24,28) biex hekk, b’Kelmet Alla tgħammar bil-għana f’kulħadd, in-nies tkun tista’ tqim ’l Alla b’manjiera aċċettabbli, u permezz tas-sabar u l-faraġ tal-Iskritturi jkollha t-tama (Rumani 15:4; Kolossin 3:16)” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:8).

Din il-fehma hi prattikament l-istess kif imħaddna fl-Istqarrija ta’ Fidi ta’ Westminster, kif ukoll id-Dikjarazzjoni ta’ Savoy. Ebda traduzzjoni, tajba kemm hi tajba, ma tista’ tkun superjuri għat-test Grieg. Għall-kuntrarju, l-awtorità ta’ kwalunkwe traduzzjoni hi bbażata totalment fuq kemm jirnexxilha tirrifletti t-test Grieg.

Il-Kristjan hu responsabbli jagħżel l-aħjar traduzzjoni. Hu rikjest minnu illi jaqraha, jifhimha, jemminha u jobdiha. L-għażla ta’ traduzzjoni mhijiex l-istess bħall-għażla ta’ karozza bħallikieku m’hemm ebda standard ħlief il-preferenza soġġettiva tal-bniedem, jew ir-raġuni awtonoma tiegħu. Kieku hekk ma fadal ebda lok għall-kritika; kwalunkwe traduzzjoni hi awtomatikament vijabbli. Jekk it-traduzzjonijiet kollha huma aċċettabbli, allura l-Kristjan imissu jagħżel traduzzjoni li tolqtu jew togħġbu l-iżjed. Bħal f’epoka kerha tal-ġrajja tal-ġens Lhudi, kulħadd jispiċċa jagħmel dak li hu tajjeb f’għajnejh (Imħallfin 21:25).

Il-bniedem, naffermaw, mhuwiex l-arbitru tiegħu nnifsu, speċjalment f’qasam tant kruċjali għas-saħħa spiritwali tiegħu. L-awtonomija hi l-essenza tad-dnub u r-ribelljoni kontra Alla, li kellimna. Ladarba wasslilna kelmtu, m’għandna ebda dritt nibdluha, innaqqsuha, inżiduha jew ngħawġuha. Irridu nżommuha intatta. Il-Kristjan matur jagħraf illi għandu jkun kommess għall-awtorità assoluta tal-Iskrittura Mqaddsa biex tinterpretalu u tiddefinixxi kull aspett ta’ ħajtu. Jiċħad l-idea li l-għażla ta’ verżjoni tal-Bibbja hi kustjoni ta’ preferenza personali; jistqarr bla dubju illi f’dan l-aspett ukoll messu jkun, bħal dejjem, suġġett għall-prinċipji bibliċi. Preferenza personali għalih mhumiex argument tajjeb, bħalma ma jistax ikollna preferenzi personali fl-etika, pereżempju x’naħsbu dwar l-abort, is-serq jew l-idolatrija. Fuq kull qasam importanti għall-fidi, il-Bibbja tindirizzana u allura rridu nagħtu kas x’qed tgħidilna, inkluż, iva, il-qasam tat-traduzzjoni. Appena wieħed jifhem il-kriterji bibliċi għat-traduzzjoni tal-Bibbja, il-konfużjoni u l-inċertezzi jidbielu u saħansitra jgħibu.

Kif allura l-Kristjan se jiddetermina jew jiddeċiedi liema hi l-aħjar traduzzjoni? Billi jagħżel traduzzjoni ħafifa, mexxejja u b’Malti kemm jista’ jkun sempliċi? Billi jmur għal traduzzjoni popolari? Jew għal traduzzjoni antika, għax hi antika u allura ‘bilfors’ tajba? Billi jimxi fuq il-parir ta’ ħbiebu jew saħansitra tal-mexxejja reliġjużi tiegħu?

Mill-antik il-knisja għarfet u stqarret illi,

“L-imħallef suprem, li bih il-kontroversji kollha tar-reliġjon għandhom ikunu determinati, u li bih għandhom ikunu eżaminati d-digrieti kollha tal-konċilji, l-opinjonijiet ta’ kittieba antiki, u d-dottrini tal-bnedmin u ħassieba individwali ma jista’ jkun ħadd ħlief l-Iskrittura Mqaddsa, mogħtija mill-Ispirtu. U bil-verdett tal-Iskrittura għandna nkunu sodisfatti, għaliex huwa fl-Iskrittura, imwassla lilna mill-Ispirtu, li l-fidi tagħna hi finalment riżolvuta (Mattew 22:29-32; Efesin 2:20; Atti 28:23)” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:10).

Dejjem u f’kull każ ir-regola tibqa’ l-istess: fl-aħħar mill-aħħar niddeterminaw kull verità bl-Iskrittura biss! Jekk mhux hekk, allura se niddeċiedu liema hi l-aħjar traduzzjoni billi ninqdew bir-raġuni fallibbli umana. Flok ma l-Iskrittura tkun l-Imħallef, postha teħodulha r-raġuni umana, il-gosti jew il-ġudizzju tagħna nfusna, pożizzjoni totalment inaċċettabbli għall-Kristjan (2 Korintin 10:5).

Inressaq żewġ dottrini primarji bħala relevanti biex nassessjaw il-kwalità u l-affidabbiltà ta’ kwalunkwe traduzzjoni tal-Bibbja:

1. Id-dottrina tal-ispirazzjoni verbali u plenarja tal-Iskrittura.

2. Id-dottrina tal-priżervazzjoni providenzjali tal-Iskrittura.

Dawn se nikkonsidraw l-implikazzjonijiet tagħhom f’artikli oħra.