It-Textus Receptus



Mnejn inqala’ l-isem Textus Receptus? (Minn issa ’l quddiem se nirreferi għalih bħala TR). L-ewwel edizzjoni tat-test Grieg li ġiet ippubblikata kienet dik ta’ Desiderius Erasmus, f’Basle, fl-1516. It-tieni edizzjoni tiegħu ħarġet fl-1519, użata minn Martin Luteru għat-traduzzjoni Tedeska tiegħu. Aktar tard ġew ippubblikati bosta edizzjonijiet oħra, fosthom il-Complutensian Polyglot, l-edizzjoni ta’ Simon Colinaeus f’Pariġi, segwita minn dik ta’ Robert Stephens, maħruġa l-ewwel darba fl-1546. Dik tal-1551 baqgħet magħrufa bħala l-editio regia, jew l-edizzjoni rjali. Theodore Beza ppubblika diversi edizzjonijiet. Partikolarment dik tal-1598, u l-aħħar żewġ edizzjonijiet ta’ Stephens, kienu s-sorsi ewlenin użati għall-Verżjoni Awtorizzata. 

L-imsieħba Elzevir ippubblikaw edizzjonijiet tat-test Grieg f’Leyden fl-1624, l-1633 u l-1641, b’xi bidliet mir-reviżjonijiet imwaħħra ta’ Beza. Il-prefazju tal-edizzjoni ta’ Elzevir fl-1633 ta isem lil din il-forma tat-test, li hi s-sors għall-KJV, l-iStatenvertaling Olandiża tal-1637, u l-verżjonijiet Protestanti kollha tal-perjodu tar-Riforma – “Textum ergo habes, nunc ab omnibus receptum.” Minn dan “ir-reklam” ta’ editur, it-test ta’ Elzevir sar magħruf mal-Ewropa bħala t-Textus Receptus jew it-Test Milqugħ, u mal-korsa taż-żmien dawn it-titli saru assoċjati fl-Ingilterra mat-test ta’ Stephens tal-1550. 

L-edizzjonijiet ta’ Stephens, Beza u Elzevir jippreżentaw sostanzjalment l-istess test, u l-varjazzjonijiet mhumiex ta’ sinifikat kbir; rari jaffettwaw is-sens. 

It-TR hu t-test Grieg użat biex ġiet prodotta l-KJV. Kien it-test disponibbli dak iż-żmien għal dawk l-iskulari li ħadmu fuq it-traduzzjoni, li eventwalment saret it-traduzzjoni prinċipali bl-Ingliż. Ta’ min jgħid illi t-TR, bħala familja ta’ manuskritti, fih varjazzjonijiet. Għandu l-iktar alterazzjonijiet fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni. L-iskular wara t-TR kien Erasmus, li ħoloq l-ewwel edizzjoni stampata tal-Patt il-Ġdid bil-Grieg. 

Inċidentalment, Erasmus ma setax isib manuskritt komplut tal-Patt il-Ġdid, u ebda wieħed aktar kmieni mis-seklu tnax. Għaldaqstant kien kostrett juża diversi manuskritti għal partijiet diversi tal-Patt il-Ġdid. Għall-biċċa l-kbira ta’ xogħlu kellu jiddependi fuq żewġ manuskritti inferjuri mis-seklu tnax. Għall-Ktieb tar-Rivelazzjoni nqeda b’manuskritt ieħor tas-seklu tnax, li kellu l-aħħar folja nieqsa. Għal dis-sezzjoni, kif ukoll għal partijiet oħra fir-Rivelazzjoni fejn il-manuskritt kien diffiċli jinqara, Erasmus inqeda bil-Vulgata u traduċiha lura għall-Grieg! It-TR u l-KJV, konsegwentement, għandhom aktar versi żbaljati fi tmiem ir-Rivelazzjoni. 

Pereżempju, Rivelazzjoni 22:14 jaqra, “Imberkin dawk li jaħslu ċ-ċlieqen tagħhom, sabiex jiksbu l-jedd għas-siġra tal-ħajja, u jidħlu mix-xtabi fil-belt.” Flok “jaħslu ċ-ċlieqen tagħhom,” it-TR u l-KJV jaqraw, “jagħmlu l-kmandamenti tiegħu,” u allura għandna introdotta idea li wieħed jista’ jsalva bl-ubbidjenza tiegħu, xi ħaġa totalment kontradittorja għall-bqija tal-Patt il-Ġdid! Oħra, fir-Rivelazzjoni 22:19, flok “siġra tal-ħajja,” Erasmus bidilha għal “ktieb tal-ħajja.” Dawn huma kollha fatti innegabbli. 

Apparti minn dan, skribi diversi li għamlu kopji tal-Iskrittura ġieli biddlu t-test, jew għamlu xi tip ta’ alterazzjoni fih, speċjalment il-patrijiet fil-Medju Evu! Issa hu l-kompitu tal-kritiċi testwali biex jiddeterminaw liema huma dawn it-tibdiliet, billi jqabblu l-manuskritti kollha eżistenti u jevalwaw ix-xhieda u l-evidenza kollha disponibbli llum. Hekk ikunu jistgħu jagħtu test rikostruwit, l-aktar li jqarreb għad-dokumenti oriġinali ispirati. In-N hu r-riżultat ta’ dan l-istħarriġ paċenjuż u dedikat. 

Dan kollu qed ngħidu minħabba xi wħud li għandhom tant stima għolja lejn it-TR illi virtwalment jiċħdu x-xhieda ta’ manuskritti oħra. Illum it-Trinitarian Bible Society f’Londra tirrappreżenta lil dawk li jiffavorixxu t-TR. Jippreferu, f’ġieħ it-tradizzjoni ekkleżjastika, illi jibqgħu b’test inferjuri milli jilqgħu test prodott wara evalwazzjoni denja u xjentifika tal-manuskritti kollha eżistenti, bħalma hu n-N. 

Il-varjanti, meta wieħed jikkonsidrahom, sikwit huma insinifikanti, bħal “Alla” flok “Sid,” sikwit iż-żieda ta’ “Ġesù,” ma’ “Kristu” jew ma’ “Sid,” jew iż-żieda ta’ “Ammen” f’diversi postijiet, speċjalment fl-aħħar ta’ ktieb, jew iż-żieda ta’ “Ponzju” ma’ “Pilatu,” jew “skribi” ma’ “Fariżej.” Kultant il-kelma hi mibdula: “iben” flok “ħmar,” jew “Kristu” flok “Ġesù,” eċċetra. 

L-iktar importanti huma l-versi li llum, mill-istudju kritiku u komparattiv ta’ bosta iżjed manuskritti milli kienu għad-dispożizzjoni tat-tradutturi fis-seklu sittax u sbatax, huwa konkluż li ma kinux jifformaw parti mit-test oriġinali. Il-maġġor parti minnhom huma attwalment żidiet ta’ frażijiet jew sentenzi minn kotba oħra tal-Patt il-Ġdid, jew mill-istess ktieb, kif jidher fil-glossi. Dawn huma: Mattew 17:21; 18:11; 23:14; Marku 7:16; 9:24,26; 11:26; 15:28; Luqa 17:36; 23:17; Ġwanni 5:4; Atti 8:37; 15:34; 28:29; Rumani 16:24 u l-1 Ġwanni 5:7-8.

It-test Grieg modern tan-N ġie determinat minn paragun bir-reqqa ta’ ħafna aktar manuskritti li ġew skoperti wara li l-hekk imsejjaħ TR ġie stabbilit. L-impressjoni hi illi dawn il-versi hawn fuq iċċitati ġew imqaċċta kapriċċjożament. Ir-realtà, però, hi xorta oħra: dawn ġew miżjuda mill-kopjaturi hekk li daħlu u saru parti mit-test ta’ ħafna manuskritti, meta llum ikkonkludejna illi l-maġġor parti minnhom ġew ikkopjati minn partijiet oħra tal-Patt il-Ġdid. Dan jiġri speċjalment fis-Sinottiċi, f’passi paralleli. 

Il-varjanti jistgħu jinqasmu hekk:

1. Varjanti fl-ordni tal-kelma, ortografija, għadd (singular jew plural), persuna (l-ewwel, it-tieni, jew it-tielet), temp ta’ verbi, sostituzzjoni ta’ sinonimi, u oħrajn kważi bla ebda importanza. 

2. Grupp ta’ varjanti ieħor jista’ faċilment ikun identifikat bħala r-riżultat ta’ vista difettuża jew smigħ żbaljat daparti tal-iskribi li għamlu l-kopji. 

3. Biss ftit varjanti huma importanti jew sinifikanti għall-interpetazzjoni. 

4. Varjanti oħra huma fejn manuskritti jinkludu sentenza illi ma tidhirx f’manuskritti oħra. Dan jgħodd l-aktar għall-Vanġeli Sinottiċi. Normalment is-sentenza miżjuda tkun ittieħdet minn Vanġelu ieħor u inserita fil-pass paralleli. Dawn kollha huma indikati fil-glossi ta’ Il-Patt il-Ġdid (QUM). Il-qarrej m’għandux jaħseb illi ġew imnaqqsa mit-test, għax jara n-numru tal-vers maqbuż (pereżempju, Marku 9:46 u Luqa 17:36). Fir-realtà, it-tali vrus qatt ma kienu parti mit-test oriġinali, iżda kienu inseriti aktar tard (żidiet skribali), bħalma wkoll it-taqsim tal-Bibbja f’kapitli u versi bin-numri sar ħafna sekli wara li nkitbet. Inċidentalment, kien Stephen Langton illi beda biex qassam il-Bibbja f’kapitli, fis-sena 1227 w.K. Langton kien professur fl-Università ta’ Pariġi u aktar tard arċisqof ta’ Canterbury. 

Imbagħad Robert Stephanus, l-istampatur, fis-sena 1551 w.K. reġa’ qassam kull kapitlu f’versi għall-pubblikazzjoni tal-Patt il-Ġdid bil-Grieg. Il-Bibbja sħiħa, imqassma f’kapitli u versi, dehret l-ewwel darba fl-1571, xogħol ta’ Stephanus ukoll. Dan kollu hu konvenjenti għar-referenza u kwotazzjoni, iżda ma jirrifletti xejn affattu dwar id-deċiżjoni kritika li ċerti versi tħallew barra (għax ma kinux parti mit-test oriġinali). Dejjem irridu niftakru li kapitli u versi huma magħmula mill-bnedmin; kultant huma arbitarji u minn daqqiet oħra jinterfieru mas-sens tal-passaġġ (bħal pereżempju, ir-rakkont tat-Trasfigurazzjoni f’Mattew jibda f’16:28 u mhux mill-ewwel vers ta’ kapitlu 17).

 Allura l-fatt li xi versi tħallew barra mit-test m’għandux jiġi interpretat bħala tbagħbis mal-Kelma t’Alla, kif jagħmlu xi wħud li għalihom it-TR hu esklussivament it-test priżervat minn Alla. Dawn konvenjentement jinsew illi t-TR innifsu għandu l-varjazzjonijiet tiegħu. L-istorja tat-TR turina fiċ-ċar illi t-titlu, Textus Receptus, ma jirreferix għal edizzjoni waħda tal-Patt il-Ġdid fil-Grieg, iżda aktarx familja ta’ edizzjonijiet li huma differenti minn xulxin f’ċerti punti. Pereżempju, l-edizzjoni ta’ Stephanus (1550) u l-edizzjoni ta’ Elzevir (1633) huma diverġenti minn xulxin f’287 post. 

L-asserzjoni illi t-TR waħdu jippriżerva l-Kelma pura t’Alla hija indifensibbli. Il-ġrajja tat-TR innifsu hi evidentement ġrajja ta’ reviżjoni. Allura llum għala m’għandniex niddeterminaw, b’referenza u studju komparattiv ta’ għadd wisq ikbar ta’ manuskritti antiki, x’inhu t-test oriġinali tal-Patt il-Ġdid? L-aderenti tat-TR żammew lilhom infushom miftuħa għar-reviżjoni u korrezzjoni, meta l-evidenza testwali kienet relattivament żgħira. Mela kemm iżjed illum, meta l-evidenza testwali hi bil-wisq iżjed estensiva! B’daqshekk m’aħniex immaqdru t-TR; sempliċement qed ngħidu illi hu biss parti mill-evidenza sħiħa biex niddeterminaw x’inhu t-test oriġinali tad-dokumenti magħrufa bħala l-Patt il-Ġdid.