Il-priżervazzjoni providenzjali tal-Iskrittura



Dottrina oħra importanti biex biha niddeċiedu l-kwalità tat-traduzzjoni hi l-priżervazzjoni providenzjali tal-Iskrittura. It-twemmin tal-knisja hu hekk:
  • “Il-Patt il-Qadim bl-Ebrajk (li kienet il-lingwa nattiva tan-nies tal-qedem t’Alla) (Rumani 3:2), u l-Patt il-Ġdid bil-Grieg (li meta nkiteb kien l-ilsien l-iżjed magħruf ġeneralment mill-ġnus) kienu direttament imnebbħa minn Alla, u nżammu safja matul iż-żminijiet sussegwenti bil-ħarsien straordinarju u l-providenza tiegħu” (L-Istqarrija ta’ Fidi Battista [1689], 1:8).

Din hi l-fehma komuni fost l-Evanġeliċi kollha, għax huwa impossibbli illi Alla, li għoġbu jagħtina l-Iskritturi fis-safa tagħhom, iħallihom ikunu abbużati jew korrotti hekk li l-messaġġ tagħhom jisfa korrott jew essenzjalment mibdul. F’ġieħ il-verità u l-glorja tiegħu, Alla żamm Kelmtu milli tkun imħassra. Ladarba l-Iskrittura hi ispirata, għax ħarġet minn fomm Alla, il-priżervazzjoni tagħha mill-istess Alla għaref u omnipotenti hi meħtieġa. 

Ir-raġunament mhuwiex wieħed sempliċement uman, jew iserraħ biss fuq il-loġika. Hekk tafferma l-Iskrittura nfisha: 

  • “Imma huwa eħfef li s-sema u l-art jgħaddu milli jaqa’ qrajjen wieħed mil-Liġi” (Luqa 16:17). 
  • “Is-sema u l-art għad jgħaddu ’l hinn, imma kliemi mhux se jgħaddi ’l hinn” (Marku 13:31). 
  • “Il-kliem tas-Sid hu kliem pur; bħal fidda provata f’forn fuq l-art, irfinuta seba’ darbiet” (Salmi 12:6). 
  • “Għal dejjem, o Sid, kelmtek hi fissa fis-sema...Il-wegħda tiegħek hi pura qatigħ, għalhekk il-qaddej tiegħek iħobbha” (Salmi 119:89,140). 
  • “Kull kelma t’Alla hi ttestjata; hu tarka għal dawk li jsibu rifuġju fih. Iżżidx ma’ kliemu, li ma jċanfrikx, u toħroġ ta’ giddieb” (Proverbji 30:5-6). 
  • “Il-ħaxix jidbiel, il-fjura tisfuma, iżda l-kelma t’Alla tagħna tibqa’ għal dejjem” (Isaija 40:8; ara wkoll l-1 Pietru 1:23-25).

Ladarba l-ispirazzjoni hi minnha, il-priżervazzjoni hi mistennija u saħansitra neċessarja. It-tnejn imorru flimkien. Inutli Alla jagħti Kelmtu fis-safa tagħha biex imbagħad tisfa abbużata u meqruda mid-dgħufija umana jew il-perversità satanika.

Difatti hekk insibu. Fl-ewwel ħmistax jew sittax il-seklu mindu nkitbu d-dokumenti tal-Patt il-Ġdid, kellhom bilfors ikunu trasmessi billi jsiru kopji tagħhom bl-idejn. Mas-sekli ndiehsu diversi varjanti – differenzi ċkejkna bejn manuskritt u ieħor – iżda, kif se naraw, bla ebda importanza dottrinali serja. Kollox ma’ kollox l-istudjużi kollha jikkonfermaw il-fatt kif Alla eżerċita kontroll providenzjali u speċjali fuq l-ikkopjar biex hekk illum, bi studju komparattiv tal-manuskritti antiki li għadhom eżistenti, mas-6,000 b’kollox, inkunu nistgħu naslu għat-test oriġinali. 

Il-priżervazzjoni divina tassiguralna illi l-Iskritturi tal-Patt il-Ġdid (li flimkien ma’ tal-Qadim huma l-pedament tal-fidi tagħna u l-bażi tat-traduzzjonijiet tal-Bibbja) nżammu fl-integrità essenzjali tagħhom minkejja li saru kopji kontra kopji tagħhom, u minn dawn il-kopja reġgħu saru kopji oħra, indefinittivament, tul is-sekli, biex l-Iskritturi jiġu trasmessi. Il-grad ta’ integrità fl-evidenza tal-manuskritti hu wieħed tabilħaqq impressjonanti, kważi kważi mirakoluż fih innifsu.

Francis Turretin, teologu Riformista tas-seklu sbatax, juri kif l-integrità tal-Iskrittura u l-purità fit-trasmissjoni tagħha huma msejsa fuq il-providenza divina. 

  • “Alla xtaq jipprovdi għall-fidi tagħna billi ispira lill-kittieba sagri x’għandhom jiktbu, u billi ppriżerva l-Iskritturi kontra kull tentattiv tal-għedewwa illi għamlu minn kollox biex jeqirduhom. Hekk żammhom puri u bla taħsir sabiex il-fidi tagħna jkollha dejjem pedament stabbli” (Francis Turretin, Institutes of Elenctic Theology, 3 volumi, tradotti minn George M. Giger; editur, James T. Dennison, Jr. [Phillipsburg: Presbyterian and Reformed Publishing Company, 1992], 1:72). 

Nammettu, ovvjament, illi fil-manuskritti eżistenti hemm varjanti, iżda kif jgħid teologu ieħor tas-seklu 17, 

  • “Fejn hemm xi varjetà din hi dejjem fi ħwejjeġ ta’ importanza inqas jew inkella ta’ bla importanza. Alla bil-providenza tiegħu ppriżerva Kelmtu sħiħa, u ppermetta l-intrużjoni ta’ dil-varjetà minuri, fil-kopji illi għandna, biex nitqanqlu u neżerċitaw id-diliġenza tagħna fit-tfittxija ta’ Kelmtu” (John Owen, The Divine Original, Authority, Self-Evidencing Light, and Power of the Scriptures, in The Works of John Owen, 16-il volum. [Edinburgh: The Banner of Truth Trust, reprint ed., 1968], 16:301).
  • “Inżidu, illi l-Iskrittura fit-totalità tagħha, sħiħa kif mogħtija minn Alla, bla ebda telf, hi priżervata fil-kopji tal-oriġinali illi għad fadlilna...Fihom kollha, aħna ngħidu, hi kull ittra u qrajjen tal-kelma. Dawn il-kopji huma r-regola, l-istandard u t-test finali tat-traduzzjonijet kollha, antiki jew moderni, li bihom f’kollox għandhom ikunu eżaminati, provati, ikkoreġuti u emendati; u huma nfushom biss bihom infushom” (John Owen, Of the Integrity and Purity of the Hebrew and Greek Text of the Scripture, in The Works of John Owen, 16-il volum. [Edinburgh: The Banner of Truth Trust, 1968], 16:357).

Il-preżenza ta’ varjanti fil-manuskritti eżistenti u li ssopravivew matul is-sekli b’ebda mod ma tinnullifika d-dottrina tal-priżervazzjoni providenzjali tal-Iskrittura. Teologu Riformista famuż jispjega: 

  • “Għalkemm nagħtu lill-Iskritturi integrità assoluta, b’daqshekk m’aħniex ngħidu illi l-kopjaturi u l-istampaturi kienu ispirati (theopneustous), iżda biss illi Alla fil-providenza tiegħu għasses fuq l-ikkopjar tal-kotba sagri, hekk illi avolja ġew introdotti bosta erruri fil-manuskritti, dawn tista’ faċilment issir korrezzjoni tagħhom billi jitqabblu flimkien...Alla ma kellux għalfejn jirrendi lill-iskribi infallibbli, iżda biss jidderiġihom hekk illi xi ngħata oriġinarjament b’ispirazzjoni jista’ dejjem ikun determinat. Dan il-ktieb jisboq bil-wisq kull ieħor fil-purità tiegħu” (Francis Turretin, Institutes of Elenctic Theology, 3 volumi, traduzzjoni ta’ George M. Giger; editur, James T. Dennison, Jr. [Phillipsburg: Presbyterian and Reformed Publishing Company, 1992], 1:72-73).

Għandna għalfejn nithennew u nroddu ħajr lil Alla illi mhux biss tana Kelmtu, iżda ħarisha u għadha sal-lum fl-integrità sħiħa tagħha, sabiex il-fidi tagħna tkun imsejsa fuqha.