Għaliex "Il-Patt" u mhux "It-Testment" il-Ġdid?
Il-kelma Ebrajka għal “patt” hi “berith.” Pereżempju, il-patt li Alla stabilixxa ma’ Iżrael fi żmien Mosè kien essenzjalment alleanza, ftehim, kuntratt, jew trattat. L-idea essenzjali hi relazzjoni jew rabta, unjoni bejn Alla u l-bniedem. Alla joffri lill-bnedmin illi jkunu mseħbin miegħu abbażi ta’ kuntratt legali, jew patt li jorbot liż-żewġ partijiet. Filwaqt li l-patt jirriżulta f’xirka bejn Alla u l-bnedmin, hi xirka msejsa fuq termini formali u legali.
L-appostli ma kinux l-ewwel awturi li nqdew bil-kelma diathēke għall-kelma Ebrajka berith. Aktar minn mitt sena qabel, l-iskulari tas-Septwaġinta wkoll għażlu diathēke biex jittraduċu berith. Iżda dak iż-żmien, u meta nkitbu s-sebgħa u għoxrin ktieb tal-Patt il-Ġdid, diathēke ġeneralment kienet tfisser “testment.” Frattant jidher ċar illi l-kelma berith, kif użata fil-Patt il-Qadim, ma tfissirx testment.
Normalment b’testment nifhmu kitba b’qawwa legali magħmula għand nutar, li biha persuna tiddikjara x’tixtieq illi jsir mill-ġid u l-proprjetà tagħha wara li tmut. Dan it-tip ta’ arranġament hemm postu, iżda l-kelma nfisha ma jaqblilniex nużawha għall-patt li Alla jagħmel mal-bnedmin. Il-kelma Griega “diathēke” tfisser hekk fil-Galatin 3:15 u Ebrej 9:16-17 biss.
Il-bqija għandha tkun tradotta bħala “patt,” b’enfasi fuq l-idea ta’ kuntratt li jiddikjara r-rieda jew id-digriet t’Alla, li fih Alla waħdu jagħmel il-kondizzjonijiet; mhuwiex ftehim bejn żewġ ugwali. Insibuha f’dan is-sens fl-1 Korintin 11:25; 2 Korintin 3:6,14; Galatin 4:24; Ebrej 8:8; 9:4,15, u f’ħafna passi oħra.
Imqar meta l-patt stabilit fi żmien Mosè kien għadu operattiv, Alla ħabbar illi kellu jintroduċi patt superjuri (Ġeremija 31:31-34). Hu l-ftehim illi Alla jkun Alla ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù, billi jaħfrilhom u jagħrafhom bħala wliedu. Il-patt hu spjegat fil-kitbiet magħrufa bħala l-Patt il-Ġdid (Mattew 26:28; 1 Korintin 11:23-25; Ebrej 8:6-8).
Il-patt ġdid għandu qassis perfett, Ġesù Kristu (Ebrej 7:24-27), hu istitwit b’sagrifiċċju perfett u effettiv, imwettaq fuq il-Kalvarju (Ebrej 9:11-14; 10:12). Hekk dan il-patt hu wisq aħjar mill-arranġament li Alla kellu mal-Lhud fl-antik. Dak il-patt Mosajku issa għadda (Ebrej 8:13), iżda l-patt ġdid, ratifikat bid-demm ta’ Kristu (Lq.22:20), hu komplut u etern (Ebrej 9:15; 13:20).
Attwalment il-lingwa Griega kellha l-kelma sunthēke għal trattat, patt jew alleanza. Mela għalfejn it-tradutturi tas-Septwaġinta u l-appostli preferew il-kelma diathēke? Niskopru żewġ raġunijiet ewlenin:
- Diathēke ma tfissirx biss testment, iżda tissinifika wkoll dispożizzjoni, arranġament, jew aħjar patt.
- Il-patt t’Alla mhuwiex sempliċement ftehim bejn tnejn ugwali, jew trattat innegozjat. Il-kelma sunthēke tagħtina x’nifhmu ftehim bilaterali, fejn iż-żewġ partijiet jagħtu s-sehem tagħhom biex jintlaħaq ftehim finali. Ladarba l-patt divin hu tema biblika maġġuri, diathēke tqarreb wisq aktar għal arranġament unilaterali fl-oriġni tiegħu. Alla jieħu l-inizjattiva, jirrikkmandalna l-patt tiegħu, u aħna nirċevuh, iżda m’għandna ebda jedd ninnegozjaw m’Alla, nibdlu l-patt jew b’xi mod nimmodifikawh.
Ir-raġuni għala llum sikwit niltaqgħu mat-titli “Testment Ġdid,” “New Testament” u “Nuovo Testamento” hi għaliex Ġilormu, fil-Vulgata, iddeċieda li juża l-kelma Latina testamentum, u weħilna biha!
Frattant, meta wieħed ikun midħla tal-isfond lingwistiku u storiku, jintebaħ malajr illi t-titlu “Il-Patt il-Ġdid” hu aktar preċiż. Tissinifika ftehim solenni, kuntratt li jorbot, bħalma Alla istitwixxa ma’ Iżrael mal-Muntanja Sinaj, meta ħadhom bħala niesu u tahom il-liġijiet tiegħu (Esodu 19:3-6; 20:1-17; 24).
Minħabba f’hekk preferejt it-titlu “Il-Patt il-Ġdid” aktarx mit-titlu popolari, iżda inqas preċiż, “It-Testment il-Ġdid.”