It-test Grieg: in-Nestle-Aland


Kif rajna aktar kmieni, ladarba Alla tana l-Iskritturi b’ispirazzjoni verbali u plenarja, u ladarba żammhom matul is-sekli fl-integrità essenzjali tagħhom, traduzzjoni tajba tal-Bibbja jeħtieġ tkun rappreżentazzjoni affidabbli tal-Iskrittura awtentika t’Alla skont l-aħjar evidenza tad-dokumenti oriġinali kif insibuha fil-manuskritti kollha eżistenti, u mhux biss parti minnhom. Fil-fehma meqjusa tat-traduttur din insibuha fit-28 edizzjoni tan-Novum Testamentum Graece, l-edizzjoni l-iżjed reċenti fi żmien il-pubblikazzjoni ta’ din it-traduzzjoni. 

Eberhard Nestle (1851-1913) kien skular bibliku Tedesk, kif ukoll kritiku testwali, orjentalista, u editur tan-Novum Testamentum Graece. Ippubblika l-ewwel edizzjoni tan-Novum Testamentum Graece fl-1898. Ibbaża xogħlu fuq prinċipju sempliċi u frattant inġenjuż: qabad it-tliet edizzjonijiet prinċipali tal-Patt il-Ġdid bil-Grieg fi żmienu – ta’ Tischendorf, Westcott/Hort u Weymouth bħala bażi. (Aktar tard irrimpjazza l-aħħar waħda bl-edizzjoni ta’ Bernhard Weiss.) Fejn tnejn minnhom qablu flimkien, għażel il-qarjiet tagħhom, u t-tielet varjant poġġieh fl-apparatus. 

Aktar tard ibnu Erwin provda apparatus kritiku konsistenti billi wera evidenza minn manuskritti, traduzzjonijiet bikrija u ċitazzjonijiet patristiċi. Warajh kompla Kurt Aland illi qabad jiċċekkja l-apparatus kontra l-manuskritti Griegi u edizzjonijiet tas-Santi Padri. Din il-fażi ngħalqet fl-1963 bil-pubblikazzjoni tal-25 edizzjoni tan-Novum Testamentum Graece. Minn hawn ġie l-isem “Nestle-Aland.” (Minn issa ’l quddiem se nirreferi għalih bħala N). Hu r-riżultat ta’ studju estensiv, kritika bil-għaqal, u jagħti konsiderazzjoni lill-manuskritti kollha eżistenti qabel ma ttieħdet deċiżjoni. 

Illum hu l-istandard aċċettat kważi universalment bħala l-Patt il-Ġdid bil-Grieg; hu wżat għar-riċerka, edukazzjoni akkademika u prattika pastorali. Jipprovdi apparatus illi jagħmilha possibbli għall-qarrej biex jagħmel assessment kritiku tar-rikostruzzjoni tat-test inizjali Grieg. 

In-N huwa l-frott ta’ ħafna snin ta’ studju diliġenti u komparattiv, allura jixraq li nilqgħuh bir-rispett li jistħoqqlu. Tgħallimna ħafna, u bosta materjal ġdid ġie skopert mindu ġiet stampata l-King James Version. Din it-traduzzjoni Ingliża eventwalment stabiliet ruħha bħala l-Bibbja l-aktar popolari bl-Ingliż. Magħrufa wkoll bħala l-Verżjoni Awtorizzata (Authorized Version), ġiet ippubblikata oriġinarjament fl-1611 u riveduta tliet darbiet, b’diversi bidliet fit-test u aġġornamenti fl-ortografija; sal-1885, bejn il-kotba tal-Patt il-Qadim u l-Ġdid kellha passi u kotba apokrifi, erbatax b’kollox (li mhumiex ispirati). Minkejja l-lingwaġġ antikwat tagħha, għadha maħbuba minn għadd ta’ Kristjani llum. Se nkompli nirreferi għaliha bħala l-KJV. 

Mindu ġiet ippubblikata l-Verżjoni Riveduta fl-1881 (Revised Version), jerġa’, ħarġu għad-dawl ħafna fatti oħra li għandhom x’jaqsmu mat-test tal-Patt il-Ġdid. Frattant jibqa’ l-fatt li d-differenzi bejn in-N u t-TR huma infinitesimi meta paragunati ma’ x’għandhom komuni bejniethom. Id-differenzi, sikwit kbar, bejn it-traduzzjonijiet tirriżulta mill-fatt li waħda tkun maħduma fuq l-EF u l-oħra fuq l-ED, kif diġà spjegajna, aktarx milli għax waħda hi maħduma fuq in-N u l-oħra fuq it-TR.