It-traduzzjoni tal-Bibbja, ktieb ispirat



Nieħdu l-ewwel dottrina, ċoè l-ispirazzjoni tal-Bibbja. Għalkemm miktuba mill-profeti u l-appostli, il-Bibbja finalment mhijiex prodott sempliċement uman. L-awtur tagħha, fis-sens profond tal-kelma, hu l-Ispirtu s-Santu, li qanqal u gwida lill-awturi diversi x’għandhom jiktbu u kif jiktbuh. L-awturi sagri kienu mmexxija minn Alla biex infallibbilment jirrekordjaw u jgħaddulna, bl-istili letterarji u personali tagħhom, proprjament dak li riedhom l-Ispirtu tal-verità, li żammhom ħielsa minn kull żball jew ommissjoni kwalunkwe. L-awturi sagri kienu strumenti f’idejn Alla biex jikkomunika Kelmtu lilna. Dan il-fatt hu mifrux matul l-Iskrittura u sikwit hu dikjarat apertament u direttament:

  • “Jekk xi ħadd jidhirlu li hu profeta jew spiritwali, ħa jagħraf illi l-ħwejjeġ li qed niktbilkom huma l-kmandament tas-Sid. Imma jekk xi ħadd ma jirrikonoxxix dan, mhuwiex rikonoxxut” (1 Korintin 14:37-38).
  • “U minħabba f ’hekk aħna wkoll nirringrazzjaw ’l Alla kontinwament, għax meta rċevejtu kelmet Alla mismugħa mingħandna, aċċettajtuha mhux bħala kelmet il-bnedmin, iżda bħalma realment hi, il-kelma t’Alla, li wkoll topera fikom li temmnu” (1 Tessalonkin 2:13).
  • “Ebda profezija ma kienet miġjuba f’xi żmien bir-rieda tal-bniedem, iżda bnedmin imġorrijin mill-Ispirtu s-Santu tkellmu mingħand Alla” (2 Pietru 1:20).

L-oriġni u l-karattru divin tal-Bibbja kienu u għadhom mistqarra mill-knisja matul iż-żminijiet għax hekk tgħallem il-Bibbja dwarha nfisha. 

L-ispirazzjoni hi plenarja, ċoè tilħaq kull parti tal-Iskrittura, imqar partijiet minnha li jidhru inqas profitabbli minn partijiet oħra. Kollha hi mogħtija mill-Ispirtu s-Santu. Pawlu jfakkar lill-kollega tiegħu: 

  • “Mindu kont tarbija ilek taf l-Iskritturi sagri, li kapaċi jagħmluk għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi li hi fi Kristu Ġesù. Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba” (2 Timotju 3:15-17).

Il-lingwaġġ, il-vokabularju, l-istil, is-sintassi, it-tempijiet tal-verbi – kollox hu r-riżultat tal-gwida divina. Tant hu hekk li hemm argumenti fl-Iskrittura msejsa fuq l-użu ta’ kelma waħda (Galatin 3:16) u saħansitra fuq temp ta’ verb (Mattew 22:32)!

Jeżistu bażikament żewġ filosofiji ta’ traduzzjoni biblika: ekwivalenza formali jew ekwivalenza dinamika. (Minn issa ’l quddiem se nirreferi għalihom bħala EF u ED rispettivament). B’dispjaċir kbir ninnotaw illi l-parti l-kbira ta’ traduzzjonijiet moderni jsiru bl-ED. Dit-teorija ta’ traduzzjoni nibtet madwar nofs is-seklu għoxrin sforz l-influwenza ta’ skulari bħalma kienu Kenneth Pike u Eugene Nida. L-assunzjoni, gravament żbaljata, kienet illi dak li hu kkonsidrat l-aħjar għall-ħidma missjonarja pijuniera (fost tribujiet li l-lingwa tagħhom lanqas qatt ma nkitbet) jgħodd ukoll għat-traduzzjoni tal-Bibbja f’ilsna stabbliti, bħalma hu l-Malti, fejn ukoll il-poplu Malti għandu sfond storiku ta’ kultura Nisranija.

L-ED hi inaċettabbli wkoll għax indirettament tiċħad l-ispirazzjoni verbali u plenarja tal-Iskrittura. Dan hu żball serju u jħalli riperkussjonijiet tremendi, għad-dannu tal-knisja inġenerali u tal-Kristjan individwali. Dawk favur l-ED ikollhom, iridu jew ma jridux, jammettu illi l-ispirazzjoni testendi biss għad-dottrini u l-ħsibijiet inklużi fit-test bibliku, imma ma testendix għall-kliem innifsu tat-test. Jgħidu, direttament jew indirettament bil-prattika tagħhom, illi Alla ta lill-awturi sagri l-ħsibijiet, l-ideat, il-messaġġ jew il-konċetti, u ħalla f’idejhom kif setgħu jesprimuhom, billi jagħżlu kwalunkwe kliem li seta’ ġie f’rashom. Għalihom Alla ħalla d-deċiżjoni għall-għażla ta’ kull kelma f’idejn Mosè jew Isaija, f’idejn Luqa jew Mattew. Inqdew bis-sengħa tal-kitba u l-vokabularju tagħhom biex esprimew l-ideat li bihom nebbaħhom Alla. Allura jgħidu illi l-kliem tal-Bibbja mhuwiex essenzjali; biss l-ideat huma neċessarji. 

Dan il-konċett hu ċertament żbaljat; ma jistmax l-Iskrittura bħalma hi tassew. Kwalunkwe ħsieb bilfors irid ikun ikkomunikat permezz tal-kliem, altrimenti il-ħsieb jibqa’ biss ħsieb u ma jistax ikun imwassal minn moħħ għal ieħor. Il-kelma hi l-ġisem tal-ħsieb; mingħajrha l-ħsieb hu xi ħaġa astratta u inkomunikabbli. Neħħi l-kelma u tkun neħħejt il-ħsieb. Għalina l-bnedmin il-ħsieb divorzjat mill-kelma ma jeżistix. L-ideat u l-ħsibijiet jiddependu fuq il-kliem, u l-kliem jesprimihom. Issa meta Alla qanqal il-profeti u l-appostli biex jiktbu, tahom saħansitra l-kliem u mhux biss l-ideat.

  • “Imbagħad is-Sid medd idu u messli ħalqi, u s-Sid qalli, ‘Ara, poġġejt kliemi fuq fommok’” (Ġeremija 1:9).
  • “Issa aħna rċevejna, mhux l-ispirtu tad-dinja, iżda l-Ispirtu li hu mingħand Alla, sabiex nifhmu l-ħwejjeġ mogħtijin lilna b’xejn minn Alla, liema ħwejjeġ ukoll nitkellmuhom, mhux bi kliem mgħallem minn għerf uman, iżda bi kliem mgħallem mill-Ispirtu, ninterpretaw veritajiet spiritwali lil nies spiritwali” (1 Korintin 2:12-13).

Appena tibdel il-kliem tkun qed tibdel ukoll il-ħsieb: daqshekk il-kliem hu importanti!

Apparti dan, aħna mwissija solennement biex ma nbagħbsux mal-kliem tal-Iskrittura jew b’xi mod nabbużaw mill-kontenut tagħha kif ingħata.

  • “Oqogħdu attenti biex tisimgħu dan il-kliem kollu li nikkmandakom, sabiex jaħbat tajjeb lilkom u lil uliedkom warajkom għal dejjem, għax tkunu qed tagħmlu dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn is-Sid Alla tagħkom...Kulma nikkmandakom, oqogħdu attenti biex tagħmluh; iżżidux miegħu u lanqas tnaqqsu minnu” (Dewteronomju 12:28,32).
  • “Jien nixhed lil kull min jisma’ kliem il-profezija ta’ dal-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla se jżidlu l-flaġelli li huma miktubin f’dal-ktieb; u jekk xi ħadd ineħħi mill-kliem tal-ktieb ta’ dil-profezija, Alla se jneħħi sehmu mis-siġra tal-ħajja u mill-belt il-qaddisa, li huma miktubin f’dal-ktieb” (Rivelazzjoni 22:18-19).

Il-fehma konċettwali tal-ispirazzjoni, allura, tikkontradixxi l-ispirazzjoni verbali u plenarja tal-Iskrittura, u ma tistax tkun difiża mill-Iskrittura nfisha. Tirreduċi l-Bibbja għal ktieb ta’ ideat ispirati mwassla lilna bi kliem mhux ispirat!

Mill-banda l-oħra, traduzzjoni maħduma fuq l-EF, bħalma hu Il-Patt il-Ġdid, ippubblikat minn QUM, tirrispetta kull kelma u tfittex tagħtiha l-piż tagħha fit-traduzzjoni. Hi dit-tip ta’ traduzzjoni li taqbel mad-dottrina tal-ispirazzjoni verbali u plenarja tal-Bibbja. Inqas minn hekk mhuwiex aċċettabbli. Din it-traduzzjoni hi prodotta fl-osservazzjoni ta’ din il-verità bażika: kull kelma tal-Iskrittura hi importanti u jmissha tkun trattata bl-ikbar attenzjoni. 

Għaldaqstant, fuq dan l-isfond u fid-dawl ta’ din id-dottrina, din it-traduzzjoni, Il-Patt il-Ġdid, saret bil-konvinzjoni soda fl-ispirazzjoni plenarja u verbali tal-Iskrittura Mqaddsa, u allura fl-infallibbiltà tagħha. It-traduttur jemmen illi, għalkemm il-Patt il-Ġdid inkiteb bil-lingwa komuni Griega tal-ewwel seklu w.K., id-dokumenti nfushom huma essenzjalment uniċi u radikalment ogħla fil-kwalità minn kull letteratura oħra. Jinsabu f’kategorija apparti, għax ingħataw mingħand Alla, u allura m’għandha ebda jedd nieħdu libertajiet magħhom, u lanqas aħna msejħa biex b’xi mod nibdlu l-kliem jew is-sens tiegħu.