Ir-riżultat taż-żewġ filosofiji ta’ traduzzjoni


Il-vantaġġ primarju ta’ traduzzjoni b’ED hi ċ-ċarezza u lingwaġġ pjuttost ħafif. Imma anke hawn irridu nifhmu illi mhux kull parti tal-Bibbja hi ċara, u lanqas ma tuża dejjem vokabularju ħafif u bażiku għal kulħadd. 

Mill-banda l-oħra l-iżvantaġġi huma diversi, kif se nuri minn dan l-eżerċizzju komparattiv. Se nġib siltiet minn Il-Patt il-Ġdid (QUM) u It-Testment il-Ġdid (Għaqda Biblika), biex wieħed faċilment iqabbilhom flimkien. L-għan mhuwiex biex immaqdar, iżda biex jidhru d-differenzi spissi u kultant serji bejn iż-żewġ filosofiji ta’ traduzzjoni, l-EF u l-ED.

Irrid biss nuri li s-soġġettività m’hemmx lok għaliha fi traduzzjoni serja. Nemmen illi mhuwiex lant nilagħbu bil-Kelma Mqaddsa, bħallikieku għandna jedd nillapazzawha jew nonġruha skont il-fehma limitata tagħna, biex mingħalina nirranġawha jew nagħmluha tiftiehem aktar. It-tali aġir ċertament ma jsib ebda worant mill-Iskrittura nfisha, u m’għandux ikun imħaddem fi traduzzjoni standard tal-Bibbja. 

1.

Traduzzjoni bl-ED ikun fiha żieda ta’ kliem li m’għandu ebda sapport fit-test Grieg. Mhumiex żidiet illi t-traduttur sabha impossibbli milli jevitahom, minħabba n-natura tal-lingwa, iżda aktarx żidiet virtwalment kapriċċjużi, kważi kważi bħala kummentarju minsuġ fit-test bibliku nnifsu, li ma kienx ikun hemm bżonnhom kieku t-traduzzjoni saret b’mod aktar litteru. Il-ħasra hi illi l-qarrej ma jkollu ebda idea liema kelmiet jew frażijiet bil-Malti huma totalment barranin għat-test Grieg. (Bħala traduttur bl-EF, saħansitra ħadt ħsieb nindika kliem neċessarjament miżjud billi għamiltu fil-korsiv). 

Ngħiduha bla tlaqliq, imqar traduzzjoni bl-EF fiha żieda ta’ kliem, imma dan għax kultant hu inevitabbli, u sikwit kelma waħda Griega trid bilfors tiġi tradotta b’żewġ kelmiet Maltin jew anke tlieta. Il-każ hu kompletament differenti. Apparti minn dan, il-kelmiet Maltin “li,” “ta’,” u l-artiklu sikwit kellhom jiżdiedu fit-traduzzjoni għax hekk tiddomanda l-lingwa Maltija. Però ż-żieda ta’ kliem fi traduzzjoni bl-ED hi ta’ natura totalment differenti: dawn jistgħu jiġu evitati. Meta jiġu inklużi, il-qarrej jassumi li huma parti integrali mit-test sagru, u konsegwentement il-fehma tiegħu tbati.

Bħala eżempji, qabbel il-versi ċċitati hawn taħt biex tara d-differenzi bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi, fejn hemm żieda evidentement kapriċċjuża ta’ kelma jew kelmiet:

A1: “...u mbagħad iduru u jiżbranawkom” (Mattew 7:6). 

B1: “...u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom.”

A2: “...jekk int trasgressur tal-liġi, iċ-ċirkonċiżjoni tiegħek tkun saret nuqqas ta’ ċirkonċiżjoni” (Rumani 2:25). 

B2: “...Jekk int ma tħarisx il-Liġi ssir qisek pagan bla ċirkonċiżjoni.”

A3: “...u lanqas kwalunkwe ħliqa oħra mhi ħa tkun kapaċi tifridna mill-imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù Sidna” (Rumani 8:39). 

B3: “...u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” 

A4: “Maħbubin, din issa hi t-tieni epistola li qed niktbilkom, li fihom nistimula l-moħħ sinċier tagħkom billi nfakkarkom” (2 Pietru 3:1).

B4: “Din hi t-tieni ittra li qiegħed niktbilkom, ħuti għeżież. Fihom it-tnejn nifhem inqajjem fikom ħsibijiet sbieħ billi nfakkarkom f’dak li diġà tafu.” 

Ara wkoll Mattew 9:17; 12:29,33; 16:17,26; 18:6,34; 23:24,25,35,36; 24:43; 26:26,28.

Marku 1:21; 3:14,22,31; 4:8,12; 5:19; 9:42; 10:11,12,41; 11:23,24; 12:1; 14:30; 15:33.

Luqa 1:55,73; 2:15; 3:7,13,20; 4:32; 5:13; 6:4,16; 11:28; 13:1; 15:1,10,13; 20:20; 22:57,66; 23:11,50.

Ġwanni 1:42,47,48; 3:28; 4:38; 5:9,37,46; 6:36,61; 7:11; 8:11; 9:31; 10:8; 11:47,51; 12:6,26,35; 15:2,24; 16:11; 18:11; 19:1,13,21,22; 20:1.

Atti 2:14; 3:25; 4:13,23,24; 5:8,9,37; 6:1,3; 7:43; 8:4,25,40; 9:2,26; 11:29; 13:2; 14:3,13; 15:3,4,30,40; 16:4,11; 17:2,25; 18:2; 19:23; 20:4,21; 21:8,9; 22:4; 24:18,25; 28:23.

Rumani 1:4; 2:17; 3:11,24,26; 4:2,14,16; 5:16; 6:15; 7:18; 8:3,28; 9:20,21,25; 10:1 (db); 11:7,32; 15:8.

1 Korintin 6:16; 7:1,23; 16:22; 2 Korintin 2:12; 5:11,17; 6:15; 10:17; 13:4; Galatin 1:10; Efesin 1:3; 2:3,5; 6:15; Filippin 1:1 (db),29; 2:29; 1 Tessalonkin 1:4.

Ebrej 3:1; 7:14; 9:15; 12:7; 13:25.

1 Pietru 3:19; 4:12; 5:4,5; 2 Pietru 3:17; Ġuda 19; 1 Ġwanni 2:12,21; 5:18.

Rivelazzjoni 2:17; 6:12; 9:10; 15:5; 17:15.

2.

Kelmiet fil-Grieg huma sikwit imħollija bla riflessi fit-traduzzjoni. 

A1: “U għaliex issejħuli, ‘Sid, Sid,’ u ma tagħmlux il-ħwejjeġ li ngħidilkom?” (Luqa 6:46). 

B1: “Għaliex issejħuli, ‘Mulej,’ u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?”

A2: “U stqarr u ma ċaħadx, imma stqarr, ‘Jien m’iniex il-Kristu’” (Ġwanni 1:20). 

B2: “...hu stqarr bla ma ċaħad, ‘Jien m’iniex il-Messija.’”

A3: “U Pawlu qal, “Imma jien attwalment twelidt ċittadin” (Atti 22:28). 

B3: “U Pawlu qallu, ‘U jien twelidt hekk.’”

Ara wkoll Atti 15:3; Rumani 6:19.

3.

Sikwit kliem li jista’ faċilment ikun tradott litteralment hu mibdul kapriċċjożament, bla ebda raġuni evidenti. Dan hu żball gravi għax fil-maġġoranza tal-każijiet fejn traduzzjoni bl-ED temmen illi hemm bżonn kjarifikazzjoni jew spjegazzjoni jew bidla tal-oriġinal, l-awturi oriġinali nfushom setgħu esprimew ruħhom differenti iżda għażlu li ma jagħmlux hekk. L-appostli u l-profeti kellhom ir-riżorsi lingwistiċi biex jgħiduha kif it-tradutturi moderni bl-ED dawruhielhom. Pawlu seta’ inkuraġġixxa lill-fidili biex ‘jgħixu’ denjament tal-evanġelju minflok ma qallhom biex ‘jimxu’ denjament tal-evanġelju (Kolossin 1:10, GħBM). Prefera ‘jimxu,’ avolja seta’ faċilment kiteb ‘jgħixu.’ Għaliex it-traduttur m’għandux iħalliha kif kitibha hu, ‘jimxu’? It-tradutturi bl-ED jikklejmjaw illi hekk kellu intenzjoni jgħid. Imma l-intenzjoni ta’ awtur tinsab f’dak li attwalment kiteb. 

Imbagħad hemm ukoll l-inkonsistenza. Għaliex l-istess verb hu tradott ‘tgħixu’ fil-Kolossin 1:10 u mħolli ‘timxu’ fl-Efesin 4:1 u fl-1 Tessalonkin 2:12? Għaliex fil-Kolossin it-tradutturi ħassew il-bżonn jibdluh għal ‘tgħixu’ u m’għamlux l-istess fiż-żewġ passi l-oħra? 

Bħala aktar eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “Minħabba f ’hekk hi mill-fidi, sabiex tkun skont il-grazzja, ħalli l-wegħda tkun garantita għan-nisel kollu tiegħu, mhux biss għal dawk tal-liġi iżda wkoll għal dawk li huma tal-fidi t’Abraħam” (Rumani 4:16).

B1: “Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa’ sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-Liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta’ Abraħam.”

A2: “u t-tama ma tiddiżappuntaniex” (Rumani 5:5). 

B2: “U din it-tama ma tqarraqx bina.” 

A3: “Hekk mela jiddependi mhux minn dak li jkun irid, lanqas minn dak li jiġri, iżda minn Alla li jħenn” (Rumani 9:16). 

B3: “Mhux x’wieħed irid jew kemm jitħabat li jgħodd, iżda għal min Alla jħenn.”

A4: “Maħbubin, tivvendikawx erwieħkom b’idejkom, anzi agħmlu l-wisa’ għar-rabja t’Alla” (Rumani 12:19). 

B4: “Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi.”

Mattew 5:21; 8:28,31; 9:13; 12:18,20; 18:3,17; 19:27; 23:23; 24:30; 26:16,26,27; 28:9,17.

Marku 1:12,44; 4:4,15; 5:5; 6:1,21; 9:7,13; 10:8,13,28 (db); 11:14; 12:6,15,28; 13:9; 14:7 (db); 14:21,29,39,67.

Luqa 1:3,9; 3:2,4; 7:32; 8:2; 9:6; 12:19; 13:5,27; 18:30; 21:24; 21:28; 22:43,58,64.

Ġwanni 1:36,38; 4:18; 5:19,39; 7:18; 10:35; 11:3; 12:40; 14:27; 18:36; 20:2,18,30; 21:3,5.

Atti 1:14; 2:1,40; 4:15; 5:28; 7:59; 8:21; 9:26; 10:30,31,47; 11:28; 12:6,11,20 (db); 13:2; 14:5,15,19; 15:14,16,25,26,40; 16:16,31; 17:5,11,15; 17:24; 19:39; 20:10; 21:20,22; 22:3,4; 26:9,18 (db),25,26; 27:39,41; 28:1.

Rumani 1:4,5,14,20; 2:4,20; 3:13 (db); 5:7; 10:11,15.

1 Korintin 1:2,4,9; 2:2; 3:8,10 (db); 4:14; 5:6; 6:16 (db),17,20 (db); 8:1,7; 9:3,25 (db); 10:14,29; 12:7,23; 13:8 (tl); 15:9,56.

2 Korintin 5:19,20; 11:26; Efesin 1:3; 2:10,21; Filippin 1:19,21,27,28; 2:8,9,14,22; Kolossin 1:5; 3:16; 1 Timotju 6:12,13.

Ebrej 9:16; 12:7,9; Ġakbu 1:26,27; 2:19; 3:15; 1 Pietru 2:17; 3:7; 4:12; 2 Pietru 3:17; 1Ġwanni 2:7; 4:1,6,7; 3 Ġwanni 11.

Rivelazzjoni 2:6; 11:16; 17:5; 18:10 (db).

4.

Sikwit, kliem li għandu tifsira lessikali mod jingħata tifsira oħra għal ebda raġuni valida, bħallikieku t-traduttur għandu l-jedd juża l-immaġinazzjoni tiegħu u jnissel tifsiriet ġodda minn żniedu, jew inkella xi ħadd tah liċenzja lingwistika biex isawwar il-lingwa kif jixtieq u kif jogħġbu. Imbagħad, minn fuq, jikkritikaw tradutturi li jħaddnu l-EF bħala ultrakonservattivi li jiffissaw fuq il-kliem, flok l-ispirtu tiegħu.

(F’intervista fi Christianity Today, Nida, il-fondatur tat-teorija ta’ traduzzjoni bl-ED, ma jaħbix l-istmerrija tiegħu għal tradutturi li jaħsbu illi l-kliem oriġinali nnifsu jeħtieġ ikun tradott. Qal illi dawn in-nies huma ħatja illi “jaduraw il-kliem,” u illi “ma jifhmux it-test” [7 ta’ Ottubru, 2002: 46-49]).

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM:

A1: “Il-luħ tiegħu f’idu, u se jnaddaf sew il-qiegħa tiegħu, u għad jiġbor il-qamħ tiegħu fil-maħżen, imma l-karfa jaħraqha għalkollox b’nar li ma jintefiex” (Mattew 3:12). 

B1: “Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintfiex.” 

A2: “Tfal żgħar, m’għandkomx xi naqra ħut, hux?” (Ġwanni 21:5).

B2: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”

A3: “Għax jekk ir-rifjut tagħhom huwa r-rikonċiljazzjoni tad-dinja...” (Rumani 11:15). 

B3: “Għax jekk it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma’ Alla...”

A4: “Għax Alla sakkar lil kulħadd fid-diżubbidjenza sabiex iħenn għal kulħadd” (Rumani 11:32). 

B4: “Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.”

Ara wkoll Mattew 9:25; 10:37,38; 11:16; 12:46; 13:55; 14:12; 15:23; 16:16,18; 17:18; 18:4,21; 21:33,37; 23:4; 25:46; 26:31,39; 27:45,59.

Marku 1:45; 3:19; 3:31,34; 6:3,27,56; 9:33,34; 10:37,47; 11:23; 12:16,20,38,40; 14:51,54.

Luqa 1:48,52; 2:26,34,48,51,52; 3:17; 7:5; 8:12,27,29; 9:1,42; 12:28; 14:5; 16:8; 18:14; 20:35; 21:30; 22:1,54; 23:28,55; 24:3.

Ġwanni 1:43; 2:4,12; 3:19; 7:3,5,10; 8:35; 9:17,27; 10:6,10; 11:28; 12:13; 13:33; 19:13; 21:24.

Atti 4:13; 7:34,58,59; 8:3,34 (db); 9:37; 10:24; 11:2,24; 13:36,41; 14:2; 15:38; 16:19 (tl); 19:9 (db),18,25,29,31,35; 21:39; 23:22.

Rumani 1:23; 3:23,24,25; 6:17; 15:8.

1Korintin 10:4; 13:11; 15:2,21; 16:11; 2 Korintin 5:17; 11:29; Galatin 1:20; 2:10; 3:1,22; 5:9,10; Efesin 5:27 (db); Filippin 2:28,29; 1 Timotju 6:10; 1 Tessalonkin 3:11.

Ebrej 7:9; 1 Pietru 2:20; Ġuda 19; 1 Ġwanni 1:3 (db),7.

Rivelazzjoni 5:5; 13:2,18; 14:2 (db); 15:2. 

5.

Sikwit, bla ebda ħtieġa evidenti, flok traduzzjoni ssir parafrażi, ċoè t-traduttur jagħti s-sens jew qofol ta’ frażi jew sentenza fi kliemu (li mhux bilfors tkun it-tifsira intenzjonata u korretta). Kwalunkwe parafrażi hi perikoluża, għax hu minnu nnifsu eżerċizzju soġġettiv: wieħed jista’ jagħmel parafrażi mod u traduttur ieħor joħroġ b’parafrażi pjuttost differenti. 

Bħala eżempju, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...imma wlied is-saltna se jkunu mixħutin ’il barra fid-dlam, l-ibgħad” (Mattew 8:12).

B1: “...waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ’il barra fid-dlam.”

A2: “...imma Iżrael, billi insegwa liġi ta’ ġustizzja, ma rnexxilux jasal għall-ġustizzja ta’ dik il-liġi” (Rumani 9:31). 

B2: “...imma Iżrael, li kienu jfittxu l-Liġi li tieħu għall-ġustizzja, ma laħqux l-iskop tal-Liġi.”

A3: “...kif se naħarbu aħna jekk nittraskuraw salvazzjoni tant kbira? Wara li fil-bidu kienet mitkellma mis-Sid, kienet konfermata lilna minn dawk li semgħuh...” (Ebrej 2:3). 

B3: “...kif nistgħu neħilsuha aħna jekk inwarrbu salvazzjoni hekk k kbira? Din hi salvazzjoni li ngħatat l-ewwel bil-fomm tal-Mulej stess, u mbagħad wassluha sħiħa lilna dawk li semgħuh.”

A4: “...apparti dawn il-ħwejjeġ esterni, hemm kuljum il-pressjoni fuqi, ċoè, l-ansjetà tiegħi għall-knejjes kollha” (2 Korintin 11:28). 

B4: “U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha!”

Ara wkoll Mattew 17:25; 23:15,32; 24:51.

Marku 3:29; Luqa 3:8; 7:29,35; 11:17; 12:46; 16:19; 22:62.

Ġwanni 2:29; 5:31; 7:6; 8:43; 13:2,18; 14:22; Atti 2:29; 4:2,33; 5:36; 7:38,51,54; 10:45; 14:8,15; 15:21; 16:37; 17:11,30; 19:32; 20:21,26,35; 23:15; 27:34.

Rumani 4:19; 7:13; 8:3,24,28; 9:31; 10:21; 11:17,25; 13:6; 15:6.

1 Korintin 1:1,26; 4:4,5,16; 7:18; 15:32; 2 Korintin 7:15; 11:28,29; Galatin 2:4; 5:12; Efesin 3:9; Filippin 1:23; 2:6,25; 3:15,16; 2 Tessalonkin 2:2; 1 Timotju 6:10; 2 Timotju 4:6; Filemon 17.

Ebrej 11:11; 13:8; 1 Pietru 1:1; 2:13; 1 Ġwanni 3:8; Rivelazzjoni 4:1.

6.

Sikwit, imqar fejn tista’ ssir traduzzjoni mill-aktar sempliċi, għax il-Grieg hu sempliċi, it-traduttur bl-ED mingħalih jista’ juża l-libertà biex isebbaħ jew iżejjen il-pass. Strettament dan jagħmlu bla ebda raġuni valida. 

Bħala eżempju, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “Issa t-twelid ta’ Ġesù Kristu kien hekk. Meta ommu Marija kienet mgħarrsa ma’ Ġużeppi, qabel ma ġew flimkien instabet tqila mill-Ispirtu s-Santu: (Mattew 1:18).

B1: “It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu.” 

A2: “Imma jekk dak l-ilsir jgħid f’qalbu...” (Luqa 12:45). 

B2: “Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu...”

A3: “...bejna u bejnkom hemm iffissat dagħbien kbir...” (Luqa 16:26).

B3: “...hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna...”

A4: “Għal-libertà Kristu lliberana; ieqfu sħiħ, mela, u terġgħux tkunu suġġetti għal madmad ta’ jasar” (Galatin 5:1). 

B4: “Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar.” 

Ara wkoll Mattew 5:5; 8:4; 10:25; 11:29; 16:24; 17:27; 21:33; 23:3,15; 24:27; 26:58.

Marku 3:34; 4:3,14; 9:1,3,35; 11:18; 12:1,14; 14:33,66; 15:3.

Luqa 2:7; 8:23; 9:32; 10:40; 16:26; 20:40; 22:32.

Ġwanni 9:29; 10:38; 11:51.

Atti 13:40; 27:16; 1 Korintin 7:15; 15:31; 2 Korintin 9:11; Efesin 2:11.

7.

L-interpretazzjoni tal-Iskrittura hi preżentata bħallikieku hi l-Iskrittura nfisha. Dan hu nuqqas serju. Kieku hemm raġuni valida għala jsir hekk, paċenzja! Sikwit it-test hu interpretat meta faċilment jista’ jitħalla kif inhu, u t-traduzzjoni tkun mexxejja xorta waħda!

Bħala eżempji, ara d-differenza enormi bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...u aħfrilna djunna bħalma wkoll aħna ħfirna lill-midjunin tagħna; u ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-Ħażin” (Mattew 6:12-13).

B1: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. U ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.”

A2: “...li permezz tiegħu wkoll akkwistajna l-aċċess bil-fidi f’dil-grazzja li fiha ninsabu, u neżultaw fit-tama tal-glorja t’Alla” (Rumani 5:2). 

B2: “...permezz tiegħu għadna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.” 

A3: “Għalhekk issa m’hemm l-ebda kundanna għal dawk fi Kristu Ġesù” (Rumani 8:1). 

B3: “Mela issa ma hemm ebda kundanna għal dawk li jgħixu fl-għaqda ma’ Kristu Ġesù.”

A4: “...għax lilkom hu mogħti b’xejn, għal Kristu, mhux biss li temmnu fih, iżda wkoll li tbatu għalih” (Filippin 1:29). 

B4: “...għaliex lilkom ngħatat il-grazzja li sseru lil Kristu, mhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih.”

Ara wkoll Mattew 6:22-23; 11:19; 13:15; 16:25; 19:9,28: 20:15.

Marku 13:14; Luqa 7:30; 9:24; 10:29; 11:4; 17:29; 24:49.

Ġwanni 8:26; 14: 30; 14:17; 15:22,24; 18:37.

Atti 2:40; 9:2; 12:2; 15:20,29; 18:27; 20:21; 21:7,26; 22:16; 24:15; 27:25; 28:23.

Rumani 6:14; 7:5,7,25; 8:1,3,12,28; 11:2; 15:16.

1 Korintin 3:1; 9:21,27; 14:37; Galatin 5:5; 6:16; Filippin 2:12; 1 Tessalonkin 1:4; 2 Tessalonkin 2:2; 1 Timotju 3:2; 2 Timotju 3:1; Titu 3:7; 1 Pietru 2:2; 3:7; 1 Ġwanni 2:2. 

8.

It-terminoloġija teoloġika u diffiċli tal-Bibbja hi mnaqqsa drastikament jew eliminata biex minflokha jintuża vokabularju ħafif, imma ma jkun xejn preċiż fis-sens. Dan skont il-prinċipju fondamentali tal-ED illi l-qarrej għandu jiddetermina t-traduzzjoni, u mhux l-awtur sagru. Dan hu mistqarr liberament fil-prefazji ta’ bosta traduzzjonijiet bl-ED.

Pereżempju, il-Good News Bible tfittex “tesprimi t-tifsira f’manjiera u forma faċilment mifhuma mill-qarrejja.” “Il-lingwa metaforika hi sikwit diffiċli għall-qarrejja kontemporanji biex jifhmuha, għalhekk kultant għażilna nittraduċuha jew neliminawha” (NLT). “Billi għall-maġġoranza tal-qarrejja l-frażijiet ‘Sid tal-eżerċti’ u ‘Alla tal-eżerċti’ ftit għandhom sinifikat, dil-verżjoni tittraduċihom ‘is-Sid li jista’ kollox’ u ‘Alla li jista’ kollox’” (NIV). “Qarrejja moderni sikwit mhumiex familjari ma’ drawwiet antiki” (New Century Version). “Użajna l-vokabularju u l-istrutturi lingwistiċi ta’ student fil-junior high” (NLT). Dan kollu hu stqarrija illi flok ma żammew l-istandard tal-kitbiet ispirati, baxxewh biex mingħalihom isir aktar aċċessibbli. 

Bħala eżempju, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “U int, Kafarnaħum, jaqaw tgħollejt sas-sema? Sa Ħades għad titniżżel!” (Luqa 10:15). 

B1: “U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet!” 

A2: “U f’Ħades, kif kien fit-turment, refa’ għajnejh u ra ’l Abraħam

mill-bogħod...” (Luqa 16:23). 

B2: “Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraħam.” 

A3: “...u hu nnifsu l-propizjazzjoni għal dnubietna” (1 Ġwanni 2:2).

B3: “U hu jħallas għal dnubietna...”

A4: “U l-bqija tan-nies, li ma nqatlux b’dawn il-flaġelli, lanqas biss nidmu mill-għemejjel ta’ jdejhom, sabiex ma jadurawx aktar id-demonji...” (Rivelazzjoni 9:20). 

B4: “U l-bqija tal-bnedmin, li ma nqerdux b’dawn il-flaġelli ma reġgħux lura mill-għemejjel ta’ idejhom u anqas ma waqfu milli jinxteħtu jqimu d-demonji...”

Ara wkoll Rumani 3:25.

9.

Bl-ambizzjoni biex it-traduzzjoni tkun kemm jista’ jkun faċli, bosta kliem hu tradott b’mod simplistiku meta m’hemmx għalfejn. 

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...imma ssupponewh li hu fil-karwana...” (Luqa 2:44).

B1: “Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom...” 

A2: “U Levi għamillu riċeviment kbir f’daru” (Luqa 5:29). 

B2: “Mbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess.” 

A3: “Ebda wieħed, wara li jqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares warajh, mhu adatt għal saltnet Alla” (Luqa 9:62). 

B4: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura m’huwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.” 

A5: “Għax jekk, filwaqt li konna għadna għedewwa, konna rrikonċiljati m’Alla permezz tal-mewt ta’ Ibnu, bil-wisq iżjed, billi issa ninsabu rrikonċiljati, se nkunu salvati b’ħajtu; u mhux hekk biss, iżda wkoll neżultaw f’Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa rċevejna r-rikonċiljazzjoni” (Rumani 5:10-11). 

B5: “Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu? Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.” 

Ara wkoll Luqa 1:63; 2:25; 4:25; 7:43; 10:4; 11:33; 12:49; 13:7; 18:22; 20:37; 21:11; 23:7; 23:12,32,51.

Ġwanni 9:22; 21:15.

Atti 1:20; 2:11; 7:2; 8:31; 12:15; 14:12; 15:22,39; 17:5,9,30; 18:28; 21:1,13; 23:1,14,21; 24:2,10; 25:7,27; 28:2,23.

Rumani 1:23,31,32; 3:1; 4:14; 6:19; 11:21.

1 Korintin 14:40; Efesin 3:8; Kolossin 1:15; 1 Pietru 5:12; 2 Pietru 1:8.

10.

B’mod mill-iktar inkonsistenti, kliem sempliċi hu tradott b’mod aktar diffiċli, bla bżonn u bla raġuni

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “U min minnkom billi jinkwieta jista’ jżid imqar kubitu ma’ għomru?” (Luqa 12:25). 

B1: “U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed?”

A2: “Għax il-foqra dejjem għandkom magħkom, imma mhux dejjem għandkom lili” (Ġwanni 12:8).

B2: “Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni.”

Ara wkoll Ġwanni 6:17,21; 7:37. 

11.

It-terminoloġija teknika (flus, distanzi, kejl, titli ta’ mexxejja jew karigi, u l-bqija) hi mibdula f’terminoloġija differenti li biha l-qarrej xorta waħda ma jkunx jista’ jiddetermina b’ċertezza, u għaldaqstant ma jsolvix il-problema. 

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...tassew ngħidlek, b’ebda mod ma toħroġ minn hemm qabel ma tkun ħallast l-aħħar kodrant” (Mattew 5:26). 

B1: “Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.” 

A2: “...u ġiet waħda armla fqira u xeħtet żewġ lepti, li jagħmlu kodrant” (Marku 12:42). 

B2: “Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet.”

A3: “...kont qed nitlob f’dari fid-disa’ siegħa...” (Atti 10:30).

B3: “...kont id-dar qed ngħid it-talba tat-tlieta ta’ wara nofsinhar...”

A4: “wara li kkwieta l-folla, l-iskrivan tal-belt qal...” (Atti 19:35).

B4: “Mbagħad uffiċjal pubbliku rnexxielu jsikket il-folla u qalilhom...”

Ara wkoll Luqa 10:35; 16:7; 21:2; Ġwanni 2:6; Atti 23:15,17; 28:7.

12.

Id-differenzi kulturali huma llixxjati. Traduzzjoni bl-ED għandha ħabta tesprimi l-ideat bibliċi b’modi moderni ta’ espressjoni. F’xi verżjonijiet bl-Ingliż maħduma bl-ED, “Sellmu ’l xulxin b’bewsa qaddisa” (Rumani 16:16) issir, “Ħudu b’idejn xulxin,” jew xi ħaġa simili.

13.

Metafori u figuri oħra tad-diskors kultant huma eliminati, bla raġuni evidenti. 

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...imma dawn il-ħwejjeġ kollha huma l-bidu tal-uġigħ tal-ħlas” (Mattew 24:8).

B1: “Dan kollu jkun il-bidu ta’ tbatija kbira.”

A2: “Tassew ngħidilkom illi hemm xi wħud minn dawk li qegħdin hawn li mhux se jduqu l-mewt qabel ma jaraw saltnet Alla li tkun ġiet bis-setgħa” (Marku 9:1). 

B2: “Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa.” 

A3: “Imma jekk bis-saba’ t’Alla jien nixħet ’il barra d-demonji, mela saltnet Alla ġiet fuqkom” (Luqa 11:20). 

B3: “Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.” 

A4: “U kif qal dan, raqad” (Atti 7:60). 

B4: “U kif qal hekk, miet.” 

A5: “Imma ninsab marsus bejn iż-żewġ direzzjonijiet: għandi l-leblieba ħalli nitlaq u nkun ma’ Kristu, għax dan bil-wisq iżjed aħjar” (Filippin 1:23). 

B5: “...ninsab bejn ħaltejn. Minn naħa l-waħda, nixtieq nintemm u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija.”

Ara wkoll Atti 13:36.

14.

L-għadd ta’ nom hu mibdul, minn singular għall-plural, jew inkella mill-plural għas-singular. Għal darb’ oħra, wieħed jipprova jifhem għala sar dat-tibdil, iżda sikwit jibqa’ mistifikat.

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...d-dnubiet kollha se jkunu maħfurin lil ulied il-bnedmin...” (Marku 3:28). 

B1: “...kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem...”

A2: “...naqsam xi don spiritwali magħkom ħalli tkunu ssodati...” (Rumani 1:11). 

B2: “...naqsam magħkom id-doni spiritwali biex inwettaqkom...”

Marku 3:28; Luqa 3:9,16; 6:12; 23:28; Ġwanni 6:3; Atti 9:2; 11:11; 18:28.

A3: “...nfetaħli bieb fis-Sid” (2 Korintin 2:12). 

B3: “...il-Mulej fetaħli l-bibien kollha.” 

Rumani 1:20; 3:14; 1 Korintin 14:2; Galatin 2:12; 1 Ġwanni 5:16.

15.

Verbi b’suġġett fis-singular hu mibdul għall-plural. Pereżempju:

A1: “Għax il-wegħda ’l Abraħam jew lil nislu, li kellu jkun il-werriet tad-dinja, ma saritx permezz tal-liġi, iżda permezz tal-ġustizzja li tiġi bil-fidi” (Rumani 4:13).

B1: “Lil Abraħam jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-liġi imma permezz tal-ġustizzja bil-fidi.”

Dan isir imqar meta hemm implikazzjonijiet teoloġiċi kbar. Pereżempju: 

A2: “Issa mhux li kien Alla u Missierna nnifsu u Sidna Ġesù jidderieġi triqtna lejkom” (1 Tessalonkin 3:11). 

B2: “Mhux li kien Alla nnifsu, Missierna, u Sidna Ġesù Kristu jwittulna t-triq għal għandkom!” 

16.

Verbi fil-plural mibdula għas-singular. Pereżempju:

A1: “X’ħa ngħidu mela għal dawn il-ħwejjeġ?” (Rumani 8:31). 

B1: “Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu?”

17.

It-temp tal-verb hu mibdul (imperfett għall-perfett, futur għall-imperfett, eċċetra) meta faċilment seta’ jinżamm. Nagħrfu illi sikwit, fil-Vanġeli speċjalment, l-imperfett, ċoè l-preżent fil-Grieg ikollu jinbidel għall-perfett (i.e., passat), fil-Malti, altrimenti t-traduzzjoni tinstema’ artifiċjali u stramba wisq. Imma hawnhekk qed nirreferu għal każijiet fejn setgħet tiġi evitata l-bidla, bla konsegwenza negattiva fuq it-traduzzjoni.

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “...iżda wkoll minħabba fina, li se tkun kreditata lilna – lil dawk li jemmnu f’dak li qajjem lil Ġesù Sidna mill-imwiet” (Rumani 4:24). 

B1: “...imma għad ikun magħdud ukoll lilna li emminna f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna.”

A2: “Dil-persważjoni ma tiġix minn dak li jsejħilkom” Galatin 5:8). 

B2: “Din il-persważjoni m’hijiex ġejja minn dak li sejjħilkom.” 

18.

Il-passiv tradott bħala attiv, jew bil-kuntrarju, hekk li s-sens jinbidel.

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dan il-pass: 

A1: “X’qed ifittex Iżrael, dan ma kisbux, imma l-magħżulin kisbuh, u l-bqija kienu mwebbsa” (Rumani 11:7). 

B1: “Il-poplu ta’ Iżrael ma sabx dak li kien ifittex: iżda dawk li kienu magħżula sabuh; il-bqija webbsu rashom.”

19.

Aġġettiv superlattiv muri bħala aġġettiv sempliċi, jew bil-kuntrarju. 

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “Hu se jkun kbir u se jissejjaħ Bin l-Ogħla” (Luqa 1:32). 

B1: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli.” 

Marku 5:7; Luqa 1:76; 6:35; 16:19; Atti 16:17.

20.

Pronomi huma mibdula għal pronomi differenti bla ebda bżonn.

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dan il-pass: 

A1: “Ngħidilkom illi f’dak il-jum se jkun iżjed tollerabbli għal Sodoma milli għal dik il-belt” (Luqa 10:12). 

B1: “Ngħidilkom illi dan il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt.”

21.

Partiċelli mibdula bla ebda bżonn hekk li s-sens jinbidel.

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “Għax permezz tal-liġi jien mitt għal-liġi, sabiex ngħix għal Alla” (Galatin 2:19). 

B1: “Imma jien permezz tal-Liġi mitt għall-Liġi biex ngħix għal Alla.” 

A2: “...u tgeżwru lkoll bl-umiltà lejn xulxin...” (1 Pietru 5:5).

B2: “Lkoll kemm intom, mbagħad, ilbsu l-umiltà ma’ xulxin...”

Ara wkoll Marku 1:12; Rumani 1:16,17; 10:17; 15:9; 1 Korintin 9:21; 12:4; 2 Korintin 7:1; Galatin 3:9; Efesin 4:22.

Ebrej 12:2; Rivelazzjoni 6:1,9; 7:13; 13:11; 14:1,6,13,17; 15:1.

22.

Partiċelli huma mħollija bla tradotti, hekk illi sikwit l-argument ma jibqax ċar jew inkella jintilef għalkollox. 

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “Jien mela, il-priġunier fis-Sid, neżortakom ħalli timxu denjament tas-sejħa li biha kontu msejħin” (Efesin 4:1). 

B1: “Nħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejjħin.” 

A2: “Għaldaqstant, billi tneħħu l-falsità...” (Efesin 4:25). 

B2: “Warrbu minnkom il-gideb...”

Ara wkoll Rumani 7:12; 1 Korintin 3:15; 6:20; 10:14; 12:12; 2 Korintin 10:17; Filippin 2:29.

23.

Partiċelli miżjuda bla ebda bżonn.

Bħala eżempji, ara d-differenza bejn din it-traduzzjoni u t-traduzzjoni tal-GħBM f’dawn il-passi: 

A1: “L-Ispirtu nnifsu jixhed mal-ispirtu tagħna illi aħna tfal t’Alla” (Rumani 8:16). 

B1: “Dan l-Ispirtu jixhed flimkien ma’ l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.”

A2: “Għax nikkonsidra illi s-sofferenzi taż-żmien preżenti...” (Rumani 8:18). 

B2: “Jien għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa...”

Ara wkoll 1 Korintin 3:3; 7:14.

24.

Strutturi grammatikali kumplessi huma eliminati. Ngħidu aħna, sentenzi twal fil-Grieg huma maqsuma f’diversi sentenzi, hekk illi s-sekwenza tal-ħsieb sikwit tintilef. Pereżempju, Efesin 1:3-14 hi sentenza waħda fl-oriġinal. Fi Il-Patt il-Ġdid (QUM) hi riflessi f’erba’ sentenzi, mentri l-verżjoni tal-GħBM hi mqassma f’disa’ sentenzi.

Dawn l-eżempji kollha f’dan l-eżerċizzju komparattiv jistgħu faċilment ikunu multiplikati, però hawn biżżejjed biex il-qarrej ikun konvint bid-differenza vasta.

25.

Matul il-Patt il-Ġdid kollu, il-konġunzjoni Griega kai (li normalment tfisser “u,” “ukoll,” “imma,” jew “imqar”) sikwit tintuża wkoll fil-Grieg fil-bidu tas-sentenza, biex sempliċement tindika l-bidu ta’ sentenza ġdida. Bosta traduzzjonijiet moderni jeliminawha għalkollox. Din hi deċiżjoni sfortunata: għalkemm is-sens qajla jinbidel, hemm aktar x’jintilef milli x’jintrebaħ. L-istil tat-traduzzjoni jsir pjuttost isbaħ, nammettu, iżda tintilef id-distintiva stilistika, speċjalment fil-Vanġelu skont Marku, li juża l-konġunzjoni kai spiss, biex jintroduċi klawżoli u sentenzi, speċjalment f’sezzjonijiet narrativi. Għaldaqstant din it-traduzzjoni żżommha: fl-ewwel żewġ kapitli ta’ Marku tidher 47 darba; f’tal-GħBM tidher biss 21 darba.

26.

L-istess jgħodd għall-kelma euthus, “dritt,” jew “minnufih,” ukoll kelma importanti u karatteristika f’Marku. Xi traduzzjonijiet moderni ġieli jfettlilhom jeliminawha, mingħajr raġuni valida. Inċidentalment, meta t-tradutturi bl-ED jikklejmjaw li qed joġġezzjonaw għal traduzzjonijiet litteri, l-opponent attwali tagħhom mhumiex it-traduzzjonijiet litteri iżda t-test oriġinali tal-Bibbja. 

Meta Eugene Nida jgħid illi meta t-traduzzjoni tippriżerva l-karatteristika stilistika ta’ Marku fl-użu kontinwu ta’ kai (“u”) jew euthus (“minnufih”), l-effett hu wieħed “puwerili.” (“Childish” hi l-kelma eżatta. Eugene A. Nida u Charles R. Taber, The Theory and Practice of Translation [Leiden: E. J. Brill, 1969], 13). Attwalment l-ilment tiegħu mhuwiex, kif jimplika, kontra traduzzjonijiet litteri, iżda kontra Marku nnifsu, u ultimament kontra l-Awtur divin kif esprima ruħu fl-oriġinal. 

27.

L-istess jagħmlu sikwit bil-kelma idou, “ara.” Għal darb’ oħra, dit-traduzzjoni żammithom u turihom f’posthom fedelment. Fil-Vanġelu skont Mattew idou tinsab 62 darba; daqshekk ieħor issibha f’dit-traduzzjoni, mhux bħal bosta traduzzjonijiet moderni, li jeliminawha fejn jaħsbu, b’mod pjuttost arbitrarju, illi m’hemmx postha. Fl-ewwel għaxar kapitli ta’ Mattew, tidher 22 darba; fit-traduzzjoni tal-GħBM tidher biss 4 darbiet fl-istess porzjon. 

28.

Speċjalment matul il-Vanġeli u l-Atti, fejn niltaqgħu magħha l-aktar, il-frażi karatteristika “wieġeb billi qal” (litteralment, “wieġeb jgħid”) hi tradotta hekk avolja tfisser sempliċement “qal” jew “wieġeb,” skont il-kuntest. L-istess għamilt wara verbi oħra ta’ diskors: pereżempju, “ċanfru billi qal” fejn, strettament, hu aktar Malti mexxej meta ngħidu sempliċement “ċanfru.” 

Dan kollu għandu jikkonvinċi lill-Kristjan serju, li jixtieq jinqeda bl-aqwa traduzzjoni fl-ilsien Malti, biex jagħżel waħda maħduma bl-EF. Hekk provajt nagħmel fi Il-Patt il-Ġdid (QUM). Meta jaqra lilha jaf x’kitbu l-awturi sagri. Mill-banda l-oħra, meta jaqra traduzzjoni maħduma bl-ED (bħal tal-Għaqda Biblika) ikun qed jgħum f’baħar ta’ deċiżjonijiet arbitrarji u soġġettivi fit-traduzzjoni. L-għan tat-tradutturi (illi jipproduċi traduzzjoni li tinstema’ moderna, mexxejja u ħafifa) forsi ntlaħaq aktar mit-traduzzjoni QUM, iżda għandha l-iżvantaġġ serjissmu illi hi mdewda b’għadd kontinwu ta’ nuqqas ta’ akkuratezza. Mhijiex preċiża, u dan isir ovvju aktar ma titqabbel mal-verżjoni QUM.