L-ekwivalenza formali fit-traduzzjoni tal-Bibbja


Kif diġà semmejna, hemm żewġ filosofiji bażiċi kif tista’ tagħmel traduzzjoni. Huma magħrufa bħala l-ekwivalenza formali (EF) (jew littera; kelma għal kelma; orjentata skont il-forma) u l-ekwivalenza dinamika (ED) (jew parafrażi; ħsieb għal ħsieb; orjentata skont il-kontenut).

Id-differenza bejniethom mhijiex sempliċement fil-grad, iżda differenza fondamentali u essenzjali fix-xorta jew tip tagħhom. Insostnu illi, meta wieħed iqis id-differenzi bejniethom, u jikkonsidra r-riżultati, it-traduzzjoni skont l-EF hi bil-wisq iżjed superjuri. 

Għaliex insostnu dan? Traduzzjoni tal-Patt il-Ġdid tista’ tingħad li hi l-Kelma vera u awtentika t’Alla sakemm u skont kemm tikkonforma fedelment ma’ dak li attwalment kitbu l-appostli jew is-soċji tagħhom. Jekk tirriproduċi b’akkuratezza xi ngħata minn Alla oriġinarjament b’ispirazzjoni, allura hi traduzzjoni tajba. B’kuntrast, aktar ma tiżvija mill-preċiżjoni, aktar tkun qed tintwera bħala traduzzjoni inferjuri u saħansitra inaċċettabbli. Il-filosofija wżata biex ġiet prodotta t-traduzzjoni taffettwa bil-qawwa r-riżultat, u allura l-aċċess tal-Kristjan għall-Kelma t’Alla.

It-traduzzjoni, Il-Patt il-Ġdid, ippubblikat minn QUM, hi maħduma fuq il-prinċipju tal-EF. It-traduttur ta kas u wera interess f’kull kelma (għax jemmen fl-ispirazzjoni verbali u plenarja), u allura fittex illi jirrappreżenta kull kelma Griega b’kelma jew kelmiet Maltin, skont il-bżonn u d-dettatura ta’ kull każ. Mela l-metodu wżat hu sempliċi u affidabbli: sakemm possibbli hi traduzzjoni kelma b’kelma, sabiex finalment is-sens jasal sħiħ u bla mittiefes, xejn inqas u xejn żejjed. Saħansitra provajt nagħti nom Malti għal nom bil-Grieg, verb għal verb, aġġettiv għal aġġettiv, artiklu għal artiklu. Ridt illi l-elementi tat-traduzzjoni lesta jkunu jaqblu kemm jista’ jkun mal-elementi tat-test Grieg. 

Ovvjament hemm elementi fil-lingwa Griega, bħal f’kull lingwa oħra, illi m’għandhomx ekwivalenti formali tagħhom fil-Malti, bħal ngħidu aħna espressjonijiet jew idjomi. F’dawn il-każijiet traduzzjoni strettament littera tkun bla sens jew anke redikola għall-qarrej Malti. Fejn sibt ruħi b’dahri mal-ħajt, bħala traduttur, ma ħassejtnix marbut mal-forma, iżda biss mar-responsabbiltà primarja tiegħi illi nagħmel tentattiv serju biex kemm jista’ jkun inżomm il-forma filwaqt li ngħaddi s-sens fedelment.

Dwar it-traduzzjoni tal-idjomi, l-iskular bibliku Wayne Grudem jinnota: 

“Kulħadd jaqbel illi idjomi diffiċli għandhom ikunu trattati bħala eċċezzjonijiet. Imma mhux din il-kustjoni. Il-mistoqsija quddiemna hi: it-tifsira ta’ kull kelma fil-Grieg jew l-Ebrajk hi rappreżentata fit-traduzzjoni bl-Ingliż, jew sempliċement maqtugħa barra? Fi traduzzjonijiet bl-ekwivalenza dinamika, ħafna mit-tifsira hu mħolli barra. Fi traduzzjonijiet essenzjalment litteri, kultant it-tifsira ta’ kelma Griega hi rappreżentata b’punt interrogattiv jew virgola fl-Ingliż, iżda t-tifsira xorta waħda hi rappreżentata. Kultant kelma waħda hi tradotta b’żewġ jew tliet kelmiet Ingliżi, u kultant żewġ jew tlett kelmiet Griegi huma tradotti b’kelma Ingliża waħda, iżda f’kull każ it-tifsira ta’ kull kelma fl-oriġinal hi rappreżentata fit-traduzzjoni. Jeħtieġ nistaqsu, ‘It-traduzzjoni kif tirrappreżenta l-forza ta’ din jew dik il-kelma Griega fl-oriġinal?’ U rridu nipprovdu tweġiba. Madankollu, traduzzjonijiet bl-ekwivalenza dinamika jaqilbu l-eċċezzjonijiet (l-idjomi, li dejjem huma diffiċli biex tittraduċihom) f’regola ġenerali. Jonqsu milli jittraduċu l-kliem fejn it-traduzzjoni sempliċi tiegħu tagħmel sens perfettament. Din hi l-oġġezzjoni tagħna.” 

Xtaqt nuri x’jgħid it-test Grieg billi żammejt (sakemm il-lingwa u l-grammatika Maltija jippermettu) kif, jew b’liema mod u stil, jgħidu. Għax Alla mhux biss tkellem, iżda tkellem b’ċertu mod ukoll. Dan il-mod, jew stili differenti tal-awturi differenti, għandu jkun rispettat u kemm jista’ jkun ikun rifless fit-traduzzjoni. 

L-element ta’ interpretazzjoni żammejtu kemm jista’ jkun minimu. Ir-rwol tat-traduttur mhuwiex rwol ta’ eseġeta. (Eseġeta hu wieħed li jispjega jew jinterpreta kritikament test jew porzjon ta’ test, speċjalment tal-Bibbja Mqaddsa, skont prinċipji stabbiliti u magħrufa). It-traduttur mhuwiex imsejjaħ biex iwassal it-tifsira tat-test bibliku. Is-sejħa tiegħu hi differenti: hu responsabbli biss illi jagħti lill-knisja traduzzjoni preċiża biex il-knisja tistudjaha u tasal għat-tifsira vera tagħha. Traduzzjoni fidila ma fihiex żidiet, bidliet jew kummenti barranin għat-test Grieg, u lanqas telimina kliem li jinsab fit-test Grieg.