L-iżvantaġġi tal-ekwivalenza dinamika


Traduzzjoni bl-ekwivalenza dinamika (ED) mhijiex daqstant aċċettabbli għax la titlaq mill-verità biblika illi l-Iskrittura hi verbalment ispirata, u lanqas taġixxi fuqha. Biex inkunu nafu fuq xiex qed nitkellmu nistgħu nsemmu Il-Bibbja, maħruġa mill-Għaqda Biblika (Malta). Xi traduzzjonijiet bl-ED bl-Ingliż huma n-New International Version, in-New English Bible, Today’s English Version (jew il-Good News Bible), il-Jerusalem Bible, in-New Living Translation u l-Contemporary English Version. Dawn it-tip ta’ traduzzjonijiet mhumiex rikkmandati. Parafrażi tal-Bibbja, bħalma hi The Message, lanqas biss inqisuha bħala traduzzjoni. 

(L-agħar, però, huma l-perverżjonijiet tal-Bibbja, bħalma hi n-New World Translation, prodotta u wżata mix-Xhieda ta’ Ġeħova. Aktar recenti ħarġet The Passion Translation ta’ Brian Simmons, proponent tal-moviment aberranti tan-New Apostolic Reformation.)

Għaliex ma naqblux ma’ dawn it-tipi ta’ traduzzjonijiet, bħalma hi n-New English Bible? Għax it-traduttur, hekk imsejjaħ “dinamiku,” jixtieq iwassal it-tifsira tat-test aktarx milli l-kliem innifsu. Għalih il-forma tat-test sikwit hi tfixkil u tifforma ostaklu għall-komunikazzjoni mal-qarrej modern. Għaldaqstant jiffoka fuq l-intenzjoni tal-awtur bibliku, u mhux fuq il-forma tat-test bibliku. 

1. Jibda billi l-ewwel janalizza jew jinterpreta t-test oriġinali biex jiddeċiedi x’kien ifisser il-kliem lil dawk li semgħuh l-ewwel darba. Biċċa xogħol sfidanti tabilħaqq! Kif qatt jista’ jindovina kif laqathom dak il-kliem jew kif fehmuh? Frattant it-traduttur dinamiku jibda billi jinterpreta t-test qabel ikun jista’ jittraduċih. 

2. Imbagħad ikun irid jittrasferi l-istess tifsira lill-qarrejja moderni, li ġejjin minn sfond differenti fis-soċjetà, b’intelliġenza differenti bejniethom. It-trasferiment hu proċess soġġettiv illi jseħħ f’moħħ it-traduttur hu u jissara biex jagħlaq il-fetħa bejn il-lingwa u l-kultura tat-test bibliku u l-lingwa u l-kultura tal-qarrej modern. 

Jirriżulta illi traduttur dinamiku wieħed kapaċi jagħmel trasferiment totalment differenti minn traduttur dinamiku ieħor, kwalifikat daqsu, li jkun ħadem fuq l-istess prinċipji. Inċidentalment, hu minħabba f’hekk illi hawn tant u tant traduzzjonijiet differenti bl-Ingliż tal-istess Bibbja, u tant huma differenti minn xulxin! Ir-raġuni hi sempliċi: il-moħħ ta’ traduttur dinamiku wieħed jifhem u jaħsibha differenti minn moħħ ta’ traduttur dinamiku ieħor! Dan il-fattur biss jikxef kemm din il-filosofija ta’ traduzzjoni hi waħda totalment żbaljata.

3. Finalment it-traduttur dinamiku jrid joħloq struttura ġdida għall-forma li hemm fl-oriġinal, għax jixtieq jittrasferixxi l-kontenut b’mod naturali hekk li l-qarrej iħossu komdu hu u jaqra t-traduzzjoni. 

Din il-metodoloġija tidher impressjonanti, iżda hi falza, għax biha t-traduttur isir interpretu li jittrasferixxi t-tifsira tal-Iskrittura lill-qarrejja. Jerġa’, it-traduttur dinamiku jipprova jagħmel l-impossibbli. Kif jista’ jkun jaf it-traduttur x’kien hemm f’moħħ l-awtur sagru? L-uniku vejjikolu li bih twassal il-ħsieb hu l-kliem tat-test! U allura mal-kliem għandu jittratta primarjament, u mhux mal-intenzjoni jew ħsieb tal-awtur. 

Jerġa’, it-traduttur dinamiku jixtieq, aktar minn kollox, jipproduċi fil-qarrej jew semmiegħ l-istess reazzjoni għall-messaġġ illi l-awtur oriġinali prova jipproduċi fil-qarrejja immedjati tiegħu. L-għan tiegħu hu r-reazzjoni tal-qarrej, u allura jevita vokabularju diffiċli; ma jħossux obbligat illi jżomm il-forma tal-oriġinal għax it-tali forom jistgħu jinstemgħu strambi, żnaturali jew barranin għall-widna moderna. Prijorità tiegħu hi illi t-traduzzjoni nfisha ssir b’lingwaġġ faċli u naturali għall-qarrej. Jassumi illi l-lingwaġġ tal-awturi bibliċi dejjem inqdew b’vokabularju faċli għall-qarrejja tagħhom, u allura t-traduttur jipprova jagħmel l-istess illum. Huwa fatt innegabbli, però, illi l-Bibbja mhijiex ktieb sempliċi; imkien ma timplika illi tiftiehem immedjatament u faċilment minn kull qarrej jew semmiegħ. Frattant it-traduttur bl-ED ma jridx illi t-traduzzjoni tkun ambigwa, oskura jew tinqeda b’lingwaġġ stramb u frustier għas-soċjetà moderna. Din hi mira li hu ħoloq għalih innifsu. Hu żball tabilħaqq serju, u jħalli riperkussjonijiet gravi, għax allura jkollu jelimina termini teoloġiċi importanti (bħal propizjazzjoni u ġustifikazzjoni) kif ukoll metafori illi llum, minħabba d-distanza fiż-żmien u l-kultura, bilfors iridu jiġu spjegati. Iżda, kif diġà sħaqna, dan mhuwiex ix-xogħol tat-traduttur, iżda tal-għalliema, il-katekisti, u l-predikaturi fi ħdan il-knisja.

Nissupponu illi nibgħat ittra miftuħa fuq gazzetta biex nindirizza l-qagħda tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Ktibtha bi ħsieb, irrevedejtha, irqomtha u rajt illi tgħaddi l-messaġġ preċiżament kif nixtiequ jien. X’jibqa’ minni jekk nara l-ittra ppubblikata, b’ismi taħtha, però qabel ippubblikaha l-editur tal-gazzetta deherlu li għandu jagħmel xi bidliet minuri għax immaġina li tinstema’ u tiftiehem aħjar: minflok kliem meqjus bħala antikwat poġġa kliem kontemporanju u saħansitra xi kelmiet slang; kliem Semitiku diffiċli rrimpjazzah bi kliem Romanz jew Ingliż; minflok il-metafori li wżajt bir-reqqa nsib lingwaġġ dirett għax ħaseb illi l-udjenza tiegħi mhijiex kapaċi tapprezza lingwaġġ figurattiv; bidilli s-sens ta’ stqarrija għax, bħala editur, beża’ illi mhux hekk kien il-ħsieb proprju tiegħi; eliminali l-kelma ‘pedagoġija’ għax stmaha bħala terminu edukattiv tekniku, u minflok għamel frażi twila; konsistentement kisser is-sentenzi twal tiegħi, mitkuba bl-akbar attenzjoni, f’sensiela ta’ sentenzi qosra, għax assuma li l-qarrejja jiddejqu jaqraw sentenzi kumplikati; u kull fejn użajt il-pronom ‘hu’ biddlu għall-kelma ‘persuna’ biex jiġi jaqbel mat-twemmin femminista tiegħu. Kif nara l-ittra stampata bilkemm nagħrafha bħala tiegħi! Allura noġġezzjona bis-sħiħ, għas-sempliċi raġuni li m’għandniex permess nieħdu libertajiet b’dak li jkun kiteb awtur, jekk mhux bil-kunsens oriġinali tiegħu. 

Preċiżament dan hu li qed jiġri fi traduzzjonijiet bl-ED, bħalma hi tal-Għaqda Biblika (Malta). Jekk il-liġijiet ċivili, dokumenti notarili jew kitbiet importanti oħra fis-soċjetà tagħna huma tradotti bi preċiżjoni, u kwalunkwe libertajiet mhumiex tollerati, ewwilla m’għandniex nagħmlu l-istess ħaġa, u wisq iżjed, meta niġu biex nittraduċu l-Bibbja Mqaddsa, li hi l-Kelma ta’ Alla suprem u sovran? Jaqaw Alla ta liċenzja lingwistika lit-tradutturi bl-ED biex jillapazzawlu jew jonġrulu Kelmtu kif jidhrilhom huma u jaġġornawha għas-soċjetà kontemporanja tagħhom, sikwit injoranta u kapriċċjuża? (Niftakru illi l-Bibbja hi preżentata b’mod kontemporanju u ħaj bl-ippritkar u l-katekesi, minn għalliema fidili għaliha, li jfissruha u japplikawha tajjeb għas-semmiegħa). 

Apparti minn dan kollu, l-ED iġġib kliem il-Bibbja instabbli għall-aħħar. Dan wieħed jista’ jivverifikah billi jqabbel diversi traduzzjonijiet bl-Ingliż magħmula bl-ED: jinnota minnufih illi l-istess passaġġ hu tradott differenti f’kull traduzzjoni, mentri jekk iqabbel tliet Bibbji maħduma bl-EF, is-sens hu bażikament l-istess fl-istess passaġġi. (Traduzzjonijiet tajba bl-Ingliż li jimxu bl-ekwivalenza formali huma n-New American Standard Bible, l-English Standard Version u n-New King James Version).

Kritika oħra kontra l-ED hi illi m’għandhiex kontrolli adegwati fuq it-traduzzjoni. Sikwit hu impossibbli tkun taf xi trid tfisser il-Bibbja għax ineħħu mill-vista tal-qarrej x’tgħid il-Bibbja. Minflok, il-qarrej ikun qed jaqra biss l-interpretazzjoni preferuta tal-kumitat ta’ traduzzjoni. U sikwit traduzzjoni bl-ED hi traduzzjoni kif ukoll kummentarju interpretattiv, u allura l-qarrej m’għandux ħjiel fejn tispiċċa waħda u jibda l-ieħor.