Għala traduzzjoni bl-ekwivalenza formali hi bil-wisq preferibbli



Rajna f’xi dettall għala traduzzjoni bl-ED hi inferjuri u inadegwata. Imiss issa nifhmu għala traduzzjoni bl-EF hi neċessarjament superjuri. Nelenkaw xi raġunijiet fil-qosor:

1. Tevita d-dgħufijiet kollha tal-ED li għadni kif ġbart lista tagħhom hawn fuq. 

2. Ħlief fejn traduzzjoni kompletament littera ma tkunx tiftiehem għall-qarrej, traduzzjoni essenzjalment littera hi trasparenti għat-test oriġinali. Isservi bħal speċi ta’ mirja għat-test kif mogħti mill-Ispirtu s-Santu. Il-qarrej jista’ jafdaha għax ma tagħtix lok għall-oriġinalità jew innovazzjoni fl-espressjoni. 

3. Tista’ tafda traduzzjoni bl-EF għax iżżomm mal-kompitu essenzjali tat-traduzzjoni, jiġifieri, tfittex biss tittraduċi. Mhijiex il-prodott ta’ kumitat li, apparti jittraduċi, iwettaq ukoll ir-rwol ta’ editur jew eseġeta. L-EF ma tissostitwix materjal jew iżżid kummentarju interpretattiv fit-test bibliku. 

4. Traduzzjoni bl-EF tippriżerva l-għana u l-potenzjal eseġetiku tal-Bibbja. Iżżomm il-lingwa sabiħa u sofistikata bħalma nsibu fl-oriġinal; tmantni ħafna livelli ta’ tifsir bħalma fih l-oriġinal innifsu; iżżomm il-poeżija fl-espressjoni oriġinali u littera tagħha; iżżomm il-medda stilistika tal-oriġinal; u tħalli bla mittiefsa t-terminoloġija teoloġika kumplessa bħalma hi fl-oriġinal. Tagħti traduzzjoni sħiħa u mimlija, xejn iżjed u xejn inqas.

5. Tista’ tafda traduzzjoni bl-EF għax ma tiżgwidakx billi tħallat il-kummentarju mat-traduzzjoni. Iżżomm l-interpretazzjoni għal wieħed assolutament minimu. 

6. Tista’ tafda traduzzjoni bl-EF għax tippriżerva l-preċiżjoni teoloġika. Ma taqlibx termini teoloġiċi importanti għall-parafrażi. 

7. Bħala Kristjan, traduzzjoni bl-EF tista’ tistudja minn fuqha, u l-predikatur jista’ jgħallem minn fuqha bla ma jkollu għalfejn joqgħod ‘jikkoreġiha’ jew jissuġġerixxi verżjonijiet oħra. 

8. Traduzzjoni bl-EF tippriżerva x’kitbu attwalment l-awturi sagri. Ma tirriżolvix id-diffikultajiet intrepretattivi fil-direzzjoni kif ikun iddeċieda l-kumitat tat-traduzzjoni. Jekk il-pass fil-Grieg fih diffikultà interpretattiva, l-istess se tkun it-traduzzjoni bl-EF. Jekk l-awtur għadda diffikultajiet lill-qarrejja tiegħu, it-traduttur jagħmel l-istess. 

9. Traduzzjoni bl-EF tippriżerva l-kwalitajiet letterarji tal-oriġinal. Jekk l-oriġinal fih poeżija u lingwa figurattiva – metafori, tixbihat, personifikazzjoni, u l-bqija – hekk ukoll se tkun it-traduzzjoni. Jekk it-traduzzjoni hi tqila, allura l-qarrej hu msejjaħ biex jistudja, jinvestiga, jimmedita u jitlob – kif imissu jagħmel. Il-qarrej ma jwaħħalx fit-traduttur, iżda jaf illi t-traduzzjoni hi diffiċli f’ċerti passi għax l-oriġinal huwa wkoll diffiċli fl-istess passi. 

10. Il-qarrej ta’ traduzzjoni bl-EF jaf illi fiha għandu priżervat l-eżaltazzjoni, il-ġmiel u d-dinjità tal-Bibbja kif mogħtija lilna mis-sema. 

11. Fuq kollox, it-traduzzjoni bl-EF hi l-iktar konsistenti mad-dottrina tal-ispirazzjoni plenarja u verbali tal-Bibbja. Bħalma qal Mosè fl-antik, jeħtieġ nifhmu illi l-bniedem jgħix b’kull kelma li toħroġ minn fuq il-Mulej (Dewteronomju 8:3; cf Mattew 4:4).