Il-Bibbja bħala ktieb
Il-kelma “Bibbja” hi meħuda mill-kelmiet Griegi biblos (Mattew 1:1) u d-diminuttiv tagħha biblion (Luqa 4:17). Dokumenti antiki kienu jinkitbu fuq il-biblus jew qasab tal-papiri, u minn din l-użanza ġiet il-kelma biblos, li finalment waslet biex tiġi applikata għall-kotba mqaddsa (Marku 12:26; Luqa 3:4; Atti 1:20; 7:42).
Kelmet Alla tifforma “Il-Ktieb” – il-ktieb li mill-importanza u l-latitudni tas-suġġetti tiegħu, u l-maestà tal-Awtur tiegħu, huwa ogħla mill-kotba l-oħra kollha bħalma s-smewwiet huma ogħla mill-art. Minħabba f’hekk insejħulha l-Bibbja “Mqaddsa.” Hi ktieb separat għalih fil-kwalità, għax waslilna mingħand Alla nnifsu.
It-terminu “Bibbja” jafferma żewġ ħwejjeġ: l-unità u l-preminenza tagħha. Titlu bħal dan jixirqilha ferm peress li hi unita daqskemm hi diversa. Hi librerija f’volum wieħed. Jerġa’, minħabba l-influwenza tagħha hi denja li tkun distinta minn kull ktieb ieħor.
Hemm deskrizzjonijiet diversi għall-Iskrittura:
Kelmet Alla
“Għax ħajja kelmet Alla, u attiva, u misnuna iżjed minn kwalunkwe sejf b’żewġt ixfar, u tippenetra sad-diviżjoni tar-ruħ u tal-ispirtu, tal-ġogi kif ukoll tal-mudullun, u kapaċi tiġġudika l-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb” (Ebrej 4:12. Ara wkoll l-1 Tessalonkin 2:13; Atti 4:31; Efesin 6:17; Marku 7:13; Ġwanni 10:35; Luqa 8:11).
Kelmet is-Sid
“Għalhekk wara li xehdu solennement u tkellmu kelmet is-Sid, huma għaddew jippritkaw l-evanġelju f’ħafna rħula tas-Samaritani kif kienu qed jirritornaw lejn Ġerusalemm” (Atti 8:25. Ara wkoll Isaija 1:10; 40:8; Ġeremija 1:2,11; Eżekjel 1:3; Ħosea 1:1; Atti 13:48; 1 Tessalonkin 1:8; 4:15; 2 Tessalonkin 3:1; 1 Pietru 1:23-25).
Kelmet Kristu
“Ħa tgħammar ġewwa fikom kelmet Kristu bl-għana, tgħallmu u twiddbu ’l xulxin b’kull għerf, b’salmi, innijiet u kanzunetti spiritwali, tgħannu bil-gratitudni fi qlubkom ’l Alla” (Kolossin 3:16. Ara wkoll Rumani 10:17).
Kelmet il-ħajja
“Agħmlu kollox mingħajr tgemgim jew disputi, sabiex issiru bla ħtija u innoċenti, tfal t’Alla bla difett f’nofs ġenerazzjoni mgħawġa u depravata, li fiha tiddu bħala stilel fid-dinja intom u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja (Filippin 2:14-16).
Kelmet il-verità
Pawlu jfakkar lill-aħwa dwar ir-relazzjoni inizjali tagħhom ma’ Kristu. “Fih intom ukoll, wara li smajtu l-kelma tal-verità, l-evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom – malli wkoll emmintu kontu ssiġillati fih bl-Ispirtu s-Santu mwiegħed” (Efesin 1:13).
Il-Kelma tal-fidi
“‘Il-kelma hi qribek, fuq fommok u f’qalbek,’ jiġifieri, il-kelma tal-fidi li qed nipproklamaw, illi jekk tistqarr b’fommok li Ġesù huwa s-Sid, u temmen f’qalbek illi Alla qajmu mill-imwiet, se tkun salvat” (Rumani 10:8-9).
Il-Kelma
“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ u abbondanza ta’ ħażen, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux biss semmiegħa li tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jħares sew lejn il-wiċċ naturali tiegħu f’mera: għax ħares sew lejh innifsu u telaq, u dritt nesa liema speċi ta’ persuna kien” (Ġakbu 1:21-24. Ara wkoll l-1 Timotju 4:5; Atti 6:4).
L-Iskrittura
“Għalhekk meta kien irxoxtat mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru illi kien qal dan; u emmnu l-Iskrittura u l-kelma li kien qal Ġesù” (Ġwanni 2:22. Ara wkoll Marku 12:10; 15:28; Ġwanni 7:38; 10:35; Rumani 4:3; Galatin 4:30; 2 Pietru 1:20).
Das-singular, fil-Bibbja, ma jirreferix għall-kotba kollha iżda għal xi pass jew passi partikolari (Luqa 4:16-21).
L-Iskritturi
B’referenza għall-Bereani jingħad illi “dawn kienu b’moħħ aktar nobbli minn dawk f’Tessalonika, għax laqgħu l-kelma b’kull premura u eżaminaw l-Iskritturi kuljum biex jaraw jekk dawn il-ħwejjeġ kinux hekk” (Atti 17:11. Ara wkoll Mattew 22:29; Marku 12:24; Luqa 24:27; Ġwanni 5:39; 2 Pietru 3:16).
Il-Patt il-Ġdid jirreferi għall-kotba tal-Patt il-Qadim kollettivament bħala l-Kitbiet, jew mil-Latin, l-Iskritturi.
L-Iskritturi tal-profeti
Darba huma deskritti bħala “Skritturi tal-profeti,” jew “Kitbiet profetiċi.” “Dak il-ħin Ġesù qal lill-folol, ‘Qiskom ħriġtu kontra ħalliel bis-sjuf u l-lenbubi biex taqbduni? Kuljum kont inpoġġi fil-maqdes ngħallem, u ma qbadtunix. Imma dan kollu ġara sabiex jitwettqu l-Iskritturi tal-profeti’” (Mattew 26:55-56).
L-Iskritturi tal-verità
“Iżda jien ngħidlek dak li hu miktub fl-Iskritturi tal-verità: m’hemm ħadd li jgħinni kontra dawn il-forzi ħlief Mikiel, il-kap tagħkom” (Danjel 10:21).
L-Iskritturi Mqaddsa
Hemm rabta intima bejn xi tnieda qabel u l-evanġelju fil-milja tiegħu. “Pawlu, ilsir ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex inkun appostlu, isseparat għall-evanġelju t’Alla, li wiegħed minn qabel permezz tal-profeti tiegħu fl-Iskritturi Mqaddsa dwar Ibnu, li inkwantu n-natura umana tiegħu twieled minn nisel David” (Rumani 1:1-3. Ara wkoll it-2 Timotju 3:15).
L-Orakli t’Alla
“Oraklu” litteralment tfisser “post jitkellem.” Alla mhux sieket: tkellem, u qed jitkellem. B’mod speċjali l-Bibbja hi l-lok fejn jitkellem. Il-Liġi hi magħrufa bħala l-orakli ħajjin (Rumani 3:2). Dwar Mosè, Stiefnu jgħid: “Dan hu li kien fil-kongregazzjoni fid-deżert mal-anġlu li tkellem miegħu fuq il-Muntanja Sinaj, u ma’ missirijietna, li rċieva orakli ħajjin biex jgħaddihomlna” (Atti 7:38).
L-ewwel prinċipji tad-dottrina ta’ Kristu huma wkoll l-orakli t’Alla (Ebrej 5:10-12; 6:1-2). Il-fidili li għandhom id-don jamministraw il-Kelma għandhom jitkellmu bħallikieku l-orakli t’Alla (1 Pietru 4:11).
Fost dawn it-titli kollha l-aktar sinifikanti, impressjonanti u komplut mogħti lill-Bibbja hu “l-Kelma t’Alla” (Marku 7:12-13; Rumani 10:17; Ebrej 4:12; 1 Tessalonkin 2:13). Il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla nnifsu hi suffiċjenti biex tiġġustifika l-fidi tal-Kristjan. Billi hi l-Kelma t’Alla, għandna nistmawha bħala l-orakli ta’ għerf u mħabba divina.
Jidher li “Alla jitkellem” u “l-Iskrittura titkellem” huma ekwivalenti. “L-Iskrittura, billi pprevediet illi Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili bil-fidi, xandret l-evanġelju minn qabel lil Abraħam: ‘Fik se jkunu mberkin il-ġnus kollha’” (cf., Galatin 3:8 ma’ Ġenesi 12:3). Attwalment kien Alla li ħabbar bxara tajba lil Abraħam; l-Iskrittura lanqas biss kienet għadha bdiet tinkiteb fi żmien Abraħam!
Kelmet Alla tikkonsisti fis-sitta u sittin ktieb tal-Iskrittura Mqaddsa tat-Testment il-Qadim u l-Ġdid (2 Pietru 3:16; 1:19-21), l-unika regola suffiċjenti, ċerta u infallibbli għall-fidi u l-ubbidjenza tagħna (Rivelazzjoni 22:18-19; Isaija 8:20; Proverbji 30:5-6; Dewteronomju 4:2; 12:32).