Kif qies il-Bibbja ta' żmienu Ġesù
Importanti nifhmu sewwa l-attitudni ta’ Ġesù Kristu lejn l-Iskrittura u r-relazzjoni tiegħu magħha. Hawnhekk l-enfasi ma taqax primarjament fuq ix-xhieda li ta rigward il-verità u l-valur tal-Iskrittura li kienet teżisti fi żmienu (il-kotba tal-Patt il-Qadim). Dan hu ta’ siwi apoloġetiku kbir, iżda f’dan Ġesù ma kienx waħdu. Kull persuna ortodossa, Lhudija jew Kristjana, ħaddnet dawn l-istess sentimenti. Fit-trattament tiegħu tal-Bibbja, Ġesù kien l-iżjed ortodoss fost l-ortodossi. Dak li bosta nies illum jirreferu għalih bi stmellija bħala “reliġjon tal-Bibbja” kien karatteristika tal-ispiritwalità tiegħu.
Iżda hemm xi ħaġa dwar kif konxjament tratta l-Iskrittura li hi speċifikament karatteristika tiegħu, xi ħaġa li ebda għalliem ieħor fil-Patt il-Ġdid ma kellu. Ġesù, minħabba li silet ħafna u ħafna materjal mill-Patt il-Qadim, u minbarra li kien konxju li tagħlimu kien jaqbel strettament mal-Patt il-Qadim, kellu konvinzjoni unika dwar l-Iskrittura ta’ żmienu. F’dan ir-rigward, tkun ħaġa prepostera għal kwalunkwe Kristjan jekk jipprova japplika l-istess ħaġa għalih innifsu.
Li rridu ngħidu hu dan: Ġesù kien jistma l-moviment sħiħ tal-Patt il-Qadim bħala moviment deriġut u mnebbaħ minn Alla, bl-iskop li jwassal għalih innifsu, tant li hu nnifsu, fid-dehra storika u fix-xogħol ta’ tpattija tiegħu, jagħti l-għan u s-sinifikat lill-Patt il-Qadim. Ħadd ħliefu ma seta’ jgħid hekk. Hu kien il-konferma u l-konsumazzjoni tal-Patt il-Qadim f’persuntu stess.
Ir-reliġjon ta’ Kristu kienet evidentement “reliġjon tal-Ktieb.” Il-kontenut ta’ Ktieb u l-lingwa ta’ Ktieb jidhru fih il-ħin kollu. Dan nistgħu nuruh f’iżjed minn mod wieħed:
1. Id-diskors tiegħu hu mimli kliem, frażijiet u forom t’espressjoni meħuda mill-Iskrittura. Sikwit naraw li mhumiex formali biżżejjed tant li nistgħu nsejħulhom kwotazzjonijiet intenzjonati; madankollu l-oriġni biblika tagħhom tidher fil-wiċċ. Ara, pereżempju, id-deskrizzjoni tal-infidili bħala “nisel ħażin u żieni” (Mt.12:39; 16:4). Il-kwotazzjonijiet konxji huma numerużi. Iżjed ma jogħla tagħlimu, iżjed jersaq qrib id-dinja tal-ħsieb u d-diskors tal-Patt il-Qadim. Il-beatitudnijiet tal-Prietka fuq il-Muntanja huma eżempji. Qabbel, pereżempju, mal-beatitudni individwali: Salmi 17:15; 25:13; 37:9; 73:1, u ħafna passaġġi oħra mis-Salmi li jagħtu sens reliġjuż lill-faqar (cf., Isaija 57:15; 61:3). Jerġa’, il-Mulej jikkwota l-Patt il-Qadim fil-kriżijiet supremi ta’ ħajtu. Fil-Getsemani jikkwota Salmi 42:6,11; 43:5; minn fuq is-salib jitlob fi kliem Salm 22:1; 31:5.
2. Ġesù jittratta l-Iskrittura bħala “r-regola ta’ fidi u prattika.” Jakkuża solennement lill-Fariżej illi warrbu u ġabu fix-xejn il-kmandament t’Alla minħabba t-tradizzjoni tagħhom. Lis-Sadduċej jgħidilhom li ċaħdu l-qawmien mill-mewt minħabba l-injoranza tagħhom tal-Iskrittura. Fil-kontroversja tiegħu rigward is-Sibt jappella għad-dikjarazzjoni divina f’Ħosea, “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju.” Jibbaża l-prinċipju li ż-żwieġ m’għandux jinħall fuq ir-rekordju tal-Ġenesi kif iż-żwieġ kien stabbilit fil-bidu.
3. Ġesù jawtentika l-karattru u l-missjoni messjanika tiegħu billi juri fihom it-twettiq tal-profezija tal-Patt il-Qadim (Marku 9:12; 12:10; 14:21,27,49; Luqa 4:17-19; 22:37; 24:25-27; Ġwanni 3:14; 5:46).
4. Nosservaw li fl-appelli tiegħu għall-Iskrittura, il-Mulej ried illi tkun ktieb miftuħ, disponibbli għall-poplu. Fi żmienu trawmet tendenza li l-Iskrittura tgħodd biss għall-iskulari; il-legaliżmu u t-tradizzjonaliżmu kienu qegħdin jaħbuha minn għajn in-nies. Madankollu Ġesù ma qiesx lin-nies komuni bħala dawk “li ma jafux il-liġi” (Ġwanni 7:49).
5. Fl-istorja tas-sinjur u Lażżru, Ġesù jimplika li Mosè u l-profeti għandhom il-firma ċara u inkonfutabbli tas-sopranaturali, u x-xhieda tagħhom tiswa iżjed milli wieħed iqum mill-mewt jew jerġa’ lura minn art l-imwiet u jitkellem mal-ħajjin (Luqa 16:29-31). Ġesù kkritika lil-Lhud għax ma sabux il-ħajja eterna fl-Iskrittura, billi ma qrawhiex bil-ħsieb li jsibu lill-Messija fiha (Ġwanni 5:37-39). Jafferma li l-Iskrittura hi infallibbli u ma tistax tinkiser (Ġwanni 10:35). Għal Ġesù Kristu, jekk ma temminx l-Iskrittura, tkun qed tipprova tikser xi ħaġa li Alla ddikjara ċerta.
6. F’dan ir-rigward, hu ekolwenti immensament il-fatt li l-għedewwa tiegħu qatt ma provaw jitfgħu suspett fuq l-attitudni ta’ Kristu lejn l-Iskrittura, għalkemm kienu tant imħeġġin biex isibu xi akkuża kontrih.
F’dan il-qasam importanti, Ġesù hu l-mudell għalina. Għalih il-Bibbja hi l-ogħla awtorità, u jqisha bħala l-imħallef finali għat-twemmin tagħna, għax hi l-leħen t’Alla nnifsu. Tajjeb nimitawh!