L-importanza u l-uniċità tal-Patt il-Ġdid

Is-sebgħa u għoxrin dokument tal-Patt il-Ġdid jifformaw il-parti definittiva u kruċjali mir-rivelazzjoni divina, li kienet diġà bdiet tingħata progressivament matul is-sekli u eventwalment miġbura fid-disgħa u tletin ktieb l-oħra magħrufa bħala l-Patt il-Qadim. Mhux ftit huma dawk in-nies li qed juru interess fil-qari tal-Patt il-Ġdid illum; għandhom il-kuraġġ u l-impenn biex jiffamiljarizzaw irwieħhom ma’ dawn il-kotba uniċi biex jaraw għalihom infushom il-pedament li fuqha hi mibnija l-Fidi Kristjana, u hekk ikunu kkonfermati u stabbiliti fil-verità, sabiex jgħixuha.
Tajjeb inżommu quddiem għajnejna x’inhu l-iskop bażiku għala l-Ispirtu s-Santu tana l-Kelma bil-miktub. Pawlu jispeċifika l-intenzjoni divina meta jfakkar lil Timotju illi “mindu kont tarbija ilek taf l-Iskritturi sagri, li kapaċi jagħmluk għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi li hi fi Kristu Ġesù. Kull Skrittura hi ispirata minn Alla u siewja għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għall-korrezzjoni u għat-taħriġ fil-ġustizzja, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kwalifikat kompletament, fornut għal kull opra tajba” (2 Timotju 3:15-17).
Il-Bibbja, mela, turina t-triq biex naslu għas-salvazzjoni u l-barkiet kollha assoċjati magħha. Tagħmel dan billi tikkonvinċina dwar il-ħtieġa li nafdaw fi Kristu Ġesù għall-ġustifikazzjoni u l-fidwa tagħna. Imbagħad, bħala fidili, inkomplu billi niskopru fiha r-rieda t’Alla għalina matul ħajjitna, biex naqduh għall-glorja tiegħu u l-ġid tagħna.
B’mod partikolari l-Patt il-Ġdid huwa imprezzabbli għax ngħata bħala l-milja tar-rivelazzjoni divina, li tagħti tweġibiet sodisfaċenti għall-ifnad ħtiġijiet tal-umanità. Bit-tagħlim tiegħu, fi qlubna u f’moħħna, għandna dawl għall-mogħdija tagħna f’dinja spiritwalment mitlufa u żboxxlata; bih għandna mappa għall-feliċità u t-twettiq etern tagħna.
Għaldaqstant, kwalunkwe Kristjan b’miżura ta’ maturità jistqarrlek bla tlaqliq li dawn, flimkien mal-kotba tal-Patt il-Qadim, huma d-dokumenti l-aktar importanti li qatt rat id-dinja. Fil-kwalità huma fi klassi għalihom – minħabba f’hekk insejħulhom l-Iskritturi Mqaddsa, għax huma separati u differenti minn kull kitba oħra. Nemmnu li Alla nnifsu, l-Etern u l-Infinit, żar il-pjaneta tagħna f’sura ta’ bniedem. Ninsabu assigurati fl-ispirtu tagħna li l-Patt il-Ġdid jikkomprendi fih ir-rekordju awtentiku u infallibbli dwar il-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù ta’ Nażaret, il-Messija mwiegħed, u dwar il-moviment inawgurat minnu, magħruf bħala saltnet Alla, u manifestat fil-knisja tiegħu, illum ifformata minn persuni konvertiti msejħa minn fost il-ġnus kollha. Dan kollu hu supremament importanti għar-razza umana kollha.
L-Iskritturi Mqaddsa kollha huma l-Kelma t’Alla. Hi rivelazzjoni stabilita għal dejjem u żgura, u ladarba ħarġet mingħand il-Ħallieq uniku, Alla Trinità, allura tindirizzana b’awtorità suprema u assoluta, għax hi l-leħen ħaj t’Alla. Ogħla minnu m’hawnx. Mela l-messaġġ tal-Bibbja jibqa’ rilevanti minn ġenerazzjoni għall-oħra. Mingħajr il-Bibbja, il-knisja b’mod partikolari ma tista’ la teżisti u lanqas iżżomm bogħod mill-errur fatali.
Imqar għal daqshekk, l-Iskrittura ħaqqha l-aqwa rispett: imissna nemmnuha bla tlaqliq, nipprattikaw it-tagħlim tagħha konsistentement, u nwassluha lil nies oħra. Minħabba f’hekk ukoll, il-Bibbja għandna tinżamm bla mittiefsa, bla ma nissograw inbagħbsu magħha. Il-knisja matul il-ġenerazzjonijiet normalment għarfet din l-importanza li l-Iskrittura tkun protetta u miżmuma f’kull safa u integrità.